26.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/13


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/500

tat-22 ta' Marzu 2018

dwar il-konformità tal-proposta biex jiġi stabbilit il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija bejn l-Alpi u l-Balkani tal-Punent mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2018) 1625)

(It-testi bil-Bulgaru, bil-Kroat, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bis-Sloven biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta' Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 ta' dan it-Trattat,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, il-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fl-Awstrija, fil-Bulgarija, fil-Kroazja, fis-Serbja u fis-Slovenja bagħtu ittra ta' intenzjoni b'mod konġunt lill-Kummissjoni, li rċeviet fis-16 ta' Novembru 2017. L-ittra kienet tinkludi proposta biex jiġi stabbilit kuritur ferrovjarju tal- merkanzija ġdid, imsejjaħ il-kuritur bejn l-Alpi- u l-Balkani tal-Punent, fit-territorju ta' dawk l-erba' Stati Membri u tas-Serbja.

(2)

Il-Kummissjoni eżaminat il-proposta inkluża fl-ittra ta' intenzjoni skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 u tqis li l-proposta hija konformi mal-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament għar-raġunijiet stipulati hawn taħt.

(3)

L-Anness I.2 tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport iffirmat bejn l-Unjoni u l-Partijiet Ewropej tax-Xlokk jipprevedi bażi legali għas-Serbja biex tipparteċipa fil-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija billi ssemmi r-Regolament (UE) Nru 913/2010 fost id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi tal-Unjoni. Fl-24 ta' Novembru 2017, is-Serbja rratifikat it-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport li ġie applikat b'mod proviżorju mis-27 ta' Novembru 2017. Is-Serbja impenjat ruħha li tittrasponi l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali skont it-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport, u fi kwalunkwe każ, qabel l-istabbiliment tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija propost.

(4)

Il-Kummissjoni tqis li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tqiesu fil-proposta kif ġej:

 

punt (a): ir-rotta proposta tgħaqqad erba' Stati Membri u s-Serbja;

 

punt (b): l-implimentazzjoni tar-rotta prinċipali proposta tal-kuritur

 

Salzburg — Villach — Ljubljana –/

 

Wels/Linz — Graz — Maribor –

 

Zagreb — Vinkovci/Vukovar — Tovarnik — Beograd — Sofia — Svilengrad (il-fruntiera bejn il-Bulgarija u t-Turkija)

sa fejn huma kkonċernati l-Istati Membri, għal ħafna mit-tul tagħha tuża linji li huma parti min-netwerk ewlieni tat-TEN-T, u fir-rigward tas-Serbja, in-netwerk ewlieni indikattiv (3). Is-sezzjonijiet l-oħra previsti għall-implimentazzjoni tar-rotta prinċipali huma parti min-netwerk komprensiv. Barra minn hekk, il-parti ċentrali tal-kuritur C11 tar-RNE jinkludi r-rotta ewlenija tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija propost minn Salzburg għall-fruntiera bejn il-Bulgarija u t-Turkija;

 

punt (e): il-kuritur propost se jikkomplementa l-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija eżistenti fir-reġjun Ewropew tax-Xlokk, b'mod partikolari billi jagħti aċċess għal reġjuni li s'issa mhumiex koperti min-netwerk ta' kurituri ferrovjarji tal-merkanzija. Se jipprovdi wkoll rotta alternattiva għal żewġ kurituri ferrovjarji tal- merkanzija eżistenti, li huma l-kurituri ferrovjarji tal-merkanzija bejn l-Orjent u l-Mediterran tal-Lvant, u bejn ir-Renu u d-Danubju, li se ssaħħaħ l-għażliet għal ġestjoni ta' kontinġenza bejn il-kurituri bbażata fuq ir-rotot addizzjonali ta' devjazzjoni, u għaldaqstant tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-merkanzija ferrovjarja, b'mod partikolari f'każ ta' interuzzjonijiet kbar;

 

punt (f): ir-rotta proposta hija assi ferrovjarja ewlenija għall-merkanzija fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. Fil-passat, tul il-kuritur kienu jintbagħtu volumi sinifikament ogħla mill-volumi ta' merkanzija attwali stmati fis-sezzjonijiet li jintużaw l-iktar. Fil-fatt, hemm potenzjal importanti biex jiġi żviluppat it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, bħal bidla modali jew żvilupp tal-volumi ġenerali tat-trasport, għaż-żewġ sottoswieq li jista' jservi l-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija bejn l-Alpi u l-Balkani tal-Punent: minn naħa, it-trasport tal-merkanzija bejn ir-reġjuni moqdi direttament mill-kuritur u bejn dawn ir-reġjuni u partijiet oħra tal-Ewropa, u min-naħa l-oħra, it-trasport tal-merkanzija li jgħaddi matul il-kuritur kollu. B'mod partikolari, il-kuritur jista' jaqdi d-domanda evidenti għas-servizzi ferrovjarji tal-merkanzija intermodali bejn l-Unjoni u t-Turkija;

 

punt (g): il-kuritur se joħloq il-bażi għal interkonnessjonijiet aħjar bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi Ewropej peress li se jinkludi s-Serbja u jiffaċilita l-konnessjoni mat-Turkija fil-fruntiera bejn il-Bulgarija u t-Turkija, billi jipprovdi rabta diretta bejn l-Ewropa tal-Punent/l-Ewropa Ċentrali u t-Turkija;

 

punt (h): tul is-sajf tal-2017, l-applikanti potenzjali ġew ikkonsultati dwar l-istabbiliment tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija bejn l-Alpi u l-Balkani tal-Punent. Kif dokumentat fl-Anness III tal-ittra ta' intenzjoni, 20 kumpanija esprimew l-appoġġ tagħhom. Fost dawk l-impriżi, 13 kienu impriżi ferrovjarji, tlieta kienu operaturi intermodali, tlieta kienu spedizjoniera tal-merkanzija u wieħed kien sid ta' vettura;

 

punt (i): il-kuritur propost jagħti aċċess dirett għat-terminals ewlenin tal-Istati Membri kkonċernati. Interfaċċi intermodali max-xmajjar Danubju u Sava jingħataw f'postijiet differenti. Barra minn hekk, jingħata aċċess għall-portijiet tal-baħar, b'mod partikolari l-portijiet ta' Koper u ta' Rijeka, permezz tal-konnessjoni ma' kurituri ferrovjarji tal-merkanzija oħrajn.

(5)

Kif dokumentat fl-Anness II tal-ittra ta' intenzjoni, il-maniġers tal-infrastruttura kkonċernati esprimew l-appoġġ tagħhom għal dan il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija ġdid permezz ta' ittra konġunta ta' appoġġ.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ittra ta' intenzjoni li waslet fis-16 ta' Novembru 2017 dwar l-istabbiliment ta' kuritur ferrovjarju tal-merkanzija bejn l-Alpi u l-Balkani tal-Punent, mibgħuta b'mod konġunt lill-Kummissjoni mill-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fl-Awstrija, fil-Bulgarija, fil-Kroazja, fis-Serbja u fis-Slovenja, u li tipproponi r-rotta

 

Salzburg — Villach — Ljubljana –/

 

Wels/Linz — Graz — Maribor –

 

Zagreb — Vinkovci/Vukovar — Tovarnik — Beograd — Sofia — Svilengrad (il-fruntiera bejn il-Bulgarija u t-Turkija)

bħala r-rotta prinċipali tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija bejn l-Alpi u l-Balkani tal-Punent mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tas-Slovenja u lir-Repubblika tas-Serbja.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1.

(2)   ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/758 tal-4 ta' Frar 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-adattament tal-Anness III tiegħu (ĠU L 126, 14.5.2016, p. 3).