9.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/46


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/351

tat-8 ta' Marzu 2018

li tirrifjuta impenji offruti b'rabta mal-proċediment antidumping dwar importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

Infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1795 (2) il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar (hot-rolled flat – “HRF”) li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mis-Serbja (“ir-Regolament definittiv”).

(2)

Matul l-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta' dan id-dazju, ħames produtturi esportaturi mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna offrew impenji fuq il-prezz. Minħabba li dawn l-offerti saru wara żvelar addizzjonali finali li ġiet tard fl-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tanalizza jekk dawn il-garanziji tal-prezzijiet kinux aċċettabbli, qabel l-iskadenza għall-adozzjoni tar-Regolament definittiv. Għalhekk, meta wieħed jikkunsidra dan bħala ċirkustanza eċċezzjonali, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tikkompleta l-analiżi ta' dawn il-ħames offerti fi stadju aktar tard. Wara l-konklużjoni tal-investigazzjoni u l-pubblikazzjoni tar-Regolament definitti, is-sitt produttur esportatur offra impenn fuq il-prezz.

(3)

Fit-18 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha bil-valutazzjoni tal-offerti ta' impenn sottostanti għall-intenzjoni tagħha li tirrifjuta l-offerti ta' impenn kollha (“valutazzjoni tal-Kummissjoni”). Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, il-partijiet interessati għamlu sottomissjonijiet bil-miktub b'kummenti dwar il-valutazzjoni u f'xi każijiet, b'emendi ulterjuri għall-offerti tagħhom. Il-partijiet interessati li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll seduta ta' smigħ.

(4)

Fit-3 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand il-Gvern tal-Ukrajna għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 50 bis tal-Ftehim bejn l-UE u l-Ukrajna (3). Il-konsultazzjonijiet saru fis-26 ta' Jannar 2018. Ġew sottomessi kummenti bil-miktub fil-31 ta' Jannar 2018.

2.   L-IMPENJI

(5)

L-adegwatezza u l-prattikabbiltà tal-offerti kollha ġew evalwati fid-dawl tal-qafas legali applikabbli, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-każ tal-produttur esportatur Ukren.

2.1.   Offerti ta' impenn u l-valutazzjoni tagħhom

2.1.1.   Companhia Siderúrgica Nacional (il-Brażil)

(6)

Il-produttur esportatur offra prezz minimu tal-importazzjoni (“PMI”) wieħed għal kull tunnellata għal ċertu volum ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni u PMI ieħor — ogħla — għal volum akbar minn dak. Il-produttur esportatur offra wkoll mekkaniżmu ta' aġġustament tal-prezz.

(7)

L-offerta bbażat fuq PMI medju wieħed hija inadegwata għax mhux se tneħħi l-effetti dannużi tad-dumping għat-tipi kollha ta' prodotti, b'mod partikolari dawk l-aktar għaljin. Kif rikonoxxut fil-premessi 632 u 655 tar-Regolament definittiv, il-Kummissjoni qieset li miżura fil-forma ta' ammont fiss għal kull tunnellata speċifiku għall-kumpanija kien jirrifletti d-dannu kkawżat mill-produttur esportatur li nstab li kien qed iwettaq dumping b'mod aktar preċiż minn PMI. Hija tiżgura wkoll li b'differenza minn PMI, id-dazju jneħħi d-dannu kompletament u jipproteġi immedjatament lill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk l-offerta tkopri tranżazzjonijiet bejn entitajiet relatati. In-natura stess ta' relazzjonijiet bħal dawn tippreżenta għadd ta' possibbiltajiet għal kumpens trasversali. Kull tranżazzjoni self jew għotja oħra bejn iż-żewġ entitajiet relatati jistgħu jiġu użati biex ipaċu l-PMI. Il-Kummissjoni mhijiex f'pożizzjoni li ssegwi dawn it-tranżazzjonijiet u hija nieqsa minn valuri indikattivi xierqa li jippermettulha tivverifika jekk humiex ġenwini jew kumpensatorji.

(8)

Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni tal-offerta ma tkunx prattika. Il-produttur esportatur għandu kumpaniji relatati f'diversi Stati Membri, li wħud minnhom komplew jipproċessaw il-prodott ikkonċernat. Il-produttur esportatur ibigħ ukoll prodotti oħra għall-klijenti tal-Unjoni u l-importatur relatat ibigħ prodotti simili minn sorsi oħra. Għalhekk huwa impossibbli għall-Kummissjoni li timmonitorja dawn l-attivitajiet b'mod effettiv, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' żewġ PMIs differenti skont il-volum tal-esportazzjoni.

(9)

Bi tweġiba għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-produttur esportatur argumenta li l-PMI propost fl-offerta tiegħu tneħħi l-effett dannuż tad-dumping, minħabba li l-istess PMI ġie propost mill-Kummissjoni fi stadju tal-investigazzjoni. Il-produttur esportatur ġibed l-attenzjoni li l-PMI huwa bbażat fuq il-prezzijiet ta' importazzjoni medji ponderati tat-tipi ta' prodotti kollha. B'konsegwenza t'hekk, l-PMI ma jkunx għad-detriment tal-produtturi tal-Unjoni peress li tipi ta' prodotti bi prezzijiet fil-livell aktar baxx jitqiegħdu fis-suq bi prezzijiet ta' livell għola milli suppost, u għalhekk jikkumensaw għat-tipi ta' prodotti bi prezzijiet tal-livell għola. Li kieku kellha tiġi applikata din il-loġika għall-kompożizzjoni tat-tip ta' prodott tal-esportazzjonijiet tiegħu matul il-perjodu ta' investigazzjoni, skont il-produttur esportatur, il-PMI ikun biżżejjed biex ineħħi l-effett dannuż tad-dumping. Barra minn hekk, il-produttur esportatur argumenta li l-PMI m'għandux jiġi aġġustat minħabba bejgħ permezz ta' kumpanija relatata fost l-oħrajn minħabba l-mod kif ġie stabbilit il-prezz tal-esportazzjoni fir-Regolament definittiv. Il-produttur esportatur imbagħad argumenta li kumpens trażversali mhuwiex possibbli minħabba għadd ta' raġunijiet, partikolarment minħabba li kumpens trażversali jiġi jidher fir-rapporti annwali tal-produttur esportatur u tal-kumpaniji relatati tiegħu. Il-produttur esportaur emenda wkoll l-offerta ta' impenn tiegħu. Fl-offerta l-ġdida l-produttur esportatur impenja ruħu biex iwaqqaf il-bejgħ mill-ġdid ta' HRF permezz tal-entità relatata tiegħu fl-Unjoni u biex jirrapporta dwar il-bejgħ ta' prodotti oħra lejn l-Unjoni.

(10)

Fir-rigward tal-kumment li l-PMI propost ineħħi l-effett dannuż tad-dumping minħabba li huwa identiku għal dik proposta mill-Kummissjoni fi stadju tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li fl-aħħar mill-aħħar din is-soluzzjoni ġiet miċħuda. Ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut ingħataw fost l-oħrajn fil-premessi 632 u 655 tar-Regolament definittiv, li huma miġbura fil-qosor fil-premessa 7 hawn fuq. Il-kumment dwar li l-PMI huwa bbażat fuq il-medja ponderata tal-prezzijiet ta' importazzjoni, ma jaffettwax il-konklużjoni li l-PMI ma jneħħix l-effett dannuż tad-dumping għal-aktar tipi għalja tal-prodott. Il-Kummissjoni ma setgħatx tiġbor dejta biex tappoġġa d-dikjarazzjoni li l-effett dannuż ta' dumping ikun tneħħa mill-PMI minħabba l-kompożizzjoni tat-tip ta' prodott tal-esportazzjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Lanqas l-Applikant ma pprovda tali dejta. Anki li kieku kienet disponibbli d-dejta li ssostni din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni sabet li ma hemm xejn li jevita li l-kompożizzjoni tat-tip ta' prodott tinbidel għal tipi ta' prodotti bi prezzijiet ta' livell għola. Fil-fatt, l-applikazzjoni stess tal-PMI tista' tiffavorixxi bidla bħal din. Fir-rigward tal-kumment li l-PMI m'għandux jiġi aġġustat minħabba bejgħ permezz ta' kumpanija relatata, il-Kummissjoni tista' taqbel li meta wieħed iqis iċ-ċirkustanzi tal-każ fil-perjodu ta' investigazzjoni u, b'mod partikolari, il-mod li bih il-prezz tal-esportazzjoni għall-produttur esportatur ġie stabbilit fir-Regolament definittiv, dan l-aġġustament ma jkunx ġustifikat. Madankollu, m'hemm l-ebda garanzija li ċ-ċirkostanzi mhux se jinbidlu, b'mod partikolari peress li l-kumpaniji huma relatati. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-emenda tal-offerta u r-riskji ta' kumpens trażversali, il-Kummissjoni nnotat li, filwaqt li l-impenn li ma jerġax jbiegħ il-prodott ikkonċernat jista' jillimita ċerti riskji ta' kontrokumpens, għad hemm il-kwistjoni prinċipali, jiġifieri li l-PMI jiġi applikat għal tranżazzjonijiet bejn entitajiet relatati. Din l-assoċjazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet toffri diversi possibbiltajiet għal kumpens trażversali li ma tistax tiġi mmonitorjata b'mod effettiv mill-Kummissjoni. Mhux kollox ikun jidher fir-rapporti annwali u għal dak li jidher, il-Kummissjoni ma jkollhiex punti ta' riferiment xierqa li kapaċi jivvalutaw jekk dan huwiex ta' natura kumpensatorja. Impenn li jkopri l-bejgħ relatat jista' jiġi aċċettat biss jekk il-prodott ikkonċernat eventwalment jinbiegħ mill-ġdid lil klijent indipendenti u l-PMI, li jiġi aġġustat kif xieraq, jista' jiġi applikat għal dawn it-tranżazzjonijiet. Dan hu impossibbli jekk il-prodott ikkonċernat jiġi trasformat fi prodott ieħor.

2.1.2.   Usinas Siderurgicas de Minas Gerais S.A. (il-Brażil)

(11)

Il-produttur esportatur offra PMI għal kull tunnellata metrika għal kull waħda tal-esportazzjonijiet tiegħu.

(12)

L-offerta bbażat fuq PMI medju wieħed hija inadegwata għax mhux se tneħħi l-effetti dannużi tad-dumping għat-tipi kollha ta' prodotti, b'mod partikolari dawk l-aktar għaljin. Kif rikonoxxut fil-premessi 632 u 655 tar-Regolament definittiv, il-Kummissjoni qieset li miżura fil-forma ta' ammont fiss għal kull tunnellata speċifiku għall-kumpanija kien jirrifletti d-dannu kkawżat mill-produttur esportatur li nstab li kien qed iwettaq dumping, b'mod aktar preċiż minn PMI wieħed. Hija tiżgura wkoll li b'differenza minn PMI wieħed, id-dazju jneħħi d-dannu kompletament u jipproteġi immedjatament lill-industrija tal-Unjoni. L-offerta hija ukoll insuffiċjenti, peress li l-produttur esportatur ma pproponiex mekkaniżmu ta' aġġustament filwaqt li l-prezzijiet ta' HRF għandhom tendenza li jvarjaw b'mod sinifikanti maż-żmien.

(13)

Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni tal-offerta ma tkunx prattika. Minħabba l-istruttura globali u l-attivitajiet ta' bejgħ tal-produttur esportatur, l-impenn fuq il-prezz propost ma setax jiġi mmonitorjat b'mod effettiv, u dan joffri bosta opportunitajiet ta' kontrokumpens. Il-produttur esportatur għandu għadd ta' kumpaniji relatati f'diversi Stati Membri u barra l-Unjoni. Barra minn hekk, il-produttur esportatur ibigħ ukoll prodotti oħra lejn l-Unjoni. Għalhekk huwa impossibbli għall-Kummissjoni li timmonitorja dawn l-attivitajiet b'mod effettiv.

2.1.3.   Mobarakeh Steel Company (l-Iran)

(14)

Il-produttur esportatur offra PMI għal kull tunnellata metrika għall-esportazzjonijiet kollha tiegħu, aġġustat għal bejgħ permezz ta' kummerċjant tiegħu fl-Unjoni.

(15)

L-offerta bbażat fuq PMI medju wieħed hija inadegwata għax mhux se tneħħi l-effetti dannużi tad-dumping għat-tipi kollha ta' prodotti, b'mod partikolari dawk l-aktar għaljin. Kif rikonoxxut fil-premessi 632 u 655 tar-Regolament definittiv, il-Kummissjoni qieset li miżura fil-forma ta' ammont fiss għal kull tunnellata speċifiku għall-kumpanija kienet tirrifletti d-dannu kkawżat mill-produttur esportatur li nstab li kien qed iwettaq dumping b'mod aktar preċiż minn PMI. Hija tiżgura wkoll li b'differenza tal-PMI, id-dazju jneħħi ddumping dannuż kompletament u jipproteġi immedjatament lill-industrija tal-Unjoni. L-offerta hija ukoll insuffiċjenti, peress li l-produttur esportatur ma pproponiex mekkaniżmu ta' aġġustament filwaqt li l-prezzijiet ta' HRF għandhom tendenza li jvarjaw b'mod sinifikanti maż-żmien.

(16)

Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni tal-offerta ma tkunx prattika. Minħabba l-fatt li l-produttur esportatur ibigħ prodotti oħra tal-Unjoni, l-impenn fuq il-prezz ikun impossibbli li jiġi kkontrollat b'mod effikaċi, u dan joffri opportunitajiet għal kontrokumpens. Għalhekk huwa impossibbli għall-Kummissjoni li timmonitorja dawn l-attivitajiet b'mod effettiv.

(17)

Bi tweġiba għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-produttur esportatur sostna li l-Kummissjoni baqgħet siekta dwar il-fatt li l-offerta tiegħu kienet tirrifletti l-proposta tal-Kummissjoni fi stadju tal-investigazzjoni. Il-produttur esportatur talab spjegazzjoni dwar ir-raġuni għaliex offerta li tirrifletti dik proposta mhijiex xierqa. Il-produttur esportatur saħaq li dan il-PMI li ppropona huwa ogħla minn dak proposta mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni u għalhekk il-PMI propost fl-impenn, b'definizzjoni, ineħħi d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-produttur esportatur saħaq li m'hemmx differenza bejn PMI u dazju speċifiku għal kull tunnellata sa fejn hija kkonċernata t-tneħħija tal-effett dannuż tad-dumping tal-prodott l-aktar għali, għalhekk dan l-argument huwa irrilevanti. Il-produttur esportatur saħaq li l-fatt li huwa jbigħ prodotti oħra lejn l-Unjoni ma joħloqx riskju ta' kumpens trażversali b'mod awtomatiku. Fl-aħħar nett, huwa sostna li l-irċevuti ta' impenn jeliminaw kwalunkwe riskju ta' ċirkumvenzjoni jew ta' kumpens trażversali bħal ma tagħmel l-irċevuta kummerċjali valida proposta fid-dokument ta' informazzjoni finali ġenerali.

(18)

Il-Kummissjoni nnutat li l-valutazzjoni tagħha ma semmix biss ix-xebh bejn l-offerta ta' impenn u għażla li ġiet ikkunsidrata fi stadju tal-investigazzjoni, fil-premessa 15 hawn fuq li hija ssemmi u tiġbor fil-qosor il-parti tar-Regolament definittiv li tispjega għaliex din l-għażla twarrbet. L-istess raġunament japplika għall-kumment tal-produttur esportatur li jqabbel l-irċevuti tal-impenn ma' waħda mis-soluzzjonijiet li titqies matul l-investigazzjoni u li fl-aħħar ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni. Il-fatt li l-PMI propost mill-produttur esportatur huwa ogħla minn dak meqjus mill-Kummissjoni f'xi punt matul l-investigazzjoni ma jfissirx li skont id-definizzjoni dan ineħħi l-effett dannuż tad-dumping. Id-differenza hija minima u ma affettwatx ir-raġunament li PMI medju huwa inadegwat għax ma jneħħix l-effetti dannużi tad-dumping għat-tipi kollha ta' prodotti, b'mod partikolari dawk l-aktar għaljin. Il-kumment li l-PMI u dazju speċifiku huma ineffettivi bl-istess mod f'dan ir-rigward, huwa żbaljat ukoll. Għall-kuntrarju ta' PMI, dazju speċifiku jġiegħel lill-importaturi jħallsu aktar għat-tip ta' prodotti l-aktar għoljin, minħabba li l-prezz tas-suq tat-tip ta' prodott huwa parti mill-prezz li jħallsu, filwaqt li l-parti l-oħra hija d-dazju. Dan huwa differenti fil-każ ta' PMI li huwa l-istess għat-tipi kollha ta' prodotti. Fl-aħħar nett, il-bejgħ ta' prodotti oħra lejn l-Unjoni jistà jintuża għal kumpens trażversali biss jekk jinbiegħu lill-istess klijenti bħall-HRF. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-kumpens trażversali u r-riskju ta' kumpens trażversali huma żewġ kunċetti differenti. Pereżempju, il-Kummissjoni taf li l-produttur esportatur ibigħ prodotti oħra lejn l-Unjoni iżda ma għandhiex dejta dwar il-klijenti tal-produttur esportatur għal dawn il-prodotti. B'mod partikolari, il-produttur esportatur ma ċaħadx li biegħ prodotti oħra lil klijenti HRF tiegħu u lanqas ma impenja ruħu li ma jagħmilx dan fil-futur. Din is-sitwazzjoni, filwaqt li ma tippruvax li hemm kumpens trażversali, b'mod ċar tippreżenta riskju ta' kumpens trażversali li l-Kummissjoni ma tistax timmonitorja.

2.1.4.   PJSG Magnitogorsk Iron and Steel Works (ir-Russja)

(19)

Il-produttur esportatur offra żewġ PMIs għal kull tunnellata, wieħed għal folji u wieħed għal rombli. Il-produttur esportatur offra wkoll mekkaniżmu ta' aġġustament tal-prezz u, f'emenda għall-offerta tiegħu, impenja ruħu li jbigħ il-prodott ikkonċernat biss direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni u li ma jbigħx prodotti oħra lill-klijenti HRF tiegħu fl-Unjoni.

(20)

L-offerta tal-produttur esportatur tressqet wara l-konklużjoni tal-investigazzjoni u għalhekk jenħtieġ li tiġi miċħuda. Filwaqt li, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, l-impriżi jistgħu jiġu offruti wara l-perjodu li matulu jistgħu jiġu magħmula r-rappreżentazzjonijiet skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, offerta bħal din jenħtieġ li tasal fi żmien raġonevoli qabel il-konklużjoni tal-investigazzjoni.

(21)

Madankollu, anke li kieku l-offerta ġiet sottomessa fil-ħin, l-offerta bbażat fuq żewġ PMIs medji hija inadegwata għax mhux se tneħħi l-effetti dannużi tad-dumping għat-tipi kollha ta' prodotti, b'mod partikolari dawk l-aktar għaljin. Kif rikonoxxut fil-premessi 632 u 655 tar-Regolament definittiv, il-Kummissjoni qieset li miżura fil-forma ta' ammont fiss għal kull tunnellata speċifiku għall-kumpanija kienet tirrifletti d-dannu kkawżat mill-produttur esportatur li nstab li kien qed iwettaq dumping b'mod aktar preċiż minn PMI. Hija tiżgura wkoll li b'differenza tal-PMI, id-dazju jneħħi d-dannu kompletament u jipproteġi immedjatament lill-industrija tal-Unjoni.

(22)

Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni tal-offerta ma tkunx prattika. Minħabba l-istruttura globali u l-attivitajiet ta' bejgħ tal-produttur esportatur, ikun impossibbli li jiġi kkontrollat l-impenn fuq il-prezz propost b'mod effikaċi, u dan joffri bosta opportunitajiet ta' kontrokumpens. Il-produttur esportatur għandu għadd ta' kumpaniji relatati u jbigħ ukoll prodotti oħra tal-azzar fl-Unjoni. Għalhekk huwa impossibbli għall-Kummissjoni li timmonitorja dawn l-attivitajiet b'mod effettiv.

(23)

Bi tweġiba għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-produttur esportatur esprima n-nuqqas ta' qbil tiegħu mal-evalwazzjoni ta' hawn fuq, filwaqt li jenfasizza l-importanza tal-impenji addizzjonali tiegħu li juża biss mezz wieħed ta' bejgħ u li ma jbigħx prodotti oħra lill-klijenti HRF tiegħu.

(24)

F'dak li għandu x'jaqsam ma' impenji addizzjonali, il-Kummissjoni nnotat li, meta titqies l-istruttura globali tal-produttur esportatur u l-istruttura globali tal-konsumaturi, huwa impossibbli li jiġu ssorveljati l-possibilitajiet kollha disponibbli ta' kumpens trażversali. Pereżempju, jekk il-kumpaniji koperti mill-impenn ma jbigħux prodotti oħra lil klijent HRF tal-Unjoni, xejn ma jżomm lill-kumpaniji relatati tagħhom kemm fl-Unjoni kif ukoll barra li potenzjalment jidħlu fi tranżazzjonijiet ta' kumpens trażversali ma' dawn il-klijenti jew mal-entitajiet relatati tagħhom. Filwaqt li l-produttur esportatur ma qabilx mal-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-offerta tiegħu huwa ma ressaq l-ebda argument addizzjonali kontra l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni.

2.1.5.   Novolipetsk Steel OJSC (ir-Russja)

(25)

Il-produttur esportatur l-ewwel offra diversi PMIs għal kull tunnellata skont it-tip ta' prodott. Imbagħad emenda l-offerta tiegħu, u ppropona PMI wieħed għal kull tunnellata għat-tipi kollha ta' prodotti b'mekkaniżmu ta' aġġustament ibbażat fuq prezzijiet medji ta' HRF. Barra minn hekk, il-produttur esportatur ippropona limitu massimu annwali kwantitattiv u impenja ruħu li jbigħ biss lill-kumpanija relatata tiegħu fl-Unjoni u biss għal ipproċessar ulterjuri.

(26)

L-offerta bbażat fuq PMI medju wieħed hija inadegwata għax mhux se tneħħi l-effetti dannużi tad-dumping għat-tipi kollha ta' prodotti, b'mod partikolari dawk l-aktar għaljin. Kif rikonoxxut fil-premessi 632 u 655 tar-Regolament definittiv, il-Kummissjoni qieset li miżura fil-forma ta' ammont fiss għal kull tunnellata speċifiku għall-kumpanija kienet tirrifletti d-dannu kkawżat mill-produttur esportatur li nstab li kien qed iwettaq dumping b'mod aktar preċiż minn PMI. Hija tiżgura wkoll li b'differenza minn PMI, id-dazju jneħħi d-dannu kompletament u jipproteġi immedjatament lill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk l-offerta tkopri tranżazzjonijiet bejn entitajiet relatati. In-natura stess ta' relazzjonijiet bħal dawn tippreżenta għadd ta' possibbiltajiet għal kumpens trasversali. Kull tranżazzjoni self jew għotja oħra bejn iż-żewġ entitajiet relatati jistgħu jiġu użati biex ipaċu l-PMI. Il-Kummissjoni mhijiex f'pożizzjoni li ssegwi dawn it-tranżazzjonijiet u hija nieqsa minn valuri indikattivi xierqa li jippermettulha tivverifika jekk humiex ġenwini jew kumpensatorji.

(27)

L-aċċettazzjoni tal-offerta ma tkunx prattika. Minħabba l-istruttura globali u l-attivitajiet ta' bejgħ tal-produttur esportatur, ikun impossibbli li jiġi kkontrollat l-impenn fuq il-prezz propost b'mod effikaċi, u dan joffri bosta opportunitajiet ta' kontrokumpens. Barra minn hekk, kumpaniji relatati fl-Unjoni jipproduċu u jbigħu wkoll il-prodott simili. Għalhekk huwa impossibbli għall-Kummissjoni li timmonitorja dawn l-attivitajiet b'mod effettiv.

(28)

Bi tweġiba għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-produttur esportatur sostna li l-Kummissjoni naqset milli tqis żewġ elementi tal-offerta tiegħu, jiġifieri l-limitu massimu kwantitattiv u l-impenn ta' użu aħħari (jiġifieri aktar pproċessar biss). Skont il-produttur esportatur dawn iż-żewġ impenji jiżguraw li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet suġġetti għal dumping ikollhom jieqfu minħabba li l-prodott ikkonċernat ma jiġix esportat lejn is-suq ħieles tal-Unjoni. Aktar tard, il-produttur esportatur sostna li fir-Regolament definittiv, il-Kummissjoni ma sabitx ħsara fis-suq magħluq. Minkejja dawn l-argumenti, fi spirtu ta' kooperazzjoni sħiħa, il-produttur esportatur emendata l-offerta tiegħu, u offra tnejn u għoxrin PMI imsejsa fuq it-tipi ta' prodotti. Fir-rigward tar-riskju ta' kumpens trażversali, il-produttur esportatur sostna li, billi ma jkunx hemm bejgħ fis-suq ħieles, huwa irrilevanti b'liema prezz minimu jinbigħ bih il-prodott ikkonċernat fi ħdan il-grupp. Minħabba li dan il-prezz minimu huwa irrelevanti, ir-riskju ta' kumpens trażversali huwa daqstant ieħor irrilevanti. Il-produttur esportatur saħaq ukoll li t-transazzjonijiet fi ħdan il-grupp huma suġġetti għall-politika tal-prezzijiet ta' trasferiment tal-grupp, u b'hekk ma jistgħux jintużaw għal kumpens trażversali.

(29)

Il-produttur esportatur ma biegħx HRF lill-entitajiet relatati tiegħu fl-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssuġġerixxa l-produttur esportatur, il-bejgħ fi ħdan il-grupp ta' HRF għal ipproċessar ulterjuri ma kienx eskluż mis-sejba ta' dumping dannuż fir-Regolament definittiv. Bħalissa dan il-bejgħ huwa kopert mid-dazju applikabbli u din il-konstatazzjoni ma tistax titreġġa' lura permezz ta' impenn. Meta wieħed iqis li l-argument tal-produttur esportatur għal impossibbiltà ta' kumpens trażversali intragrupp jiddependi fuq is-suppożizzjoni żbaljata li l-bejgħ intragrupp għall-ipproċessar ma jikkawżax dumping dannuż, dan l-argument ġie miċħud. Barra minn hekk, il-politika ta' trasferiment interna tal-grupp hija deċiżjoni interna tal-grupp u bħala tali mhijiex garanzija suffiċjenti kontra kumpens trażversali. Anki li kieku dan kien il-każ, kumpens trażversali fi ħdan il-grupp jista' jsir permezz ta' mezzi oħra minbarra l-bejgħ ta' oġġetti. Impenn li jkopri l-bejgħ relatat jista' jiġi aċċettat biss jekk il-prodott ikkonċernat eventwalment jinbiegħ mill-ġdid lil klijent indipendenti u l-PMI, li jiġi aġġustat kif xieraq, jista' jiġi applikat għal dawn it-tranżazzjonijiet. Dan hu impossibbli jekk il-prodott ikkonċernat jiġi trasformat fi prodott ieħor. L-offerta ta' tnejn u għoxrin PMI imsejsa fuq gruppi ta' tipi ta' prodotti ma setgħetx tiġi aċċettata peress li l-monitoraġġ effettiv mill-awtoritajiet doganali jkun impossibbli.

2.1.6.   Metinvest Group (l-Ukraina)

(30)

Il-produttur esportatur issuġġerixxa żewġ xenarji fl-offerta oriġinali tiegħu. L-ewwel xenarju huwa bbażat fuq PMI wieħed għal kull tunnellata (il-prezz medju tagħha matul il-perjodu ta' investigazzjoni, li jiżdied bit-taxxa u jiġi aġġustat għaż-żieda fil-prezz tal-materja prima wara l-perjodu ta' investigazzjoni) u bil-possibbiltà ta' bejgħ taħt dak il-PMI, bid-dazju. It-tieni xenarju huwa bbażat fuq livell iktar baxx mill-PMI għal kull tunnellata (mingħajr aġġustament għaż-żieda fil-prezz tal-materja prima wara l-perjodu ta' investigazzjoni) u mingħajr il-possibbiltà ta' bejgħ taħt dak il-PMI. Wara dan, il-produttur esportatur emenda wkoll l-offerta tiegħu billi żied limitu kwantitattiv annwali għall-bejgħ skont l-impenn.

(31)

Il-Kummissjoni ma taċċettax l-hekk imsejħa klawżola “pick-and-choose” li permezz tagħha l-produttur esportatur ikollu permess li jbigħ fi ħdan impenn u b'mod parallel taħt il-PMI did-dazju, għalhekk l-uniku xenarju miftuħ għall-konsiderazzjoni huwa t-tieni wieħed. L-aċċettazzjoni ta' din il-klawżola tippermetti għal mekkaniżmu ta' kumpens trażversali li fih it-tranżazzjonijiet fuq livell ta' PMI jkunu jistgħu jiġu kkumpensati minn tranżazzjonijiet bi prezzijiet taħt il-PMI.

(32)

Artikolu 50 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina jesprimi preferenza għall-impenji, sakemm il-Kummissjoni tirċievi offerta fattibbli li tkun adegwata u li l-aċċettazzjoni tagħha ma titqisx mhux prattika. F'dan il-każ, għar-raġunijiet spjegati hawn isfel, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda offerta ta' impenn b'mod fattibbli u għalhekk il-preferenza ma tistax tintlaqa'.

(33)

Skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, hemm diversi raġunijiet li għalihom l-offerta hija inadegwata. L-offerta hija bbażata fuq PMI medju wieħed u għalhekk mhux se tneħħi l-effetti dannużi tad-dumping għat-tipi kollha ta' prodotti, b'mod partikolari dawk l-aktar għaljin. Kif rikonoxxut fil-premessi 632 u 655 tar-Regolament definittiv, il-Kummissjoni qieset li miżura fil-forma ta' ammont fiss għal kull tunnellata speċifiku għall-kumpanija kienet tirrifletti d-dannu kkawżat mill-produttur esportatur li nstab li kien qed iwettaq dumping b'mod aktar preċiż minn PMI. Hija tiżgura wkoll li b'differenza tal-PMI, id-dazju jneħħi d-dannu kompletament u jipproteġi immedjatament lill-industrija tal-Unjoni. Il-produttur esportatur ma pproponiex aġġustament fuq il-kont ta' bejgħ permezz ta' kumpaniji relatati tiegħu. Filwaqt li l-prezzijiet ta' HRF għandhom tendenza li jvarjaw b'mod sinifikanti matul iż-żmien, il-produttur esportatur ma pproponiex mekkaniżmu ta' aġġustament. Barra minn hekk, tnejn biss mit-tliet siti ta' produzzjoni li esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni huma koperti mill-impenn. Fl-aħħar nett, il-produttur esportatur ippropona li l-bejgħ tiegħu lill-entitajiet relatati fl-Unjoni jkun kopert mill-kondizzjonijiet tal-impenn. In-natura stess ta' relazzjonijiet bħal dawn tippreżenta għadd ta' possibbiltajiet għal kumpens trasversali. Kull tranżazzjoni self jew għotja oħra bejn iż-żewġ entitajiet relatati jistgħu jiġu użati biex ipaċu l-PMI. Il-Kummissjoni mhijiex f'pożizzjoni li timmonitorja dawn it-tranżazzjonijiet u ma għandhiex il-valuri indikattivi xierqa li jippermettulha tivverifika jekk humiex ġenwini jew kumpensatorji.

(34)

L-aċċettazzjoni tal-offerta ma tkunx prattika. Minħabba l-istruttura globali u l-attivitajiet ta' bejgħ tal-produttur esportatur, ikun impossibbli li jiġi kkontrollat l-impenn fuq il-prezz propost b'mod effikaċi, u dan joffri bosta opportunitajiet ta' kontrokumpens. Il-produttur esportatur għandu bosta kumpaniji relatati f'diversi Stati Membri u barra l-Unjoni, li wħud minnhom jipproduċu u jbigħu l-prodott simili. Il-produttur esportatur ibigħ fl-Unjoni permezz ta' waħda jew aktar minn dawn il-kumpaniji. Għalhekk huwa impossibbli għall-Kummissjoni li timmonitorja dawn l-attivitajiet b'mod effettiv.

(35)

Bi tweġiba għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-produttur esportatur ippreżenta t-tielet verżjoni tal-offerta ta' impenn tiegħu. Fil-verżjoni l-ġdida tal-offerta, il-produttur esportatur ippropona erba' PMIs differenti u impenja ruħu li ma jbigħx anqas minnhom. Skont il-produttur esportatur din il-bidla saret minkejja li l-Kummissjoni kkunsidrat PMI uniku għat-tipi kollha tal-prodott aċċettabbli fi stadju tal-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tad-dazju. Barra minn hekk, il-produttur esportatur impenja ruħu li jinkludi t-tielet sit tal-produzzjoni fl-offerta ta' impenn; li ma jbigħx il-prodott ikkonċernat permezz ta' entitajiet relatati tiegħu fl-Unjoni; li jipprovdi dettalji dwar il-bejgħ tiegħu fl-Unjoni ta' prodotti oħra lil klijenti tal-HRF tiegħu tal-Unjoni; u li ma jbigħx barra l-Unjoni, il-prodott ikkonċernat u prodotti oħra lill-klijenti tal-HRF tiegħu tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-produttur esportatur ippropona limitu kwantitattiv annwali aktar baxx. Lil hinn minn dan il-limitu, il-produttur esportatur offra li jbigħ bid-dazju antidumping applikabbli.

(36)

Flimkien ma' dawn l-impenji, waqt il-konsultazzjonijiet, il-Gvern tal-Ukraina propona li jipprovdi lill-Kummissjoni bl-istatistika tal-esportazzjoni għall-prodott ikkonċernat u li jistabbilixxi grupp ta' esperti li jiffaċilitaw l-iskambju tal-istatistika u informazzjoni oħra.

(37)

Fil-5 ta' Frar 2018, il-produttur esportatur għamel emenda oħra fl-offerta tal-impenn tiegħu. Il-produttur esportatur sostna li l-bejgħ tiegħu kollu huwa suġġett għal politika stretta tal-istabbiliment tal-prezzijiet tal-grupp u jevita kwalunkwe kumpens trażversali. Barra minn hekk, il-produttur esportatur sostna li l-awditi regolari tal-awtoritajiet tat-taxxa, kemm fl-UE kif ukoll fl-Iżvizzera, jivverifikaw il-politiki ta' pprezzar tal-grupp b'mod strett. Minkejja dan, il-produttur esportatur intrabat li ma jbigħx HRF prodott fl-Unjoni u prodotti oħra magħmula mill-grupp tiegħu lill-klijenti HRF tiegħu li jixtru l-prodott ikkonċernat. Dan ikun japplika għall-klijenti tiegħu kollha minbarra wieħed, li jkun qed jixtri HRF mill-Ukraina, l-Unjoni u prodotti oħra magħmula mill-grupp.

(38)

Rigward il-kumment li l-Kummissjoni kkunsidrat PMI uniku għat-tipi kollha tal-prodott aċċettabbli fi stadju tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li fl-aħħar mill-aħħar din is-soluzzjoni ġiet miċħuda. Ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut ingħataw fost l-oħrajn fil-premessi 632 u 655 tar-Regolament definittiv, li huma miġbura fil-qosor fil-premessa 33 hawn fuq.

(39)

L-offerta tibqa' inadegwata għal diversi raġunijiet. Mill-erba' gruppi PMI proposti kien hemm ftit li xejn bejgħ f'wieħed minnhom, hemm varjant fil-prezz f'ieħor u varjanti tal-prezz sinifikanti fiż-żewġ gruppi li fadal. Il-PMIs, li huma bbażati fuq il-prezzijiet medji f'kull grupp għalhekk ma jneħħux l-effetti dannużi tad-dumping għat-tipi kollha ta' prodotti, b'mod partikolari dawk l-aktar għaljin. Barra minn hekk, il-livelli ta' erba' PMIs ġew stabbiliti b'mod kompletament arbitrarju. Ma ġiet ippreżentata ebda dejta lill-Kummissjoni li tiġġustifika d-differenza bejn il-PMIs. Fl-aħħar, filwaqt li l-przzijiet HRF għandhom tendenza li jvarjaw b'mod sinifikanti matul iż-żmien, il-produttur esportatur ma pproponiex mekkaniżmu ta' aġġustament.

(40)

L-aċċettazzjoni tal-offerta ta' impenn baqgħet mhux prattika. Il-produttur esportatur impenja ruħu li ma jbigħx prodotti lil entitajiet tal-konsumaturi tiegħu tal-Unjoni bbażati barra mill-Unjoni. Madankollu, dan l-impenn ikopri biss lit-tliet kumpaniji li jipproduċu u jħalli barra għadd kbir ta' kumpaniji relatati tiegħu inkluż l-operatur tas-suq Żvizzeru. Anki jekk dawn il-kumpanniji kollha kienu koperti mill-impenn, meta wieħed iqis id-daqs tal-grupp tal-produttur esportatur u dak tal-bażi tal-klijenti tagħhom, impenn bħal dan ikun impossibbli li jiġi mmonitorjat. Barra minn hekk, il-produttur esportatur ippropona li jiġi rappurtat il-bejgħ ta' prodotti oħra lil klijenti HRF tiegħu fl-Unjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma jkollhiex riferiment adegwati biex tivverifika jekk dawn it-tranżazzjonijiet humiex ta' natura kumpensatorja. Filwaqt li l-produttur esportatur impenja ruħu li ma jbigħx permezz tal-entitajiet relatati tiegħu fl-Unjoni, dawn l-entitajiet ibiegħu il-prodott simili fis-suq tal-Unjoni. Filwaqt li dawn it-tranżazzjonijiet jistgħu jikkonċernaw l-istess klijenti u b'hekk jistgħu jintużaw għal kumpens, huma kompletament barra mill-ambitu tal-impenn.

(41)

L-emenda għall-impenn proposta fil-5 ta' Frar 2018 (jiġifieri li jbigħ biss il-prodott ikkonċernat lil klijenti HRF kollha tiegħu fl-Unjoni, għajr għal wieħed), ma tneħħix it-tħassib imsemmi hawn fuq għall-klijent eskluż. Għall-klijenti l-oħra, meta wieħed iqis id-daqs tal-grupp tal-produttur esportatur, ikun impossibbli li jiġi mmonitorjat jekk il-kumpaniji relatati mal-produttur esportatur ibigħux prodotti oħra lil klijenti tal-HRF tal-Unjoni jew lill-entitajiet relatati tagħhom. Il-politiki interni tal-ipprezzar tal-produttur esportatur u l-klijent li lilu beħsiebu jbigħ, mhumiex garanzija biżżejjed kontra kumpens trażversali. Barra minn hekk, il-produttur esportatur naqas milli jispjega kif il-verifiki tal-awtoritajiet tat-taxxa fl-Unjoni u fl-Iżvizzera jistgħu jsibu prezzijiet b'kumpens trażversali. Il-qbil li jinbigħ prodott bi prezz aktar baxx minn dak li kieku jintalab mhuwiex neċessarjament reat kontra l-liġi fiskali. Huwa parti min-negozjati ta' kuljum dwar il-prezz.

(42)

Fl-aħħar nett, il-bejgħ lil hinn mil-limitu massimu annwali taħt il-liġi applikabbli ta' dazju antidumping ma jistax jiġi aċċettat peress li jistà jintuża għal kumpens. Bażikament dan huwa vvarjant tal-klawżoli “pick-and-choose” deskritti fil-premessa (31) hawn fuq, posposti fiż-żmien. Għalhekk bit-tnaqqis tal-limitu inqas sew mill-kwantitajiet storiċi annwali esportati, din l-offerta ġdida żżid ir-riskju ta' kumpens trażversali.

(43)

Minkejja l-preferenza għall-impenji espressa fl-Artikolu 50 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina, l-offerta ma tistax tiġi aċċettata peress li mhijiex adegwata. Li kieku kienet adegwat, għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, l-aċċettazzjoni tagħha xorta ma kinitx tkun prattika. L-ebda tħassib imsemmi hawn fuq ma kien ikun indirizzat biżżejjed permezz tal-iskambju tal-istatistika u tal-ħolqien ta' grupp ta' esperti propost mill-Gvern tal-Ukraina matul il-konsultazzjoni.

2.2.   Konklużjoni

(44)

Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq il-Kummissjoni ma tista' taċċetta l-ebda waħda minn dawn l-offerti ta' impenn.

2.3.   Il-kummenti tal-partijiet u ċ-ċaħda tal-offerti ta' impenn

(45)

Il-partijiet interessati ġew infurmati bir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw u li jinstemgħu. Il-Gvern tal-Ukraina ġie offrut ukoll konsultazzjoni skont l-Artikolu 50 bis tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina. Saru konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet Ukreni fis-26 ta' Jannar 2018, fejn il-Gvern tal-Ukraina pprovda kummenti bil-miktub fil-31 ta' Jannar 2018. Barra minn hekk, saru għadd ta' seduti ta' smigħ mal-produtturi esportaturi kkonċernati u mal-Eurofer, li tirrappreżenta lill-industrija tal-Unjoni. Il-kummenti kollha li waslu matul dan il-proċess ġew indirizzati hawn fuq. La l-kummenti pprovduti minn partijiet interessati u lanqas il-konsultazzjonijiet mal-Gvern tal-Ukraina ma wasslu għal konklużjoni differenti miċ-ċaħda tal-offerti ta' impenn,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-impenji offruti mill-produtturi esportaturi b'rabta mal-proċediment antidumping dwar importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna, b'dan qed jiġu rrifjutati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1795 tal-5 ta' Ottubru 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mis-Serbja (ĠU L 258, 6.10.2017, p. 24).

(3)  ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.