|
23.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 81/15 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/486
tad-19 ta' Marzu 2018
li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 291(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprevedi li persuna taxxabbli li tforni merkanzija jew servizzi, bħala regola ġenerali, hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa. |
|
(2) |
Sabiex tikkumbatti l-frodi tal-VAT fis-settur tal-aġenziji tal-impjiegi temporanji, fl-2014 l-Ungerija talbet l-awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE li tipprevdi li, għall-provvisti ta' persunal involut f'attivitajiet għajr dawk koperti mill-punt (a) tal-Artikolu 199(1) ta' dik id-Direttiva, il-persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li lilha ssir il-provvista (il-mekkaniżmu tar-reverse charge). L-awtorizzazzjoni ngħatat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2349 (2) u skadiet fil-31 ta' Diċembru 2017. |
|
(3) |
Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta' Ġunju 2017, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tagħmel ir-riċevitur responsabbli għall-ħlas tal-VAT għall-provvista tal-persunal. |
|
(4) |
F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz ta' ittra datata 11 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni ttrażmettiet it-talba mressqa mill-Ungerija lill-Istati Membri l-oħra. Permezz ta' ittra datata 12 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' tqis it-talba. |
|
(5) |
Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Ungerija, għadd ta' kummerċjanti fis-settur tal-aġenziji tal-impjiegi temporanji huma involuti f'attivitajiet frodulenti billi jipprovdu servizzi mingħajr ma jħallsu l-VAT applikabbli lill-awtoritajiet tat-taxxa. Peress li dan it-tip ta' attività ma jirrikjedix neċessarjament spejjeż ta' input jew investimenti kbar, il-VAT li dawn l-aġenziji jirċievu spiss jisboq sewwa l-VAT deduċibbli li jkunu ħallsu lill-fornituri tagħhom. Għadd ta' dawn l-aġenziji, li spiss ikollhom ftit jew xejn assi, sussegwentement jisparixxu wara biss ftit xhur, u l-irkupru tal-VAT mhux imħallas isir diffiċli jew impossibbli. |
|
(6) |
Bid-deżinjazzjoni tal-persuna li lilha jingħataw tali servizzi bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f'dawn il-każijiet, id-deroga telimina l-opportunità għall-involviment f'dik il-forma ta' evażjoni tat-taxxa. L-Ungerija sostniet li wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvista tal-persunal fl-Ungerija, l-għadd ta' aġenziji tal-impjiegi naqas, u dan jissuġġerixxi li s-suq tnaddaf. Skont l-Ungerija, il-mekkaniżmu tar-reverse charge wera li huwa strument adatt u effettiv biex jikkumbatti prattiki frodulenti fis-settur tal-aġenziji tal-impjiegi temporanji. |
|
(7) |
Abbażi ta' informazzjoni pprovduta mill-Ungerija, ġie introdott għadd sinifikanti ta' miżuri għall-ġielda kontra l-frodi tal-VAT, u miżuri oħra kontra l-frodi b'enfasi partikolari fuq l-aġenziji tal-impjiegi temporanji huma ppjanati mill-Ungerija. Minkejja dawn il-miżuri, l-Ungerija tqis li, sabiex tkompli titnaqqas il-ħsara li saret lis-settur, jenħtieġ li l-mekkaniżmu protettiv tar-reverse charge jkompli japplika. |
|
(8) |
Għal għadd ta' sitwazzjonijiet li jinvolvu l-provvista tal-persunal, elenkati fil-punt (a) tal-Artikolu 199(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, diġà huwa possibbli li r-riċevitur ikun speċifikat bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Għalhekk, sabiex timpedixxi l-evażjoni tat-taxxa, jenħtieġ li l-Ungerija tkun awtorizzata tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti tal-persunal li mhumiex diġà koperti mid-Direttiva 2006/112/KE. |
|
(9) |
Id-deroga jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien u jenħtieġ għaldaqstant li tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2020. |
|
(10) |
Sabiex ikun żgurat li l-objettivi ta' din il-miżura jinkisbu, inkluż li tiġi żgurata l-applikazzjoni mingħajr interruzzjoni tad-deroga awtorizzata preċedentement u li jkun hemm ċertezza legali fil-perijodu tat-taxxa, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2018. Billi l-Ungerija talbet it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni fis-26 ta' Ġunju 2017 u baqgħet tapplika r-reġim legali stabbilit fil-liġi nazzjonali tagħha abbażi tad-deroga awtorizzata preċedentement mill-1 ta' Jannar 2018, l-aspettativi leġittimi tal-persuni kkonċernati huma debitament rispettati. |
|
(11) |
Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Ungerija għandhom jeliminaw il-frodi fis-settur ikkonċernat u, għalhekk, ma tenħtieġ l-ebda deroga oħra mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-provvista tal-persunal. |
|
(12) |
Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija hija awtorizzata li tistipula li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li jsirulha l-provvisti tal-persunal, li tkun involuta f'attivitajiet oħra għajr dawk koperti mill-punt (a) tal-Artikolu 199(1) tad-Direttiva 2006/112/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tagħha.
Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
R. PORODZANOV
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2349 tal-10 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 16.12.2015, p. 53).