9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Marzu 2018

dwar il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-Europol

(2018/C 122/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 54 tiegħu,

Waqt li jaġixxi bħala l-awtorità mogħtija s-setgħa li taħtar id-Direttur Eżekuttiv u l-Viċi Diretturi Eżekuttivi tal-Europol,

Billi:

(1)

Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv attwali tal-Europol ġie estiż sal-1 ta’ Mejju 2018, taħt l-Artikolu 73(1) tar-Regolament (UE) 2016/794. Għaldaqstant jenħtieġ li jinħatar Direttur Eżekuttiv ġdid tal-Europol.

(2)

Id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol tal-1 ta’ Mejju 2017 tistabbilixxi r-regoli għall-għażla, l-estensjoni tal-mandat u t-tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv u tal-Viċi Diretturi Eżekuttivi tal-Europol.

(3)

Il-post ġie meqjus battal mit-30 ta’ Lulju 2017, disa’ xhur qabel tmiem il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv attwali tal-Europol, skont il-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol tal-1 ta’ Mejju 2017. Avviż ta’ post battal għall-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv tal-Europol ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Mejju 2017 (2).

(4)

F’konformità mal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) 2016/794, tħejjiet lista qasira ta’ kandidati minn kumitat ta’ għażla (il-“Kumitat ta’ Għażla”) stabbilit mill-Bord ta’ Amministrazzjoni. Il-Kumitat ta’ Għażla fassal rapport debitament raġunat fid-19 ta’ Settembru 2017.

(5)

Abbażi tar-rapport tal-Kumitat ta’ Għażla u f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794 u d-deċiżjoni tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-1 ta’ Mejju 2017, il-Bord ta’ Amministrazzjoni ħareġ opinjoni raġunata fit-3 ta’ Ottubru 2017 dwar il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv tal-Europol, fejn fiha ppropona lill-Kunsill lista qasira ta’ tliet kandidati adatti għall-kariga.

(6)

Fit-18 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill għażel lis-Sinjura Catherine DE BOLLE, ċittadina Belġjana, bħala d-Direttur Eżekuttiv li jmiss tal-Europol, u informa lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew dwar l-għażla tagħha għall-finijiet tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) 2016/794.

(7)

Fid-29 ta’ Jannar 2018, il-kandidata magħżula dehret quddiem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament Ewropew (il-“Kumitat LIBE”) u fl-1 ta’ Marzu 2018 il-kumitat LIBE ta l-opinjoni tiegħu f’konformità mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) 2016/794,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sinjura Catherine DE BOLLE hija b’dan maħtura bħala d-Direttur Eżekuttiv tal-Europol għall-perjodu mit-2 ta’ Mejju 2018 sal-1 ta’ Mejju 2022 fil-grad AD 15.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Marzu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. RADEV


(1)  ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.

(2)  ĠU C 162 A, 23.5.2017, p. 1.