|
19.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 76/30 |
DEĊIŻJONI (UE) 2018/412 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-14 ta' Marzu 2018
li temenda d-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209 u 212 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Il-komunità internazzjonali qed tiffaċċa kriżi bla preċedent ta' migrazzjoni u refuġjati, li teħtieġ solidarjetà u l-mobilizzazzjoni effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji u li tenħtieġ li jiġu ffaċċati u jintegħlbu l-isfidi eżistenti b'mod ikkoordinat. Jenħtieġ li l-atturi kollha jaħdmu flimkien biex japplikaw politiki sostnuti, fuq terminu medju u fit-tul kif ukoll jagħmlu użu effiċjenti ta' programmi eżistenti bl-għan li jiżviluppaw u jappoġġaw inizjattivi li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u għall-indirizzar tal-fatturi politiċi, soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jikkostitwixxu l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, inkluż, iżda mhux limitat għall-faqar, inugwaljanza, tkabbir demografiku, nuqqas ta' impjiegi, aċċess limitat għall-edukazzjoni u opportunitajiet ekonomiċi, instabilità, kunflitt, tibdil fil-klima u l-konsegwenzi fit-tul taċ-ċaqliq sfurzat. |
|
(2) |
Filwaqt li l-proviżjoni ta' riżorsi biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni hija ta' importanza kbira, l-Unjoni tibqa' impenjata bis-sħiħ għall-politiki f'oqsma oħra ta' prijorità strateġika ewlenija kif deskritt fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea. |
|
(3) |
Ġie żviluppat qafas ġdid ta' sħubija ma' pajjiżi terzi orjentat lejn ir-riżultati li jikkunsidra l-politiki u l-istrumenti kollha tal-Unjoni. Bħala parti minn dak il-qafas ġdid ta' sħubija, il-Pjan ta' Investiment Estern tal-Unjoni ġie stabbilit sabiex jappoġġa l-investimenti f'reġjuni barra mill-Unjoni filwaqt li jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tan-NU u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni. Jenħtieġ ukoll li jikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Ftehim ta' Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (il-“Ftehim ta' Pariġi”), kif ukoll l-objettivi segwiti minn strumenti finanzjarji oħra għall-azzjoni esterna. |
|
(4) |
Fit-28 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill Ewropew approva l-proposta tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li jikkontribwixxi għall-Pjan ta' Investiment Estern permezz tal-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI, li hija mfassla biex trawwem investimenti fil-Viċinat tan-Nofsinhar u l-Balkani tal-Punent. |
|
(5) |
Komponent ewlieni tal-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI huwa l-espansjoni, f'termini kemm kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi, tal-Mandat ta' Self Estern tal-BEI. Jenħtieġ li dan jippermetti lill-BEI jikkontribwixxi b'mod rapidu għall-objettivi tal-Pjan ta' Investiment Estern, b'mod partikolari billi jipprovdi finanzjament addizzjonali lil benefiċjarji fis-settur privat, bil-għan li jkun attirat investiment privat u li tingħata spinta lill-investimenti fit-tul. |
|
(6) |
Il-Bord Strateġiku tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, fejn il-BEI huwa rappreżentat, ser jipprovdi gwida dwar il-komplementarjetà bejn l-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI u l-komponenti tal-Pjan ta' Investiment Estern f'konformità mar-regoli ta' proċedura u mingħajr preġudizzju għar-regoli interni ta' governanza tal-BEI. |
|
(7) |
Ingħatat garanzija baġitarja lill-BEI għall-operazzjonijiet ta' finanzjament imwettqa barra mill-Unjoni (il-“garanzija tal-UE”) bid-Deċiżjoni 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(8) |
F'konformità mad-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-BEI, ħejjiet rapport ta' rieżami ta' nofs it-terminu li jevalwa l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' valutazzjoni esterna indipendenti. |
|
(9) |
Ir-reżiljenza ekonomika fit-tul tar-refuġjati, migranti, komunitajiet ospitanti u ta' tranżitu u komunitajiet ta' oriġini. bħala risposta strateġika għall-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni jenħtieġ li tiġi miżjuda bħala objettiv ġdid appoġġat mill-garanzija tal-UE (l-“objettiv il-ġdid”). |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-operazzjonijiet appoġġati taħt l-objettiv il-ġdid jkunu distinti mill-isforzi tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll fuq il-fruntieri. |
|
(11) |
Sabiex il-Mandat ta' Self Estern ikun jista' jwieġeb għall-isfidi futuri potenzjali u għall-prijoritajiet tal-Unjoni, kif ukoll biex jinkiseb l-objettiv il-ġdid, jenħtieġ li l-limitu massimu għall-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI taħt il-garanzija tal-UE jiżdied għal EUR 32 300 000 000. |
|
(12) |
Taħt il-mandat ġenerali, jenħtieġ li EUR 1 400 000 000 ikunu allokati għal proġetti fis-settur pubbliku diretti lejn il-kisba tal-objettiv il-ġdid. |
|
(13) |
Taħt mandat ġdid ta' self tas-settur privat, jenħtieġ li ammont massimu ta' EUR 2 300 000 000 ikun iddedikat lill-proġetti diretti lejn il-kisba tal-objettiv il-ġdid fi ħdan il-limitu massimu miżjud u jenħtieġ li jibbenefika mill-Garanzija Komprensiva tal-Unjoni. |
|
(14) |
Is-suċċess ta' wieħed mill-objettivi prinċipali tal-BEI taħt il-Mandat ta' Self Estern, jiġifieri appoġġ għal żvilupp tas-settur privat lokali, b'mod partikolari appoġġ għal intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (SMEs), jiddependi minn fatturi bħall-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, il-kreditu u l-assistenza teknika, mill-promozzjoni tal-intraprenditorija u minn sforzi li jistimulaw it-transizzjoni mill-ekonomija informali volatili għas-settur formali. F'dak il-kuntest, jenħtieġ li l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI jfittxu li jappoġġaw proġetti ta' investiment żgħar immexxija minn SMEs, kif ukoll proġetti ta' investiment f'żoni rurali remoti u fil-qasam tat-trattament tal-ilma tax-xorb, tal-iskart tal-ilma mormi u l-enerġija rinnovabbli. |
|
(15) |
Jenħtieġ li l-komplementarjetà u l-koordinazzjoni mal-inizjattivi tal-Unjoni li jindirizzaw il-kawżi tal-migrazzjoni jiġu żgurati, anke permezz tal-appoġġ tal-Unjoni għar-reintegrazzjoni sostenibbli ta' migranti li jirritornaw lejn il-pajjiżi ta' oriġini. |
|
(16) |
B'segwitu għall-Ftehim ta' Pariġi, jenħtieġ li l-BEI jagħmel ħiltu biex jinżamm livell għoli tal-operazzjonijiet rilevanti għall-klima, li l-volum tagħhom għandu jirrappreżenta mill-inqas 25 % tal-operazzjonijiet ta' finanzjament kollha tal-BEI barra l-Unjoni. Jenħtieġ li l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI koperti mid-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE jkunu konsistenti fir-rigward tal-kisba tal-għan ta' mill-inqas 35 % tal-operazzjonijiet ta' finanzjament totali tal-BEI f'ekonomiji emerġenti u pajjiżi li qed jiżviluppaw barra mill-Unjoni sal-2020. Jenħtieġ li l-BEI jikkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 dwar it-tneħħija gradwali ta' sussidji ta' ħsara ambjentali jew ekonomika, inkluż dawk dwar karburanti fossili. |
|
(17) |
Jenħtieġ li r-riskju għall-baġit ġenerali tal-Unjoni assoċjat mal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI taħt il-mandat ta' self tas-settur privat ikun ipprezzat. Jenħtieġ li d-dħul iġġenerat minn tali pprezzar tar-riskju jitħallas fil-Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (3) biex ikun kopert ir-riskju kummerċjali u biex jiġu evitati d-distorsjonijiet tas-suq. |
|
(18) |
Jenħtieġ li l-BEI jiżviluppa u jimplimenta sett ta' indikaturi fil-qafas għall-Kejl tar-Riżultati tiegħu għall-proġetti diretti lejn il-kisba tal-objettiv il-ġdid. Għalhekk, jenħtieġ li fir-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI tiġi inkluża valutazzjoni tal-kontribut tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI favur dan l-objettiv ġdid, inkluż fejn applikabbli l-kontribuzzjoni għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tan-NU, l-involviment tas-soċjetà ċivili lokali u l-allinjament mal-prijoritajiet tal-politika esterna u tal-baġit tal-Unjoni. |
|
(19) |
Jenħtieġ li jiġu żgurati l-viżibilità u t-trasparenza tal-operazzjonijiet ta' finanzjament koperti mid-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE, partikolarment fir-rigward ta' proġetti ffinanzjati permezz tal-intermedjarji finanzjarji, billi jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għall-pubbliku inġenerali, b'kont meħud tal-ħtieġa li tkun protetta informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva. |
|
(20) |
Il-politika rilevanti tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għall-finijiet ta' taxxa hija stabbilita fl-atti ġuridiċi tal-Unjoni u f'konklużjonijiet tal-Kunsill, b'mod partikolari fl-Anness ta' dawk tat-8 ta' Novembru 2016, u f'kull aġġornament sussegwenti. |
|
(21) |
Id-diliġenza dovuta fuq l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI koperti mid-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE jenħtieġ li tinkludi verifika bir-reqqa tal-konformità ma' leġislazzjoni applikabbli tal-Unjoni u ma' standards miftiehma internazzjonali u tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, il-frodi fiskali u l-evitar tat-taxxa. Barra minn hekk, fil-kuntest tar-rappurtar taħt il-Mandat ta' Self Estern, jenħtieġ li l-BEI jipprovdi informazzjoni, fuq bażi ta' pajjiż pajjiż, dwar il-konformità tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI mal-politika tiegħu dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u l-lista ta' intermedjarji li magħhom il-BEI jikkoopera. |
|
(22) |
Fit-12 ta' Ottubru 2016, il-BEI approva l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-proġetti taħt l-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI li ġew approvati wara dik id-data u qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni u l-konklużjoni tal-ftehim ta' garanzija jiġu koperti mill-garanzija tal-UE, soġġett għall-konferma mill-Kummissjoni li huma f'konformità mal-objettiv il-ġdid u li jirrispettaw it-termini tal-ftehim ta' garanzija. |
|
(23) |
Jenħtieġ li l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI mal-korporattivi jibbenefikaw biss mill-garanzija komprensiva tas-settur privat jekk jippromwovu tkabbir inklużiv u ħolqien tal-impjiegi msaħħaħ u jekk mhumiex moqdija b'mod adegwat mis-swieq finanzjarji lokali. |
|
(24) |
Jenħtieġ li l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI ikunu konsistenti mal-prinċipji deskritti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 bit-titolu “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva”, anki fir-rigward tal-intermedjarji finanzjarji. |
|
(25) |
Jenħtieġ li l-limitu massimu għal allokazzjoni mill-ġdid bejn ir-reġjuni mill-BEI matul il-mandat jiżdied minn 10 % għal 20 % fejn il-prijoritajiet tal-politika esterna tal-Unjoni jinbidlu, jew f'każijiet ta' urġenza u sitwazzjonijiet ta' kriżi li jistgħu jinqalgħu matul il-mandat, kif espress fir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew u fid-deċiżjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma b'mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar tali riallokazzjonijiet. |
|
(26) |
Minħabba l-importanza tal-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI fl-istrateġija tal-Unjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, u l-ħtiġijiet tal-komunitajiet ospitanti u ta' tranżitu, jibqa' tal-akbar importanza li l-ammonti allokati taħt il-limiti massimi tal-Mandat ta' Self Estern għal proġetti maħsuba għall-objettiv il-ġdid jiġu assorbiti kompletament. Madankollu, jekk minħabba ċirkostanzi mhux previsti, l-ammonti allokati ma jkunux jistgħu jiġu assorbiti kompletament, jenħtieġ li jkun permess ukoll livell ta' flessibilità akbar. Għaldaqstant, jekk sat-30 ta' Ġunju 2019 il-BEI jikkonkludi li mhuwiex f'pożizzjoni li jassorbi l-mira prevista tiegħu taħt l-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI, għandu jkun possibbli li sa 20 % tal-EUR 1 400 000 000 taħt il-mandat ġenerali allokati għal proġetti fis-settur pubbliku u tal-EUR 2 300 000 000 taħt il-mandat il-ġdid ta' self tas-settur privat jiġu allokati mill-ġdid fi ħdan u/jew bejn pajjiżi u benefiċjarji fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni u pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija. Kwalunkwe tali allokazzjoni mill-ġdid għandha tkun soġġetta għal qbil minn qabel bejn il-Kummissjoni u l-BEI. |
|
(27) |
Jenħtieġ li l-listi ta' reġjuni u pajjiżi eliġibbli u ta' reġjuni u pajjiżi potenzjalment eliġibbli jiġu modifikati sabiex ikunu esklużi pajjiżi u reġjuni b'introjtu għoli u bi klassifikazzjoni ta' kreditu għolja, jiġifieri l-Brunei, iċ-Ċilì, l-Iżlanda, l-Iżrael, Singapore, il-Korea t'Isfel u t-Tajwan). Barra minn hekk, l-Iran għandu jiżdied mal-lista ta' reġjuni u pajjiżi potenzjalment eliġibbli. |
|
(28) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE hija emendata kif ġej:
|
(1) |
l-Artikolu 2 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 2 Limiti massimi fuq l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI koperti mill-garanzija tal-UE 1. Il-limitu massimu tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI koperti mill-garanzija tal-UE, matul il-perijodu 2014-20 għandu jkun EUR 32 300 000 000. L-ammonti inizjalment allokati għal operazzjonijiet ta' finanzjament iżda kkanċellati sussegwentement ma jgħoddux mal-limitu. Dan il-limitu massimu għandu jinqasam fi:
2. L-ammonti massimi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinqasmu f'limiti u sottolimiti massimi reġjonali kif stipulat fl-Anness I. Fil-limiti massimi reġjonali u matul il-perijodu kopert minn din id-Deċiżjoni, il-BEI għandu jiżgura distribuzzjoni tal-pajjiżi fir-reġjuni koperti mill-garanzija tal-UE, bilanċjata b'mod konformi mal-prijoritajiet tal-politika esterna tal-Unjoni li għandha tkun riflessa fil-linji gwida tekniċi operattivi reġjonali msemmijin fl-Artikolu 5.”. |
|
(2) |
l-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 3 Għanijiet u prinċipji ġenerali 1. Il-garanzija tal-UE għandha tingħata biss għall-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li għandhom valur miżjud abbażi tal-valutazzjoni tal-BEI stess, u jappoġġaw kwalunkwe għan ġenerali minn dawn li ġejjin:
2. Filwaqt li jiġi ppreservat l-karattru distint tal-BEI bħala bank ta' investiment, l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jsiru taħt din id-Deċiżjoni għandhom jikkontribwixxu għall-interess ġenerali tal-Unjoni, b'mod partikolari l-prinċipji li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 21 tat-TUE, u għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali internazzjonali li l-Unjoni tagħmel parti minnhom. Il-korpi governattivi tal-BEI huma inkoraġġuti jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jadattaw l-attività tal-BEI biex isir kontribut għall-politika esterna tal-Unjoni b'mod effettiv, u biex jiġu sodisfatti b'mod adegwat ir-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. 3. L-integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi, inklużi b'mod partikolari l-integrazzjoni ekonomika bejn il-pajjiżi u benefiċjarji fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni, pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija u l-Unjoni, għandha tkun għan bażiku tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fi ħdan l-oqsma koperti mill-għanijiet ġenerali previsti fil-paragrafu 1. Il-BEI għandu jwettaq operazzjonijiet finanzjarji fil-pajjiżi benefiċjarji fl-oqsma koperti mill-għanijiet ġenerali b'appoġġ għall-investimenti diretti barranin li jippromwovu l-integrazzjoni ekonomika mal-Unjoni. 4. Fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif iddefiniti fil-lista ta' riċevituri tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom jikkontribwixxu, f'konformità mal-Artikoli 208 u 209 TFUE, għall-objettivi tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni, b'mod partikolari lejn it-tnaqqis tal-faqar permezz tat-tkabbir inklużiv u l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali sostenibbli. 5. Biex jiġi żgurat li l-investimenti tas-settur privat ikollhom l-ikbar impatt fuq l-iżvilupp, il-BEI għandu jagħmel ħiltu biex jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-impriża u investiment privati u għandu jiżgura, bħala prijorità, li jissaħħaħ is-settur privat lokali fil-pajjiżi benefiċjarji, inklużi kooperattivi u impriżi soċjali permezz ta' appoġġ għall-investiment lokali kif previst fil-punt (a) tal-paragrafu 1. L-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-BEI li jappoġġaw l-objettivi ġenerali stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom ifittxu li jsaħħu wkoll l-appoġġ tiegħu għall-proġetti ta' investiment mmexxija mill-SMEs mill-pajjiż riċevitur u mill-Unjoni, filwaqt li jippermettu aċċess għall-finanzjament ta' proġetti ta' investiment ġodda mmexxija mill-SMEs. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom jippermettu lill-SMEs jieħdu vantaġġ, fost l-oħrajn, mill-aċċess għas-suq għal SMEs fil-pajjiżi eliġibbli u l-integrazzjoni tagħhom fil-katini tal-valur globali, u għandhom jikkontribwixxu aktar għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-kumpaniji tal-Unjoni. Sabiex l-użu tal-fondi jiġi mmonitorjat u evalwat b'mod effettiv għall-benefiċċju tal-SMEs ikkonċernati, il-BEI għandu jwettaq eżerċizzju tad-diliġenza dovuta bir-reqqa u jistabbilixxi u jżomm dispożizzjonijiet kuntrattwali xierqa li jimponu obbligi ta' rappurtar standard kemm fuq l-intermedjarji finanzjarji kif ukoll fuq il-benefiċjarji finali. Il-BEI għandu jagħmel ħiltu biex jidentifika u jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-ostakoli ta' finanzjament li l-SMEs jiffaċċaw. Il-BEI għandu jikkoopera mal-intermedjarji finanzjarji li jistgħu jappoġġaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs fil-pajjiżi tal-operazzjoni u li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 13, kif trasposti fi ftehimiet taħt it-tielet subparagrafu tal-ewwel paragrafu ta' dak l-Artikolu. 6. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jappoġġaw l-objettiv ġenerali previst fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jappoġġaw il-proġetti ta' investiment fil-biċċa l-kbira fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, l-infrastruttura ambjentali, it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, is-saħħa u l-edukazzjoni. Dan jinkludi l-produzzjoni u l-integrazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, miżuri ta' effiċjenza enerġetika, it-trasformazzjoni tas-sistemi tal-enerġija li jippermettu l-bidla għal teknoloġiji u fjuwils b'livell inqas intensiv tal-karbonju, is-sigurtà tal-enerġija u l-infrastruttura tal-enerġija sostenibbli, inkluż għall-produzzjoni tal-gass u t-trasport tal-gass lejn is-suq tal-enerġija tal-Unjoni, kif ukoll l-elettrifikazzjoni ta' żoni rurali, l-infrastruttura ambjentali bħall-ilma u s-sanità u l-infrastruttura ekoloġika, it-telekomunikazzjoni u l-infrastruttura tan-netwerk tal-broadband. 7. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jappoġġaw l-objettivi ġenerali stabbiliti fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandhom jappoġġaw il-proġetti ta' investiment fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih li jikkontribwixxu għall-objettivi globali tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u tal-Ftehim ta' Pariġi adottat taħt dik il-Konvenzjoni, b'mod partikolari billi jiġu evitati jew imnaqqsa l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u billi titnaqqas il-marka tal-karbonju fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u t-trasport sostenibbli, jew billi tiżdied ir-reżiljenza għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima fuq il-pajjiżi, is-setturi u l-komunitajiet vulnerabbli. Il-kriterji ta' eliġibbiltà għall-proġetti ta' azzjoni klimatika huma definiti fl-Istrateġija tal-BEI dwar il-Klima. Abbażi tal-metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-proġetti u l-varjazzjonijiet tal-emissjonijiet imfassla mill-BEI, għandha tiġi inkluża analiżi tal-marka tal-karbonju fil-proċedura tal-valutazzjoni ambjentali biex jiġi determinat jekk il-proposti tal-proġetti jottimizzawx it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija. Matul il-perijodu kopert minn din id-Deċiżjoni, il-BEI għandu jagħmel ħiltu biex iżomm livell għoli tal-operazzjonijiet rilevanti għall-klima, li l-volum tagħhom għandu jirrappreżenta mill-inqas 25 % tal-operazzjonijiet ta' finanzjament kollha tal-BEI barra l-Unjoni. Il-finanzjament tal-BEI taħt din id-Deċiżjoni għandu jkun konsistenti fir-rigward tal-kisba tal-għan ta' mill-inqas 35 % tal-operazzjonijiet ta' finanzjament totali tal-BEI f'ekonomiji emerġenti u pajjiżi li qed jiżviluppaw barra mill-Unjoni sal-2020. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom, fost l-oħrajn, jintegraw azzjonijiet konkreti biex jitneħħa l-finanzjament ta' proġetti li jkunu ta' ħsara għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni dwar il-klima u biex ikunu intensifikati l-isforzi li jappoġġaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli u effiċjenza enerġetika. Il-BEI għandu jsaħħaħ l-elementi ta' adattament tat-tibdil fil-klima fil-kontribuzzjoni tiegħu għal proġetti fost l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fi ħdan il-Mandat ta' Self Estern tal-BEI. 8. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI li jappoġġaw l-objettivi ġenerali previsti fil-punt (d) tal-paragrafu 1 għandhom jappoġġaw il-proġetti ta' investiment li jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni u jikkontribwixxu għar-reżiljenza ekonomika fit-tul u għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u jissalvagwardjaw l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi benefiċjarji. Filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u dawk soċjali, il-libertajiet fundamentali u l-ugwaljanza bejn is-sessi billi jimplimentaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jkopri d-drittijiet tal-bniedem u soċjali kollha konformement mal-prinċipji ta' trasparenza, tal-parteċipazzjoni, tan-nondiskriminzzjoni u tar-responsabbilizzazzjoni, l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom:
L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI għandhom jappoġġaw dan li ġej:
9. L-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI favur l-objettivi ġenerali stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jirrikonoxxu li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija kwistjoni trasversali li hija kruċjali biex jintlaħaq l-iżvilupp sostenibbli u hija element importanti għad-diliġenza dovuta tal-proġetti. Perspettiva li tikkunsidra l-ġeneru għandha tiġi applikata għall-operazzjonijiet ta' finanzjament kollha ta' din ix-xorta. Il-BEI għandu jiżgura li l-operazzjonijiet ta' finanzjament kollha tal-BEI jikkonformaw mal-impenji stabbiliti fl-Istrateġija tiegħu għall-Ugwaljanza u bejn is-Sessi u l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi. 10. Il-BEI għandu jfittex jiżgura li l-kumpaniji parteċipanti fil-proġetti kofinanzjati mill-BEI jaderixxu mal-prinċipji ta' trasparenza fil-pagi u ta' ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll mal-prinċipju ta' paga ugwali kif stipulat fid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). Id-deċiżjonijiet tal-BEI dwar il-finanzjament tal-proġetti għandhom iqisu l-azzjoni meħuda mill-kumpaniji benefiċjarji potenzjali fir-rigward tal-paga ugwali u tar-responsabbiltà soċjali korporattiva. 11. Il-garanzija tal-UE għandha tkopri biss l-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI mwettqa fil-pajjiżi eliġibbli li kkonkludew ftehim qafas mal-BEI li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet legali li taħthom għandhom jitwettqu tali operazzjonijiet u li għandhom ikunu kompatibbli mad-Dikjarazzjoni tal-BEI dwar il-Prinċipji u l-Istandards Ambjentali u Soċjali u mal-Manwal Ambjentali u Soċjali tiegħu. (*1) Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).”." |
|
(3) |
l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:
|
|
(4) |
l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:
|
|
(5) |
l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:
|
|
(6) |
fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej: “Ir-riskju għall-baġit tal-Unjoni assoċjat mal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI taħt il-mandat ta' self tas-settur privat imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) għandu jkun ipprezzat u d-dħul iġġenerat mill-ipprezzar tar-riskju kummerċjali għandu jitħallas fil-Fond ta' Garanzija.”. |
|
(7) |
l-Artikolu 11(1) huwa emendat kif ġej:
|
|
(8) |
l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:
|
|
(9) |
l-Artikoli 13 u 14 jinbidlu b'dan li ġej: “Artikolu 13 Prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, tassazzjoni u ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx 1. Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu koperti minn din id-Deċiżjoni, il-BEI għandu jikkonforma mal-leġislazzjoni applikabbli tal-Unjoni u ma' standards miftiehma internazzjonalment u fil-livell tal-Unjoni u, għalhekk, ma għandux jappoġġa proġetti taħt din id- Deċiżjoni li jikkontribwixxu għall-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi fiskali jew l-evażjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, il-BEI ma għandux jidħol f'operazzjonijiet ġodda jew imġedda ma' entitajiet inkorporati jew stabbiliti f'ġurisdizzjonijiet elenkati taħt il-politika rilevanti tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, jew li huma identifikati bħala pajjiżi terzi b'riskju kbir skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), jew li mhumiex effettivament konformi mal-istandards fiskali tal-Unjoni jew miftiehma internazzjonalment dwar it-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni. Il-BEI jista' jidderoga minn dan il-prinċipju biss jekk il-proġett ikun fiżikament implimentat f'waħda minn dawn il-ġurisdizzjonijiet, u ma jippreżenta l-ebda indikazzjoni li l-operazzjoni rilevanti tikkontribwixxi għall-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi fiskali jew l-evażjoni tat-taxxa. Meta jikkonkludi ftehimiet ma' intermedjarji finanzjarji, il-BEI għandu jittrasponi r-rekwiżiti msemmija f'dan l-Artikolu fil-ftehimiet rilevanti u għandu jitlob lill-intermedjarji finanzjarji jirrapportaw fuq l-osservanza tagħhom. Il-BEI għandu jirrivedi l-politika tiegħu dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx sa mhux aktar tard minn wara l-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni tal-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa. Kull sena sussegwenti, il-BEI għandu jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-politika tiegħu dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx relattivament għall-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu, inklużi informazzjoni pajjiż pajjiż u lista ta' intermedjarji li magħhom huwa jikkoopera. 2. Fl-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu koperti minn din id-Deċiżjoni, il-BEI għandu japplika l-prinċipji u l-istandards stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) u d-Direttiva (UE) 2015/849. B'mod partikolari, il-BEI għandu jikkondizzjona kemm il-finanzjament dirett kif ukoll il-finanzjament permezz ta' intermedjarji taħt din id-Deċiżjoni għall-iżvelar ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849. Artikolu 14 Ftehim ta' garanzija Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jiffirmaw ftehim ta' garanzija li jistipula d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati marbutin mal-garanzija tal-UE kif stabbilita fl-Artikolu 8. Dak il-ftehim ta' garanzija għandu jiġi kkomunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill soġġett għar-regoli interni rispettivi tagħhom li jiggvernaw it-trattament tal-informazzjoni kunfidenzjali. (*2) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73)." (*3) Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).”." |
|
(10) |
l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:
|
|
(11) |
l-Artikolu 20 jinbidel b'dan li ġej: “Artikolu 20 Rappurtar Sat-30 ta' Ġunju 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jevalwa l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u li jagħti input għal possibilità ta' deċiżjoni ġdida dwar il-kopertura tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tal-BEI fi ħdan il-Mandat ta' Self Estern tal-BEI mill-garanzija tal-UE. Sal-31 ta' Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.”. |
|
(12) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 20a Dispożizzjoni tranżizzjonali Il-BEI jista' jiffinanzja proġetti li ġew approvati wara t-12 ta' Ottubru 2016 u qabel it-8 ta' April 2018 u l-konklużjoni ta' ftehim ta' garanzija bejn il-Kummissjoni u l-BEI. Tali proġetti jistgħu jiġu koperti mill-garanzija tal-UE, soġġett għal konferma mill-Kummissjoni li jkunu skont l-objettiv definit fil-punt (d) tal-Artikolu 3(1) u jirrispettaw it-termini miftiehma tal-ftehim ta' garanzija.”. |
|
(13) |
l-Annessi I, II, u III jinbidlu bit-test stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni. |
|
(14) |
fl-Anness IV, l-ewwel paragrafu jinbidel b'dan li ġej: “L-attività tal-BEI fil-pajjiżi sħab li jipparteċipaw fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni sseħħ fil-qafas stabbilit fis-Sħubiji ta' Adeżjoni u Ewropej li jistabbilixxu l-prijoritajiet għal pajjiżi u benefiċjarji fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni bil-ħsieb li jsir progress fit-tqarrib lejn l-Unjoni, u li jipprovdu qafas għall-għajnuna mill-Unjoni. Il-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni huwa l-qafas politiku tal- Unjoni għall-Balkani tal-Punent. Dan huwa msejjes fuq sħubija progressiva, li fiha l-Unjoni toffri konċessjonijiet kummerċjali, għajnuna ekonomika u finanzjarja u relazzjonijiet kuntrattwali permezz tal-ftehimiet ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni. L-għajnuna finanzjarja ta' qabel l-adeżjoni tgħin lill-pajjiżi u benefiċjarji fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni biex jitħejjew għall-obbligi u l-isfidi tal-isħubija fl-Unjoni. Tali għajnuna tappoġġa l-proċess ta' riformi, inklużi t-tħejjijiet għall-eventwalità li dawn il-pajjiżi jsiru membri. Hija tiffoka fuq it-tiswir istituzzjonali, il-konformità mal-acquis tal-Unjoni, it-tħejjija għall-politika u l-istrumenti tal-Unjoni u l-promozzjoni ta' miżuri biex tintlaħaq il-konverġenza ekonomika.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Marzu 2018.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
L. PAVLOVA
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2018.
(2) Id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea (ĠU L 135, 8.5.2014, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).
ANNESS
“ANNESS I
LIMITI MASSIMI REĠJONALI
|
A. |
Pajjiżi u benefiċjarji fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni: EUR 8 075 000 000, li minnhom EUR 7 635 000 000 taħt il-mandat ġenerali u EUR 440 000 000 taħt il-mandat ta' self tas-settur privat. |
|
B. |
Pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija: EUR 19 680 000 000, imqassma fis-sottolimiti massimi li ġejjin:
|
|
C. |
L-Asja u l-Amerika Latina: EUR 4 083 000 000, imqassma fis-sottolimiti massimi li ġejjin:
|
|
D. |
L-Afrika t'Isfel: EUR 462 000 000.
Fi ħdan il-limitu massimu ġenerali, il-korpi governattivi tal-BEI jistgħu jiddeċiedu, wara li jkunu kkonsultaw lill-Kummissjoni, li jallokaw mill-ġdid ammont ta' mhux aktar minn 20 % tal-limiti massimi sottoreġjonali fi ħdan ir-reġjuni u ta' mhux aktar minn 20 % tal-limiti massimi reġjonali bejn ir-reġjuni. F'każ li, sat-30 ta' Ġunju 2019, il-korpi governattivi tal-BEI jikkonkludu li l-BEI mhuwiex f'pożizzjoni li jassorbi l-mira prevista tiegħu skont l-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI, sa 20 % tal-EUR 1 400 000 000 taħt il-mandat ġenerali allokati għal proġetti fis-settur pubbliku u tal-EUR 2 300 000 000 taħt il-mandat ta' self tas-settur privat jistgħu jiġu allokati mill-ġdid fi ħdan u/jew bejn ir-reġjuni msemmija fil-punti A u B ta' dan l-Anness. Kwalunkwe allokazzjoni mill-ġdid taħt l-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI għandha tkun soġġetta għal qbil minn qabel bejn il-Kummissjoni u l-BEI. Il-korpi governattivi tal-BEI għandhom b'mod partikolari jużaw tali possibbiltà ta' allokazzjoni mill-ġdid biex il-garanzija tal-UE tkun tista' tkompli tagħti attenzjoni lill-proġetti bi profil ta' riskju ogħla f'reġjuni ta' prijorità. Il-Kummissjoni għandha tinforma b'mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar tali riallokazzjonijiet. |
“ANNESS II
REĠJUNI U PAJJIŻI POTENZJALMENT ELIĠIBBLI
A. Pajjiżi u benefiċjarji fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni
L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo (*1), il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija (1)
B. Pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija:
1. Il-pajjiżi Mediterranji
L-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Palestina, is-Sirja, it-Tuneżija
2. L-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Russja
L-Ewropa tal-Lvant: il-Bjelorussja, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukraina
Il-Kawkasu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Georgia
Ir-Russja
C. L-Asja u l-Amerika Latina
1. L-Amerika Latina
L-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, il-Kolombja, il-Costa Rica, Kuba, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Honduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj, il-Venezwela
2. L-Asja
L-Afganistan, il-Bangladesh, il-Bhutan, il-Kambodja, iċ-Ċina, l-Indja, l-Indoneżja, l-Iran, l-Iraq, il-Laos, il-Malasja, il-Maldivi, il-Mongolja, il-Myanmar/Burma, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, is-Sri Lanka, it-Tajlandja, il-Vjetnam, il-Jemen
3. L-Asja Ċentrali
Il-Każakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Użbekistan
D. L-Afrika t'Isfel
L-Afrika t'Isfel
“ANNESS III
REĠJUNI U PAJJIŻI ELIĠIBBLI
A. Pajjiżi u benefiċjarji fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni
L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo (*2), il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija (2)
B. Pajjiżi tal-Viċinat u tas-Sħubija
1. Il-pajjiżi Mediterranji
L-Alġerija, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Palestina, it-Tuneżija
2. L-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Russja
L-Ewropa tal-Lvant: il-Bjelorussja, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukraina
Il-Kawkasu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Georgia
Ir-Russja
C. L-Asja u l-Amerika Latina
1. L-Amerika Latina
L-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, il-Kolombja, il-Costa Rica, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Honduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj, il-Venezwela
2. L-Asja
Il-Bangladesh, il-Bhutan, il-Kambodja, iċ-Ċina, l-Indja, l-Indoneżja, l-Iraq, il-Laos, il-Malasja, il-Maldivi, il-Mongolja, il-Myanmar/Burma, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, is-Sri Lanka, it-Tajlandja, il-Vjetnam, il-Jemen
3. L-Asja Ċentrali
Il-Każakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Użbekistan
D. L-Afrika t'Isfel
L-Afrika t'Isfel
(*1) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u l-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Kosovo.
(1) L-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI ma tinkludix lit-Turkija, li hija koperta minn ftehim separat bejn l-UE u t-Turkija.
(*2) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u l-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Kosovo.
(2) L-Inizjattiva ta' Reżiljenza tal-BEI ma tinkludix lit-Turkija, li hija koperta minn ftehim separat bejn l-UE u t-Turkija.