|
13.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 69/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/385
tas-16 ta' Ottubru 2017
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Kirgiża, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
F'konformità mal-Artikolu 6(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja, għandu jkun hemm qbil dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Kirgiża, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), permezz ta' protokoll ma' dan il-Ftehim. F'konformità mal-Artikolu 6(2) tal-Att ta' Adeżjoni, għandha tapplika proċedura ssimplifikata għal tali adeżjoni, li permezz tagħha jiġi konkluż protokoll mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament f'isem l-Istati Membri, u mill-pajjiżi terzi kkonċernati. |
|
(2) |
Fl-14 ta' Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika Kirgiża għall-adattament tal-Ftehim. In-negozjati rigward protokoll għall-Ftehim (il-“Protokoll”) ġew konklużi b'mod pożittiv permezz tal-iskambju ta' notes verbales. |
|
(3) |
Fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-firma tal-Protokoll hija soġġetta għal proċedura separata.. |
|
(4) |
Jenħtieġ għalhekk li l-Protokoll jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri u, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tiegħu, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sakemm jiġu konklużi l-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, tal-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Kirgiża, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.
It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri.
Artikolu 3
Il-Protokoll għandu jiġi applikat b'mod proviżorju, f'konformità mal-Artikolu 4(3) tiegħu, mill-1 ta' Lulju 2013, sakemm jiġu konklużi l-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ottubru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI