8.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/28


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/341

tas-27 ta' Settembru 2017

dwar l-iskema ta' għajnuniet mill-Istat SA.34433 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata minn Franza (taxxa favur l-Établissement national des produits de l'agriculture et de la mer (France AgriMer) — l-Artikolu 25 tal-liġi Nru 2005–1720 tat-30 ta' Diċembru 2005)

(notifikata bid-dokument C(2017) 4431)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom f'konformità mal-Artikolu msemmi,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Wara li tressaq ilment u permezz tal-faks tat-28 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jikkomunikawlha l-informazzjoni kollha meħtieġa għal eżami, fid-dawl tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), tat-taxxa stabbilita permezz tal-Artikolu 25 tal-liġi Nru 2005-1720 tat-30 ta' Diċembru 2005 favur l-Établissement national des produits de l'agriculture et de la mer (France AgriMer) (aktar 'il quddiem “it-taxxa”). L-awtoritajiet Franċiżi kellhom xahar żmien biex iressqu l-informazzjoni inkwistjoni.

(2)

Permezz tal-ittra tal-11 ta' Diċembru 2011, Franza talbet lill-Kummissjoni estensjoni ta' dan il-limitu ta' żmien sal-1 ta' Frar 2012.

(3)

Permezz tal-faks tat-12 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni tat l-estensjoni mitluba.

(4)

Permezz tal-email tal-14 ta' Frar 2012, Franza ressqet l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni fit-28 ta' Novembru 2011.

(5)

Permezz tal-faks tal-5 ta' Marzu 2012, il-Kummissjoni għarrfet lill-awtoritajiet Franċiżi li hija fetħet każ dwar għajnuna mhux notifikata bin-numru ta' referenza SA.34433 (2012-NN), minħabba li t-taxxa kienet ġiet implimentata mingħajr ma ngħatat notifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE u mingħajr ma ġiet approvata minnha. Permezz tal-faks tal-14 ta' Ġunju 2012, il-Kummissjoni għarrfet lill-awtoritajiet Franċiżi bl-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni kopert minn dan il każ, minħabba li l-analiżi tal-informazzjoni disponibbli wriet użu mhux xieraq ta' Regolament de minimis li biddel il-miżura f'għajnuna mhux notifikata. Li kieku r-Regolament de minimis intuża b'mod xieraq din il-miżura ma kinitx tittrasforma ruħha f'għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(6)

Permezz tal-ittra tal-4 ta' Ottubru 2012 (1), il-Kummissjoni għarrfet lil Franza bid-deċiżjoni tagħha tat-3 ta' Ottubru 2012, li se tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-użu tat-taxxa. Hija stiednet lill-awtoritajiet Franċiżi biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-ftuħ tal-proċedura fi żmien xahar.

(7)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni.

(8)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand il-partijiet interessati.

(9)

Permezz tal-email tas-16 ta' Ottubru 2012, Franza talbet lill-Kummissjoni biex testendi l-limitu ta' żmien b'xahar (sal-4 ta' Diċembru 2012) biex tibgħat it-tweġiba tagħha għall-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

(10)

Permezz tal-faks tat-18 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni estendiet kif mitlub.

(11)

Permezz tal-email tal-5 ta' Diċembru 2012, Franza tat it-tweġiba tagħha għall-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE lill-Kummissjoni.

(12)

Wara li eżaminaw din it-tweġiba, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi ltaqgħu fit-12 ta' Diċembru 2012 biex jiċċaraw ċerti punti tal-każ. Wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz tal-faks tal-15 ta' Jannar 2013.

(13)

Permezz tal-email tal-18 ta' Frar 2013, Franza bagħtet ittra lill-Kummissjoni bl-informazzjoni addizzjonali mitluba fil-15 ta' Jannar 2013. L-awtoritajiet Franċiżi pprovdew informazzjoni ġdida fit-23 ta' Ġunju 2016, bħala tweġiba għal talba tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2015, u fl-20 ta' Jannar 2017, bħala tweġiba għal talba tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2016.

II.   DESKRIZZJONI

(14)

L-Artikolu 25 tal-liġi Nru 2005-1720 tat-30 ta' Diċembru 2005 (il-liġi emendatorja tal-finanzi għall-2005) jistabbilixxi taxxa favur France AgriMer, bl-iskop li jiġu ffinanzjati l-azzjonijiet implimentati minn din tal-aħħar favur is-suq tal-prodotti tal-ħalib. L-aħħar verżjoni konsolidata tiegħu hija tal-1 ta' Jannar 2012.

(15)

It-taxxa hija dovuta mill-produtturi tal-ħalib tal-baqar li jkunu d-detenturi ta' kwantità referenzjali individwali għall-bejgħ dirett skont ir-Regolament (KE) Nru 1788/2003 tal-Kunsill (3), kif ukoll mix-xerrejja tal-ħalib. Hija bbażata fuq:

il-kwantità ta' ħalib tal-baqra kkunsinnata mill-produttur fil-forma ta' ħalib matul il-perjodu ta' 12-il xahar qabel l-1 ta' April ta' kull sena (iktar 'il quddiem il-“perjodu ta' referenza”) u li jaqbeż il-kwantità ta' referenza nnotifikata minn France AgriMer lil dan il-produttur għall-kunsinni tal-ħalib f'dan il-perjodu (f'dan il-każ, is-somma tat-taxxa dovuta hija nnotifikata minn France AgriMer lil kull xerrej li lilu l-produttur ikun ikkunsinna l-ħalib tiegħu u, fi żmien xahar wara din in-notifika, ix-xerrej tal-ħalib jagħti lil France AgriMer ir-rikavat mit-taxxa miġbura mingħand il-produtturi li jikkunsinjawlu l-ħalib),

il-kwantità ta' ħalib tal-baqra mibjugħa jew trasferita jew użata għall-manifattura ta' prodotti tal-ħalib mibjugħin jew trasferiti mill-produttur matul il-perjodu ta' referenza u li taqbeż il-kwantità ta' referenza nnotifikata lil dan il-produttur għall-bejgħ dirett ta' dan il-perjodu (f'dan il-każ, is-somma tat-taxxa dovuta hija nnotifikata minn Franza AgriMer lil kull produttur li jkun wettaq bejgħ dirett u l-produttur ikkonċernat jagħti r-rikavat mit-taxxa li għandu jħallas lil France AgriMer, fi żmien xahar wara din in-notifika).

(16)

It-taxxa tista' tkun soġġetta għal rimborżi (4) li jistgħu jiġu akkumulati. Il-fatt taxxabbli huwa l-kunsinna tal-ħalib jew il-bejgħ dirett tal-ħalib jew tal-prodotti tal-ħalib matul il-perjodu ta' referenza. Bħala eżempju, l-Artikolu 4 tad-digriet tas-17 ta' Awwissu 2010 dwar il-ġbir ta' taxxa li għandha titħallas mix-xerrejja u mill-produtturi tal-ħalib li jkunu qabżu l-kwota individwali tagħhom għall-kunsinna għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2009–2010 jipprevedi li, fil-limitu tad-disponibbiltajiet identifikati fil-livell nazzjonali fi tmiem is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2009–2010, France AgriMer tirrimborża lix-xerrejja parti mit-taxxa dovuta mill-produtturi li jikkunsinnawlhom l-ħalib, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

il-produtturi kollha li jibbenefikaw minn rimborż ekwivalenti għal 1 % tal-kwota tagħhom (5),

il-produtturi li għandhom kwota individwali ta' 160 000 litru jew inqas jibbenefikaw ukoll minn rimborż massimu ta' EUR 2 866, li huwa ekwivalenti għal kwantità ta' 10 000 litru,

il-produtturi li għandhom kwota ta' bejn 160 000 u 169 900 litru jibbenefikaw minn rimborż addizzjonali stabbilit b'mod li jippermettilhom li jilħqu 171 600 litru.

(17)

Meta produttur ikollu jħallas l-imposta prevista fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003, it-taxxa ma tkunx dovuta għall-kwantitajiet ikkonċernati. Skont din id-dispożizzjoni, hija stabbilita imposta, mill-1 ta' April 2004 u matul 11-il perjodu konsekuttivi ta' 12-il xahar li jibdew fl-1 ta' April, fuq il-kwantitajiet ta' ħalib tal-baqar jew prodotti oħra tal-ħalib imqiegħda fis-suq matul il-perjodu ta' 12-il xahar inkwistjoni u li jkunu qabżu l-kwantità ta' referenza nazzjonali.

(18)

Għal kull 100 kg ta' ħalib, it-tariffa tat-taxxa hija ta' EUR 28,54 għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2006-2007 u ta' EUR 27,83 għas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni ta' wara.

(19)

Ir-rikavat mit-taxxa jintuża għall-finanzjament tal-waqfien parzjali jew totali tal-attività tal-ħalib permezz tal-għajnuna għall-waqfien tal-attività tal-ħalib (aide à la cessation de l'activité laitière, ACAL). B'mod konkret, il-benefiċjarju jirċievi indennizz għal kull litru mingħand France AgriMer li huwa korp irregolat bil-liġi pubblika. Is-sorsi l-oħra ta' finanzjament tal-ACAL huma magħmula mill-fondi li jirriżultaw mis-sistema ta' trasferiment speċifiku mingħajr art (aktar 'il quddiem “TSST”, transfert spécifique sans terre) (6), mill-baġit tal-Istat u, eventwalment, minn fondi tal-komunitajiet lokali. Parti mir-rikavat tat-taxxa ntużat ukoll biex tgħin lill-intrapriżi tal-ħalib li kellhom jeqirdu l-ħalib ikkontaminat mill-poliklorobifenili (PCBs) matul is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2007-2008. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, dan l-appoġġ kien ipprovdut fil-qafas ta' skema de minimis marbuta mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 (7).

(20)

Is-somma tal-ACAL hija kkalkulata fuq il-bażi li ġejja:

EUR/litru

2010-2011

2011-2012

2012-2013

2013-2014

Sa 100 000 litru

0,15

0,1125

0,075

0,0375

Minn 100 001 sa 150 000 litru

0,08

0,06

0,04

0,02

Minn 150 001 sa 200 000 litru

0,05

0,0375

0,025

0,0125

Aktar minn 200 000 litru

0,01

0,0075

0,005

0,0025

(21)

Ir-rikavat tat-taxxa u l-użu tiegħu żviluppaw kif ġej sas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2010-2011:

(EUR)

Sena ta' Kummerċjalizzazzjoni

Taxxa miġbura

ACAL iffinanzjati mit-taxxa

ACAL iffinanzjati minn taxxi oħrajn

Dawk ġejjin mit-TSST

ACAL totali

Azzjonijiet oħrajn iffinanzjati mit-taxxa

2005/2006

17 080 881

Ebda programm ACAL

2006/2007

11 858 443

12 851 977

21 509 339

21 454 252

34 361 316

 

2007/2008

2 959 456

13 228 140

33 848 558

32 798 510

47 076 698

1 260 753

2008/2009

17 183 670

2 571 271

23 411 722

21 311 722

25 982 992

 

2009/2010

10 093 611

17 909 294

12 349 799

12 349 799

30 259 093

 

2010/2011

12 629 142

9 904 398

18 021 681

18 021 681

27 926 079

 

Total

71 805 202

56 465 080

109 141 098

105 935 964

165 606 178

 

III.   IR-RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(22)

Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura stipulata mill-Artikolu 108(2) tat-TFUE għar-raġunijiet li ġejjin:

kien jidher li l-ġbir innifsu tat-taxxa kellu elementi ta' għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE minħabba li kien jinkludi rimborżi li ma kinux ġġustifikati mil-loġika tas-sistema tat-taxxa fis-seħħ; barra minn hekk, dawn l-elementi ta' għajnuna ma setgħux jiġu ġġustifikati fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli fis-settur agrikolu,

il-waqfien tal-attività tal-ħalib iffinanzjat b'mod partikolari mit-taxxa seta' jkun parzjali jew totali; madankollu, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli fis-settur agrikolu, għajnuna għall-waqfien tista' tiġi ddikjarata li hija kompatibbli mas-suq intern biss fil-każ ta' waqfien totali tal-attivitajiet agrikoli kummerċjali kollha.

parti mit-taxxa ntużat biex tiġi ffinanzjata l-qerda tal-ħalib ikkontaminat mill-PCBs fil-qafas ta' skema de minimis ibbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006; madankollu, ma kienx ċert li dan ir-Regolament jista' jikkostitwixxi l-bażi ġuridika xierqa għall-għoti tal-għajnuniet de minimis f'dan il-każ; barra minn hekk, l-għażla ta' bażi ġuridika mhux xierqa setgħet toħloq element ta' għajnuna mill-Istat li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ma ntweritx,

il-ġbir tat-taxxa u l-għajnuna għall-waqfien tal-attività setgħu ma jkunux kompatibbli mal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq fis-settur tal-ħalib jew setgħu jfixklu l-funzjonament tagħha; madankollu, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-agrikoltura, miżura li jkollha dawn il-karatteristiċi ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

IV.   IL-KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI DWAR IL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA FORMALI

(23)

Fl-ittra tagħhom mibgħuta permezz ta' email fil-5 ta' Diċembru 2012, l-awtoritajiet Franċiżi l-ewwel nett enfasizzaw li teżisti bażi ġuridika għall-ACAL fir-regolamentazzjoni tal-Unjoni dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq. Din il-bażi ġuridika, stabbilita fl-Artikolu 75(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tal-Kunsill (8), tippermetti lill-Istati Membri jagħtu lill-produtturi li jimpenjaw ruħhom li jwaqqfu b'mod definittiv parti mill-produzzjoni tal-ħalib jew il-produzzjoni kollha tagħhom, indennizz li jitħallas f'rata annwali waħda jew aktar, u jalimentaw ir-riżerva nazzjonali bil-kwantitajiet ta' referenza individwali li jkunu ġew rilaxxati b'dan il-mod. Skont l-awtoritajiet, dan l-Artikolu għandu japplika b'mod indipendenti mid-dispożizzjonijiet l-oħra relatati mal-ġestjoni tal-kwoti tal-ħalib u mill-applikazzjoni ta' imposta fil-każ li tinqabeż il-kwota.

(24)

B'referenza għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-finanzjament tal-waqfien tal-attività tal-ħalib jikkorrispondi prima facie għad-definizzjoni ta' għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li r-regolamentazzjoni tal-Unjoni ta' qabel l-2007, u b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1788/2003, ma kienet tinkludi l-ebda riferiment espliċitu dwar l-obbligu li jiġu nnotifikati għajnuniet relatata ma' prodotti tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. Huma jispeċifikaw li s-sitwazzjoni ġiet iċċarata mill-Artikolu 180 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, li jissottometti b'mod espliċitu s-sistema tal-ACAL għall-proċedura ta' notifika. L-awtoritajiet Franċiżi ħasbu wkoll, in bona fede, li kienu qed jirrispettaw ir-regolamentazzjoni tal-Unjoni meta regolarment kienu qed jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar is-sistema ta' indennizzi, permezz tal-kwestjonarji. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni kienet taf diġà bl-eżistenza tal-ACAL, minħabba li kienet staqsiet lil Franza dwarhom matul l-eżami tal-miżura ta' għajnuna għat-tnaqqis volontarju tal-attività tal-ħalib fil-Bretagne (għajnuna Nru 290/2007 — ARVAL). Huma jikkonkludu l-argument tagħhom billi jimpenjaw ruħhom li jinnotifikaw is-sistema fil-ġejjieni (u dan għamluh, ara l-premessa 53).

(25)

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-kompatibbiltà ACAL mas-suq intern, u b'mod partikolari l-kumment tal-Kummissjoni li s-sistema ma tidhirx li tikkonforma mal-punt 88 tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuniet mill-Istat fis-settur agrikolu u forestali 2007-2013 (aktar 'il quddiem il-“Linji Gwida 2007-2013”) (9), l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li s-sistema tal-ACAL taqa' fil-qafas tal-Artikolu 75 (KE) Nru 1234/2007 u li l-Kummissjoni għandha tqis dan l-Artikolu fl-analiżi tagħha. Barra minn hekk huma jindikaw li parti biss mill-applikazzjonijiet tal-ACAL imressqa mill-produtturi tikkonċerna l-waqfien tal-attività minħabba l-pensjoni (madwar 10 % tat-total tal-produtturi benefiċjarji); għal dawn l-applikazzjonijiet, il-kundizzjonijiet ta' waqfien totali tal-attivitajiet agrikoli kummerċjali kollha b'mod permanenti u definittiv ġew rispettati. Għall-produtturi l-oħra, l-awtoritajiet Franċiżi jaħsbu li s-sistema tal-ACAL hija kompatibbli mas-suq intern fir-rigward tal-punti 143 u 144 tal-Linji Gwida 2007-2013, dwar l-għajnuna għall-għeluq tal-kapaċità ta' produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli.

(26)

Fir-rigward tal-punti 143 u 144 tal-Linji Gwida 2007-2013, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li s-settur tal-ħalib qiegħed f'sitwazzjoni ta' kapaċità eċċessiva, kif imsemmi fil-premessa 30 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u jenfasizzaw li skont dan ir-Regolament, il-waqfien tal-attività tal-ħalib tista' tkun parzjali jew totali. Barra minn hekk, fil-fehma tagħhom, is-sistema tal-ACAL tissodisfa l-kundizzjoni li tgħid li l-benefiċjarju tal-għajnuna għandu joffri kontroparti. Din il-kontroparti tikkonsisti fil-mekkaniżmu TSST stabbilit fl-2006 b'applikazzjoni tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003. B'dan il-mekkaniżmu jitwettqu trasferimenti bi ħlas mill-produtturi li jkunu ngħataw kwantitajiet ta' referenza tal-ħalib rilaxxati skont skala definita. Jitħallas indennizz lill-produtturi li jittrasferixxu l-kwantità ta' referenza tal-ħalib disponibbli tagħhom. Dan l-indennizz huwa kkalkulat fuq l-istess skala bħal dik tal-ACAL. L-iskala u r-rabta tagħha mal-ACAL huma soġġetti għal digriet annwali stabbilit għal kull sena ta' kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, fit-TSST is-settur benefiċjarju jagħti kontribuzzjoni kollettiva lill-ACAL li tirrappreżenta mill-inqas 50 % tan-nefqa pubblika għall-implimentazzjoni tal-iskema. Mill-bqija, is-sistema ta' għajnuna teskludi lill-intrapriżi f'diffikultà, hija aċċessibbli għall-operaturi ekonomiċi kollha fl-istess kundizzjonijiet, ma toħloqx vantaġġ kompetittiv meta titqies in-natura kumpensatorja tagħha, minħabba li l-indennizz jingħata biss fil-każ li l-kwota tiġi abbandunata, u ma tirriżultax fl-ebda każ ta' kumpens żejjed għat-telf tal-kapital u tal-introjtu futur, minħabba li l-indennizz jingħata fuq bażi digressiva (matul il-perjodu kkunsidrat, il-medja tal-indennizz għall-abbandun kien ta' EUR 0,083 għal kull litru filwaqt li l-valur tal-kwota matul l-istess perjodu kien ta' EUR 0,10 għal kull litru).

(27)

Fir-rigward tal-indennizzi mħallsin wara l-qerda tal-ħalib ikkontaminat mill-PCBs, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li d-deċiżjoni tad-direttur tal-Office de l'élevage dwar l-istabbiliment ta' sistema għall-kumpens tat-telf tal-operaturi, hija bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 u (KE) Nru 1535/2007 (10). Ir-Regolament (KE) Nru 1998/2006 intuża għall-għajnuna mħallsa lill-imħaleb għall-qerda tal-ħalib mixtri li ġie pproċessat darba wara li nġabar, filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 1535/2007 intuża għall-finanzjament tal-qerda tal-ħalib nej tal-produtturi li jbiegħuh dirett. Fl-ebda wieħed mill-każijiet ma kien hemm kumpens żejjed għat-telf imġarrab.

(28)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rimborżi, l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li d-digrieti ministerjali jistipulaw l-applikazzjoni tas-sistema ta' rimborżi unikament jekk l-imposta fuq l-ammont żejjed hija dovuta mill-produttur, skont is-sistema tat-Taxxa Fiskali Assenjata (Taxe Fiscale Affectée, TFA) jew l-imposta skont l-Artikolu 78 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Għalhekk il-miżura kienet applikabbli fil-qafas ta' sistema ta' penali li ma tistax titqabbel ma' trattament preferenzjali tal-operaturi. Fil-każ li tinqabeż il-kwota nazzjonali, is-sistema tar-rimborż tapplika skont l-Artikolu 84(1) ta' dak ir-Regolament. Għalhekk, għalkemm is-sistema taffettwa b'mod differenti lill-kategoriji diversi ta' operaturi, din ma tfixkilx il-kompetizzjoni bejn il-produtturi. Il-produttur li kellu l-infrastruttura u l-mezzi finanzjarji biex jipproduċi aktar mill-kwota tiegħu, minkejja li ġarrab taxxa ogħla, ma kienx żvantaġġat meta mqabbel ma' produttur li ma setax jikkompetilu, minkejja li jħallas inqas taxxa. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-kummerċ lanqas ma seta' jiġi affettwat peress li s-sistema ta' tassazzjoni kienet limitata għal volum ta' produzzjoni nazzjonali u, filwaqt li t-tnaqqis tal-imposta ppermetta lil xi wħud jipproduċu aktar mingħajr konsegwenza finanzjarja, dan kien minħabba l-fatt li ċerti produtturi pproduċew inqas. Il-kwantità ta' ħalib li tqiegħdet fis-suq fl-aħħar mill-aħħar baqgħet l-istess u l-kummerċ bejn l-Istati membri ma ġiex affettwat.

(29)

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li s-setgħa li għandhom l-awtoritajiet pubbliċi li jaġġustaw ir-rimborżi tidher li qed tindika l-eżistenza ta' trattament diskrezzjonali tal-operaturi ekonomiċi lil hinn mis-sempliċi ġestjoni tad-dħul tat-taxxa skont kriterji oġġettivi, li fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja tista' tagħti lill-applikazzjoni individwali ta' miżura ġenerali l-kwalità ta' miżura selettiva (11), l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li mis-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2009-2010 u fid-dawl tat-tmiem tal-iskema tal-kwoti tal-ħalib ġiet stabbilita miżura ġenerali li tkopri l-produtturi kollha, u li l-limitu tar-rimborż ta' 1 % jew 2 % mhuwiex diskriminatorju peress li japplika għall-produtturi kollha tal-ħalib fuq il-bażi tal-kwantità li taqbeż il-kwota individwali, li de facto jfisser tnaqqis tat-taxxa applikata. Bl-istess mod, ingħata rimborż lill-produtturi żgħar kollha minħabba s-sitwazzjoni ta' fraġilità tagħhom (l-ispejjeż għall-produzzjoni, is-sensibbiltà għall-varjazzjonijiet ekonomiċi) biex tiġi adattata l-kontribuzzjoni tagħhom mal-kapaċitajiet tagħhom u mad-daqs tal-istruttura ta' produzzjoni, f'konformità mal-prinċipji ta' progressività li jirregolaw l-istabbiliment tal-kategoriji tat-taxxa. Dawn il-produtturi żgħar huma dawk li l-kwota tagħhom tirrappreżenta massimu ta' 55 % tal-kwota individwali medja fil-livell nazzjonali. Flimkien, dawn jirrappreżentaw 25 % tal-produtturi u inqas minn 20 % tal-kwota nazzjonali.

(30)

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, u meta titqies in-natura trasparenti u pubblika tas-sistema tar-rimborżi, li d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħha ġew spjegati b'mod ċar fid-digrieti ta' tmiem is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża (Journal officiel de la République française) u fuq il-websajts tas-servizzi deċentralizzati tal-Istat, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li s-sistema tar-rimborżi ma tissodisfax il-kriterji ta' miżura ta' għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(31)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li r-rimborżi tat-TFA ingħataw ukoll fuq il-bażi ta' każ b'każ għas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 u 2007/2008, lil nissiela li kienu qed jiffaċċjaw il-marda tal-ilsien blu.

V.   KUMMENTI SUPPLIMENTARI TAL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI

(32)

Fl-ittra mibgħuta permezz tal-email tat-18 ta' Frar 2013 (12), l-awtoritajiet Franċiżi, li ntalbu juru r-rispett sħiħ tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għall-għajnuna għall-pensjoni u għall-waqfien tal-attività, ipprovdew il-kjarifiki li ġejjin, fid-dawl tal-kummenti tagħhom wara l-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE, (13) u wara l-laqgħa tat-12 ta' Diċembru 2012.

Fir-rigward tal-ACAL allokati għall-waqfien tal-attività minħabba l-pensjoni

(33)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, is-sistema tal-ACAL minħabba l-pensjoni saret disponibbli għall-bdiewa mis-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2009-2010, wara t-tneħħija tas-sistema nazzjonali ta' għajnuna għall-pensjoni bikrija. Ir-regoli tal-implimentazzjoni ta' din tal-aħħar kienu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (14) u biha, l-għoti ta' għajnuna kien jiddependi b'mod partikolari fuq il-waqfien tal-attivitajiet agrikoli kollha. Dawn ir-regoli ġew applikati wkoll fil-qafas tas-sistema tal-ACAL. Fil-prattika, il-kontroll tar-rispett tal-waqfien totali tal-attività tal-ħalib jitwettaq fil-post minn spetturi li jikkontrollaw kampjun ta' ażjendi agrikoli magħżula fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskju mwettqa minn France AgriMer. Ir-rata tal-kontroll hija konformi ma' dik stabbilita fir-regolamentazzjoni tal-Unjoni. Skont l-awtoritajiet Franċiżi ma nstabet l-ebda irregolarità.

Fir-rigward tal-ACAL mogħtija skont l-għajnuna għall-għeluq tal-kapaċità ta' produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni

(34)

Wara li fakkru li s-sistema tal-ACAL tista' tintuża meta l-produttur iwaqqaf l-attività tal-ħalib tiegħu parzjalment jew totalment f'konformità mal-Artikolu 75(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u mal-punt 144(f) tal-Linji Gwida 2007-2013, u li fil-maġġoranza tal-każijiet (minn 80 % sa 90 % skont is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni) l-ACAL huma għajnuniet għall-waqfien totali tal-attività tal-ħalib, l-awtoritajiet Franċiżi analizzaw is-sistema fid-dawl tal-kundizzjonijiet diversi previsti fil-punt 144 tal-Linji Gwida 2007-2013, fir-rigward tal-għajnuniet għall-għeluq tal-kapaċità.

(35)

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna implimentata tkunx fl-interess ġenerali ta' settur b'kapaċità żejda (il-punti minn 144(a) sa 144(e) tal-Linji Gwida 2007-2013), wara li fakkru l-argumenti esposti fil-premessa 26, l-awtoritajiet Franċiżi żiedu jgħidu li ċ-ċirkularijiet li jirregolaw is-sistema tal-ACAL jenfasizzaw li parti mill-kwoti rkuprati tmur lura fir-riżerva nazzjonali biex terġa' tiġi distribwita fil-qafas tal-attribuzzjonijiet normali tal-kwoti u li hemm ix-xewqa li tiġi organizzata distribuzzjoni mill-ġdid għall-benefiċċju tal-produtturi li għandhom il-kapaċità li jipproduċu aktar mill-kwantità ta' referenza inizjali tagħhom, u b'hekk ikunu qed jaġixxu favur il-kompetittività tas-settur tal-ħalib billi jappoġġaw ir-ristrutturar ekonomiku tiegħu. L-awtoritajiet Franċiżi jinsistu wkoll fuq it-talba tagħhom li jibbenefikaw mill-punt 144(e) tal-Linji Gwida 2007-2013, li skontu l-iskemi ta' għajnuna applikabbli għal setturi li huma soġġetti għal limiti ta' produzzjoni jew għal kwoti jiġu eżaminati każ b'każ.

(36)

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna joffrix kontroparti (il-punt 144(f) tal-Linji Gwida 2007-2013), l-awtoritajiet Franċiżi qed jeżaminaw il-każ tal-produtturi li jikkummerċjalizzaw il-ħalib tagħhom permezz ta' kunsinni lil kollettur u l-każ tal-produtturi li jikkummerċjalizzaw il-ħalib tagħhom direttament lill-konsumatur, permezz tal-bejgħ dirett.

(37)

Fil-każ tal-produtturi li jikkummerċjalizzaw il-ħalib tagħhom permezz ta' kunsinni lil kollettur, il-produttur ikkonċernat jimpenja ruħu, fil-każ ta' waqfien totali, li jabbanduna kompletament u definittivament il-kunsinna u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib jew tal-prodotti tal-ħalib u għandu jipprovdi ċertifikat ta' waqfien totali u definittiv fi żmien 30 jum wara d-data tal-waqfien u mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena N + 1 (N hija s-sena ta' meta tressqet it-talba għall-għajnuna għall-waqfien). Għandu wkoll jimpenja ruħu li ma jitlobx aktar kwoti. Fil-każ ta' waqfien parzjali, il-produttur ikkonċernat jimpenja ruħu li jagħti prova tal-għeluq ta' stabbiliment (meta dan ikollu bosta stabbilimenti) jew jixhed li l-volum massimu ta' produzzjoni naqas bl-istess proporzjonijiet bħall-volum ta' referenza previst għal dawk li għandhom azjenda agrikola waħda biss. Għal dan l-għan, il-produttur għandu jkun jista' jippreżenta n-notifika tal-kwota stabbilita mix-xerrej tiegħu għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni li tkun għaddejja kif ukoll dik tal-kwota l-ġdida għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni ta' wara. Dan il-kontroll jibqa' validu sa tmiem l-2015, is-sena tat-tneħħija tal-kwoti. Barra minn hekk, produttur li jkun talab indennizz għall-abbandun parzjali ma jistax jikseb indennizz ieħor għall-istess raġuni aktar tard. Jekk jitlob u jikseb indennizz għall-abbandun totali, il-kwoti li jkunu diġà ngħataw indennizz għalihom minħabba l-waqfien parzjali jitqiesu fil-kalkoli.

(38)

Fil-każ tal-produtturi li jikkummerċjalizzaw direttament il-ħalib tagħhom lill-konsumatur finali, il-produttur għandu jibgħat dikjarazzjoni ta' waqfien tal-produzzjoni għall-bejgħ dirett fi żmien 30 jum wara d-data tal-waqfien.

(39)

Ikun xi jkun ix-xenarju previst, France AgriMer tikkontrolla r-rispett tad-dikjarazzjonijiet mhux biss fil-livell amministrattiv iżda wkoll fuq il-post. Fil-każ li jkun hemm xi irregolarità, l-indennizzi li ma kellhomx jinġabru jiġu rkuprati b'imgħax ikkalkolat bir-rata legali u jistgħu jingħataw sanzjonijiet skont il-Kodiċi Kriminali.

(40)

Fir-rigward tal-prinċipju li jistabbilixxi li l-produtturi li verament kellhom attività ta' produzzjoni u l-kapaċitajiet ta' produzzjoni li verament intużaw biss jistgħu jingħataw indennizz (il-punt 144(g) tal-Linji Gwida 2007-2013), l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li l-għoti tal-ACAL huwa possibbli biss għall-produtturi li għandhom attività ta' produzzjoni.

(41)

Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-għajnuna għall-intrapriżi li jissoddisfaw l-istandards minimi obbligatorji u l-esklużjoni tal-produtturi li għalihom diġà ngħalqet il-kapaċità ta' produzzjoni jew li jidher inevitabbli li se jkollhom jagħlquha (il-punti 144(i) u (j) tal-Linji Gwida 2007-2013), l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li l-ħalib, li huwa kkunsinnat u mħallas wara li jiġi analizzat, jissodisfa b'mod obbligatorju r-rekwiżiti minimi għall-użu tiegħu mill-maħleb. L-ebda intrapriża ta' produzzjoni tal-ħalib ma hija obbligata li twaqqaf il-produzzjoni tagħha minħabba n-nuqqas ta' rispett tal-istandards minimi. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi spjegaw li l-produtturi fi proċedura ta' riorganizzazzjoni jew likwidazzjoni ġudizzjarji huma esklużi mill-benefiċċju tal-għajnuna, kif ukoll l-intrapriżi li mhumiex is-soġġett ta' tali proċedura iżda jissodisfaw il-kriterji l-oħra ta' definizzjoni ta' intrapriża f'diffikultà (diffikultajiet ta' likwidità, fatturat li qed jonqos b'rata mgħaġġla, żieda fit-telf, żieda fid-dejn, tnaqqis tal-assi).

(42)

Fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-iskema għall-operaturi ekonomiċi kollha fis-settur (il-punt 144(k) tal-Linji Gwida 2007-2013, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li t-trasparenza u l-pubbliċità tas-sistema li jippermettu li din tkun disponibbli għal kulħadd. Ir-regoli għall-aċċess tas-sistema tal-ACAL u għall-implimentazzjoni tagħha huma deskritti fid-digrieti diversi ppubblikati fi tmiem is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża (Journal officiel de la République française) kif ukoll fiċ-ċirkularijiet.

(43)

Fir-rigward tan-nuqqas ta' kumpens żejjed għat-telf tal-kapital u tal-introjtu futur (il-punt 144(l) tal-Linji Gwida 2007-2013), l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li l-iskala ta' indenizz hija digressiva skont il-volum u l-ħin. Barra minn hekk, kwantità ta' referenza individwali hija magħmula minn medja ta' 20 % ta' kwantitajiet allokati fil-ħames snin ta' kummerċjalizzazzjoni ta' qabel it-talba għall-ACAL u din il-parti hija eskluża mill-kalkolu tal-indennizz. B'din is-sistema, l-ammont tal-indennizz ma jaqbiżx il-valur tal-kwota stmata għal Franza mill-Kummissjoni. Dan l-argument huwa sostnut b'ċifri li juru li fl-2012, il-valur tal-kwota Franċiża kien stmat mill-Kummissjoni għal EUR 200/1 000 litru, filwaqt li l-valur kkalkulat fuq il-bażi tal-iskali li jintużaw fi Franza huwa ta' EUR 90/1 000 litru, li jservi ta' bażi għall-kalkolu tal-indennizz.

(44)

Fir-rigward tal-kontroparti offerta mis-settur (il-punt 144(m) tal-Linji Gwida 2007-2013), l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li s-sistema tal-ACAL hija essenzjalment iffinanzjata mid-dħul tat-TSST, stabbilita skont l-Artikolu 75(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u li tippermetti lill-produtturi jiksbu kwoti bi ħlas. Il-bqija tal-finanzjament jinkiseb minn fondi pubbliċi jew privati (l-Istat, il-kollettivitajiet territorjali u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali).

(45)

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-punt 144(n) tal-Linji Gwida 2007-2013, li jipprevedi li, jekk Stat Membru jintroduċi skema għall-għeluq tal-kapaċitajiet, għandu jimpenja ruħu li ma jagħti l-ebda għajnuna għall-ħolqien ta' kapaċitajiet ta' produzzjoni ġodda fis-settur ikkonċernat fil-ħames snin wara t-tmiem tal-programm tal-għeluq tal-kapaċitajiet, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li s-sistema tal-ACAL għandha l-għan li tirristruttura s-settur b'mod konformi mal-possibbiltà offerta mir-Regolament (KE) Nru 1234/2007, li l-kwoti rilaxxati fil-qafas tal-ACAL ikunu disponibbli għal produtturi oħrajn u li l-kompatibbiltà ta' din is-sistema prevista f'dan ir-Regolament għalhekk għandha tkun soġġetta għal interpretazzjoni mill-Kummissjoni.

Kwistjonijiet oħrajn

(46)

Fil-faks tagħha tal-15 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni enfasizzat li t-taxxa titħallas mill-produtturi lix-xerrejja iżda r-rimborżi previsti fid-digrieti li jistabbilixxu t-taxxa jitħallsu lix-xerrejja wkoll. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex juru li x-xerrejja jirretroċedu l-ammonti rimborżati lill-produtturi.

(47)

Fl-ittra mibgħuta permezz tal-email tat-18 ta' Frar 2013, l-awtoritajiet Franċiżi jispeċifikaw li l-ammonti marbuta ma' kwalunkwe rimborż dovut lill-produtturi li qabżu l-kwantità ta' referenza tagħhom, jinġabru mis-sors u għalhekk jitnaqqsu direttament mill-ammont tat-taxxa deċiża fi tmiem is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni, u li dan il-mekkaniżmu ta' retroċessjoni li jnaqqas it-taxxa dovuta mill-produttur li jaqbeż il-kwantità ta' referenza huwa wieħed mill-obbligi li għandhom jirrispettaw ix-xerrejja approvati, skont l-Artikoli 65 u 85 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 kif emendat. Barra minn hekk, ix-xerrejja huma obbligati li jirrappurtaw ir-rimborżi skont il-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu.

(48)

Fir-rigward tal-limitu tar-rimborż (15), l-awtoritajiet Franċiżi jikkonfermaw li l-perċentwali previsti (1 % u 2 %) japplikaw għall-produtturi kollha li qabżu l-kwota individwali tagħhom u skont rata identika matul is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni kkunsidrata kollha.

(49)

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kwantitajiet li jagħtu dritt għal rimborż (16), l-awtoritajiet Franċiżi jispjegaw li dan il-mekkaniżmu nħoloq biex is-settur Franċiż jadatta ruħu għat-tneħħija tal-kwoti. L-għan tiegħu huwa li t-taxxa fuq l-eċċessi tinżamm f'livell regolari billi jingħata rimborż lill-produtturi żgħar f'sitwazzjoni fraġli (15 % tal-produtturi li jirrappreżentaw 10 % tal-kwota nazzjonali). Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-mekkaniżmu huwa konformi mal-prinċipji ta' progressività li jirregolaw l-istabbiliment tal-kategoriji tat-taxxa, li huma msemmija fil-punt 24 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (17), u mekkaniżmu ta' rimborż supplimentari ġie stabbilit għall-produtturi li ma jistgħux jibbenefikaw minn rimborż għall-“produtturi żgħar” iżda li xorta jinsabu f'sitwazzjoni fraġli fir-rigward tal-kwantità ta' referenza miżmuma. L-għan ta' dan huwa li jiġu evitati l-effetti tal-limiti massimi.

(50)

Fl-ittra tagħhom tal-20 ta' Jannar 2017, l-awtoritajiet Franċiżi speċifikaw li r-rimborżi msemmija fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-premessa 16 tqiegħdu taħt skema de minimis b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 (18), minħabba li dak iż-żmien kienu ngħataw fil-kundizzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament li huma applikabbli b'mod retroattiv.

(51)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni tal-kumpens għat-telf minħabba l-marda tal-ilsien blu, l-awtoritajiet Franċiżi spjegaw li din il-marda wasslet għal bidla fl-imġiba ta' ċerti produtturi li, meta raw il-marġnijiet gross tagħhom jonqsu u bdew jaffaċċjaw id-diffikultajiet marbuta mal-projbizzjoni ta' ħruġ tal-bhejjem, fost oħrajn, ikkumpensaw dawn il-marġnijiet bi produzzjoni li taqbeż il-kwota tagħhom. B'reazzjoni għal din is-sitwazzjoni, ġiet stabbilita sistema ta' rimborż tal-imposta applikabbli fil-qafas tas-sistema nazzjonali tat-TFA jew skont l-Artikolu 84(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, fil-każ li tinqabeż il-kwota nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 78 ta' dan ir-Regolament. Ir-rimborż laħaq il-proporzjonijiet li ġejjin:

matul is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2006-2007, 5 % tal-kwota fiż-żona projbita u 2,5 % fiż-żoni ristretti l-oħra, fejn it-telf kien inqas,

matul is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2007-2008, rimborż massimu ta' 10 000 litru (ekwivalenti għal 4 % tal-kwota medja), irrispettivament miż-żona kkonċernata.

(52)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, jekk il-kwota nazzjonali ma tinqabiżx, is-sistema ta' rimborż hija konformi mad-dispożizzjonijiet kollha tas-sottokapitolu V.B.4 tal-Linji Gwida 2007-2013, kif ukoll mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 (19). B'mod partikolari huma jenfasizzaw il-punti li ġejjin:

l-għajnuniet ingħataw lil bdiewa (il-punti 131, 132(e) u 137 tal-Linji Gwida 2007-2013),

ir-rimborż li kellu jikkumpensa t-telf imġarrab mill-bdiewa benefiċjarji jaqa' taħt il-qafas tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE (il-punt 132(a) tal-Linji Gwida 2007-2013) u l-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006,

il-miżura ta' rimborż ġiet stabbilita fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni (id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE (20)) u dawk nazzjonali (l-Artikolu L 221-1 tal-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu) sabiex taġixxi kontra l-marda kkonċernata (programm ta' azzjonijiet), u dan jikkonferma t-tħassib tal-awtoritajiet pubbliċi dwar dan l-avveniment tas-saħħa (il-punt 132(b) tal-Linji Gwida 2007-2013 u l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006),

il-miżura ta' rimborż għandha l-għan li tikkumpensa l-miżuri diversi rrakkomandati jew ordnati mill-awtoritajiet kompetenti (il-punt 132(c) tal-Linji Gwida 2007-2013), u b'mod partikolari l-miżuri ta' restrizzjoni jew ta' projbizzjoni tal-moviment tal-annimali,

l-imġiba tal-bidwi ma kkontribwietx għaż-żieda fir-riskju tal-marda (il-punt 132(d) tal-Linji Gwida 2007-2013),

ma hemmx riskju ta' kumpens żejjed (il-punt 136 tal-Linji Gwida 2007-2013) għax din hija l-unika miżura għal din il-marda tal-annimali u għalhekk ma hemmx riskju ta' akkumulazzjoni.

VI.   EVALWAZZJONI

Kamp ta' applikazzjoni

(53)

Minħabba li ntwera, matul il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE (ara l-premessi 24 u 25 tad-deċiżjoni tal-ftuħ), li t-taxxa mħallsa ma kinitx taxxa imposta skont il-ġurisprudenza, din l-analiżi se tiffoka fuq żewġ elementi separati: ir-rimborżi tat-taxxa msemmija fil-premessa 16, minn naħa, u l-ACAL iffinanzjati sas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2011/2012, min-naħa l-oħra, filwaqt li jitqies li fil-15 ta' Mejju 2013 il-Kummissjoni approvat skema ta' għajnuna għall-waqfien tal-attività tal-ħalib li tkopri s-snin ta' kummerċjalizzazzjoni 2012/2013 u 2013/2014 (21).

(54)

Din l-analiżi mhux se tkopri l-għajnuniet għall-qerda tal-ħalib ikkontaminat mill-PCBs, minħabba li f'dan ir-rigward l-awtoritajiet Franċiżi pprovdew ukoll aktar dettalji dwar l-applikazzjoni eżatta tar-regolamenti de minimis rilevanti (22) u li, peress li l-għajnuniet li jirrispettaw il-kundizzjonijiet ta' dawn ir-regolamenti jitqiesu, skont dawn ir-regolament, li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni ma għandhiex tagħti l-opinjoni tagħha dwarhom aktar. Il-Kummissjoni lanqas mhi se tkopri l-għajnuniet kompensatorji marbuta mal-marda tal-ilsien blu.

L-eżistenza ta' għajnuna

(55)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(56)

Għalhekk biex miżura tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat skont din id-dispożizzjoni jeħtieġ li l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin ikunu ssodisfati: (i) il-miżura għandha tkun imputabbli lill-Istat u ffinanzjata permezz tar-riżorsi tal-Istat; (ii) din trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dan il-vantaġġ irid ikun selettiv, u (iv) il-miżura trid tkun waħda li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. F'dan il-każ, meta jitqies il-kamp ta' applikazzjoni definit fil-premessi 53 u 54, din il-kwalifika għandha tiġi evalwata fil-livell tar-rimborżi msemmija fil-premessa 16 u fil-livell tal-ACAL.

(57)

Fir-rigward tar-rimborżi msemmija fit-tieni u t-tielet inċiż tal-premessa 16, il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Franċiżi kklassifikawhom taħt skema de minimis b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013, applikabbli b'mod retroattiv. Għalhekk, dawn ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(58)

Fir-rigward tar-rimborż imsemmi fl-ewwel inċiż tal-premessa 16, il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-informazzjoni li kellha u fil-qafas tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali, qieset li dan ir-rimborż (li kien parti mit-tnaqqis mit-taxxa imsemmi fid-deċiżjoni inkwistjoni) kellu element ta' għajnuna minħabba li kien iffinazjat mill-Istat li b'hekk kien qed jitlef mir-riżorsi tiegħu. Barra minn hekk, dan ir-rimborż jiffavorixxi ċerti intrapriżi (l-intrapriżi tal-ħalib li jibbenefikaw minnu li b'hekk ma għandhomx il-piż finanzjarju li għandhom l-intrapriżi tal-ħalib l-oħra) u jista' jfixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ minħabba l-pożizzjoni ta' Franza fis-suq. Il-Kummissjoni speċifikat ukoll li għalhekk ma kienx possibbli li jiġi determinat jekk l-eżistenza u l-modulazzjoni tar-rimborż kinux iġġustifikati mil-loġika tas-sistema tat-taxxi stabbilita, u enfasizzat li l-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi li jimmodulaw ir-rimborż tindika l-eżistenza ta' trattament diskrezzjonali tal-operaturi lil hinn mill-ġestjoni tad-dħul mit-taxxa. Fl-aħħar nett, ma kien hemm xejn li jindika li l-ekwivalenti tas-sussidju tat-tnaqqis mit-taxxa seta' jaqa' fil-qafas ta' skema de minimis li tippermetti li wieħed iqis li l-għajnuniet ta' ammont baxx ma jikkostitwixxux għajnuniet mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(59)

Biex jevalwaw ir-rilevanza tal-argument tal-awtoritajiet Franċiżi li r-rimborż ma kienx jikkostitwixxi trattament preferenzjali għal kategorija ta' operaturi, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta' referenza li tippermetti li wieħed jivverifika jekk il-miżura għandhiex natura selettiva, jiġifieri li tiffavorixxi ċerti produtturi u mhux oħrajn li jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika identika. F'dan il-każ, din is-sistema u dik applikata għall-produtturi li jaqbżu l-kwota (il-produtturi kollha li jaqgħu f'din il-kategorija jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika identika, billi huma soġġetti għat-taxxa; madankollu, il-produtturi li ma jkunux qabżu l-kwota tagħhom ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni fattwali u ġudirika identika, mhux biss minħabba li baqgħu fil-limiti tal-kwota tagħhom, iżda wkoll minħabba li ma ġewx soġġetti għat-taxxa).

(60)

Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni tqis li r-rimborż ingħata mingħajr diskriminazzjoni lill-produtturi kollha li qabżu l-kwota tagħhom u ġie mmodulat minn sena ta' kummerċjalizzazzjoni għall-oħra u mhux bejn il-produtturi benefiċjarji fl-istess sena ta' kummerċjalizzazzjoni. Għalhekk, id-digriet tas-17 ta' Awwissu 2010 (23) kien jipprevedi rimborż tat-taxxa fuq 1 % tal-kwota għall-produtturi kollha li jkunu qabżu l-kwota tagħhom u d-digriet tas-16 ta' Awwissu 2011 (24), rimborż tat-taxxa fuq 2 % tal-kwota, għall-produtturi kollha li jkunu qabżu l-kwota tagħhom ukoll. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li s-sistema tikkostitwixxi penalizzazzjoni għaliex tapplika biss fil-każ li tinqabeż il-kwota. Billi din il-penalizzazzjoni tikkonċerna biss il-produtturi li jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali u ġuridika, ir-rimborż ma jiffavorixxi l-ebda wieħed minnhom meta jiġi applikat b'mod uniformi u għalhekk mhuwiex selettiv.. Ir-rimborż għaldaqstant ma jissodisfax il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u għalhekk ma jistax jitqies li ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir analiżi tal-kriterji l-oħra tal-Artikolu 107(1).

(61)

Min-naħa tagħha, l-ACAL tagħti vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha li, meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom, ikollhom riżorsi biex jiffinanzjaw attivitajiet oħrajn relatati mal-agrikoltura. Dan il-vantaġġ jingħata permezz tar-riżorsi tal-Istat (prodott mit-taxxa u r-riżorsi supplimentari tal-awtoritajiet pubbliċi – ara l-premessa 11 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali) u jiffavorixxi ċerti intrapriżi (l-intrapriżi li joperaw fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt biss li l-kompetittività ta' intrapriża tissaħħaħ meta mqabbla ma' intrapriżi kompetituri billi tingħata vantaġġ ekonomiku li kieku ma kinitx tirċievi fit-twettiq ordinarju tal-attività tagħha jindika li hemm riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni (25).

(62)

B'applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għajnuniet tal-Istat jidher li qed jinfluwenzaw lill-kummerċ bejn l-Istati Membri meta l-intrapriża tkun attiva f'suq li huwa soġġett għall-kummerċ intra-UE (26). F'dan il-każ, il-benefiċjarji tal-għajnuna huma attivi fis-suq tal-prodotti tal-ħalib, fejn isir kummerċ intra-UE (27). Is-settur ikkonċernat huwa miftuħ għall-kompetizzjoni fil-livell tal-UE, u għalhekk huwa sensittiv għal kwalunkwe miżura favur il-produzzjoni fi Stat Membru wieħed jew aktar. Għalhekk, l-ACAL iwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jinfluwenzaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(63)

Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma ssodisfati. Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-ACAL jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont dak l-Artikolu. L-għajnuna tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern biss jekk tista' tibbenefika minn waħda mid-derogi previsti fit-TFUE.

(64)

F'dan il-każ, meta titqies in-natura tal-ACAL, l-unika deroga li tista' tkun invokata hija dik stipulata fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, li tistabbilixxi li l-għajnuniet maħsuba biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq intern meta dawn ma jbiddlux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b'mod kuntrarju għall-interess komuni.

(65)

Peress li l-ACAL ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni, l-applikabbiltà tad-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jenħtieġ li tiġi analizzata fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli fil-mument meta ngħataw l-ACAL. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi, l-ACAL kellhom żewġ forom distinti: għajnuniet għall-pensjoni u għajnuniet għall-għeluq tal-kapaċità. L-indikazzjonijiet mogħtija fil-premessa 33 juru li l-ACAL mogħtija fil-forma ta' għajnuniet għall-pensjoni ħadu post is-sistema nazzjonali ta' għajnuna għall-pensjoni bikrija ffinanzjata fil-qafas tal-politika ta' żvilupp rurali mis-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2009-2010. Għalhekk, il-kriterji ta' kompatibbiltà tal-għajnuniet li għandhom jitqiesu huma dawk tal-Linji Gwida 2007-2013. Fir-rigward tal-għajnuniet għall-għeluq tal-kapaċità, it-tabella fil-premessa 21 turi li l-għajnuniet tħallsu għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2006-2007. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-digriet li jirregolaw l-għajnuniet (28) juru li l-ewwel deċiżjonijiet tal-għoti ġew adottati, probabbilment fl-2007, jiġifieri wara d-data li fiha bdew japplikaw il-Linji Gwida 2007-2013. Għalhekk huma dawn il-Linji Gwida li se jservu wkoll ta' referenza għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuniet inkwistjoni.

Għajnuniet għall-pensjoni

(66)

Il-punt 85 tal-Linji Gwida 2007-2013 jindika li l-għajnuniet għandhom jiġu riżervati għall-produtturi primarji (il-bdiewa). Il-punt 87 jipprevedi li l-Kummissjoni se tiddikjara dawn l-għajnuniet mill-Istat mogħtija għall-pensjoni bikrija kompatibbli mal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat (li sar l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE) jekk huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Il-punt 88 tal-Linji Gwida 2007-2013 jimponi wkoll il-waqfien permanenti u definittiv ta' kull attività agrikola kummerċjali.

(67)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota, fid-dawl tal-premessa 33, li l-bdiewa biss ibbenefikaw mill-ACAL fil-forma ta' għajnuniet għall-pensjoni, li s-sistema ta' pensjoni bikrija implimentata fi Franza ġiet approvata fil-qafas tal-politika tal-iżvilupp rurali, b'mod partikolari minħabba li din kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, u li l-kundizzjonijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, inkluż il-waqfien ta' kull attività agrikola, ġew rispettati meta ingħataw l-ACAL.

(68)

Fuq il-bażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida 2007-2013 dwar l-għajnuniet għall-pensjoni bikrija jew għall-waqfien tal-attivitajiet agrikoli ġew rispettati.

Għajnuniet għall-waqfien tal-attività

(69)

Il-Linji Gwida 2007-2013 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà rilevanti li ġejjin:

l-għajnuna għandha tkun fl-interess ġenerali tas-settur (il-punt 144(a)),

fil-każ ta' kapaċità żejda, l-għajnuniet għandhom ikunu parti minn programm ta' ristrutturar b'għanijiet definiti b'mod ċar u b'kalendarju speċifiku, it-talbiet iridu jsiru matul perjodu massimu ta' sitt xhur u l-għeluq tal-kapaċitajiet għandu jsir fi żmien 12-il xahar addizzjonali (il-punti 144(b) u (c)),

l-ebda għajnuna ma għandha taffettwa l-mekkaniżmi tal-organizzazzjoni komuni tas-suq ikkonċernat, u l-iskemi ta' għajnuna applikabbli għas-setturi li huma soġġetti għal limiti ta' produzzjoni jew għal kwoti huma eżaminati każ b'każ (il-punt 144 (e)),

il-benefiċjarju tal-għajnuna jrid jipprovdi kontroparti, li ġeneralment jikkonsisti f'deċiżjoni definittiva u irrevokabbli biex tiżżarma jew tingħalaq b'mod definittiv il-kapaċità ta' produzzjoni inkwistjoni; dan jinvolvi l-għeluq sħiħ tal-kapaċitajiet ta' ażjenda agrikola jew – jekk din hija intrapriża li għandha diversi siti ta' produzzjoni – l-għeluq ta' ċerti stabbilimenti; għandu jinkiseb impenn legalment vinkolanti mill-benefiċjarju biex l-għeluq inkwistjoni jkun definittiv u irriversibbli u biex jiġi żgurat li l-benefiċjarju ma jerġax jibda l-istess attività xi mkien ieħor; dawn l-impenji jridu jkunu jorbtu wkoll lil kwalunkwe xerrej ieħor tal-unità ta' produzzjoni kkonċernata fil-ġejjieni; (il-punt 144(f));

huma biss il-produtturi li fil-fatt kellhom attività ta' produzzjoni u huma biss il-kapaċitajiet ta' produzzjoni li fil-fatt kienu qed jintużaw b'mod kostanti matul l-aħħar ħames snin qabel l-għeluq li jistgħu jibbenefikaw mill-programmi għall-għeluq tal-kapaċitajiet (il-punt 144(g)),

l-intrapriżi li jissodisfaw l-istandards obbligatorji minimi biss huma eliġibbli (il-punt 144 (i)),

għandu jkun possibbli li jiġi eskluż li l-għajnuna titħallas għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar tal-intrapriżi f'diffikultà (il-punt 144(j)),

l-iskema għandha tkun aċċessibbli għall-operaturi kollha tas-settur inkwistjoni, bl-istess kundizzjonijiet (il-punt 144(k)),

l-ammont tal-għajnuna għandu jkun strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ biex ipatti għat-telf tal-valur tal-assi, flimkien ma' inċentiv finanzjarju li ma jistax jaqbeż l-20 % ta' dan il-valur (il-punt 144(l)),

jenħtieġ li s-settur iħallas mill-inqas nofs l-ispejjeż relatati mal-għajnuniet (il-punt 144(m)),

l-ebda għajnuna ma għandha tingħata għall-ħolqien ta' kapaċitajiet ġodda fis-settur ikkonċernat matul il-ħames snin wara l-waqfien tal-programm tal-għeluq tal-kapaċitajiet (il-punt 144(n)).

(70)

Peress li skont il-punt 11 tal-Linji Gwida 2007-2013 l-applikazzjoni tal-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE għas-setturi koperti mill-organizzazzjonijiet komuni tas-suq hija soġġetta għad-dispożizzjonijiet stabbiliti mir-regolamenti kkonċernati, l-ewwel kundizzjoni eżaminata se tkun dik tan-nuqqas ta' interferenza mal-organizzazzjonijiet komuni tas-suq.

(71)

L-Artikolu (75) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistipula li:

“1.   Bil-ħsieb tar-ristrutturazzjoni b'suċċess tal-produzzjoni tal-ħalib jew tat-titjib tal-ambjent, l-Istati Membri jistgħu, skont regoli dettaljati li huma għandhom jistabbilixxu, b'kont meħud tal-interessi leġittimi tal-partijiet konċernati:

(a)

jagħtu kumpens f'pagament wieħed annwali jew aktar lill-produtturi li jintrabtu li jabbandunaw b'mod permanenti l-produzzjoni kollha tal-ħalib tagħhom jew parti minnha u jpoġġu l-kwoti individwali hekk rilaxxati fir-riżerva nazzjonali;

(b)

jiddeterminaw abbażi ta' kriterji oġġettivi l-kundizzjonijiet li fuqhom il-produtturi jistgħu jiksbu, bi ħlas, fil-bidu ta' perjodu ta' tnax-il xahar, ir-riallokazzjoni mill-awtorità kompetenti jew minn korp maħtur minn dik l-awtorità ta' kwoti individwali rilaxxati definittivament fl-aħħar tal-perjodu ta' tnax-il xahar preċedenti minn produtturi oħrajn b'kumpens f'pagament wieħed annwali jew aktar ekwivalenti għall-pagament imsemmi hawn fuq;

[…]”.

(72)

Peress li l-Artikolu 75 imsemmi jiddeskrivi b'mod preċiż il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema tal-ACAL implimentata minn Franza u li jħalli l-libertà lill-Istati Membri li jadottaw ir-regoli għall-implimentazzjoni tas-sistema ta' għajnuna għall-waqfien tal-attività, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sistema tal-ACAL ma taffettwax l-organizzazzjoni komuni tas-swieq u ma tfixkilx il-funzjonament tajjeb tagħha.

(73)

Fir-rigward tal-interess li l-għajnuna għandu jkollha għas-settur, in-nuqqas ta' kapaċità żejda ma jistax jiġi invokat f'dan il-każ, kif jidher fil-premessa 74 hawn taħt, u l-għajnuna lanqas ma hija marbuta ma' obbligi relatati mas-saħħa jew mal-protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, dawn mhumiex l-uniċi kriterji li jistgħu jkunu involuti (il-preżenza tagħhom hija biżżejjed biex tiġġustifika l-interess tal-għajnuna, iżda dan ma jfissirx li ma jistgħux jitqiesu kriterji oħrajn) u f'dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Franċiżi (29) huma validi, mhux biss għaliex l-għoti tal-għajnuna tippermetti fil-fatt li jinfetħu possibbiltajiet ta' produzzjoni, li tqassmu mill-ġdid biex tittejjeb il-kompetittività tal-intrapriżi fi skema ta' kwoti, iżda wkoll minħabba li l-mekkaniżmu użat jikkorrispondi għal dak li japplika fil-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq ikkonċernata.

(74)

Fir-rigward tal-eżistenza ta' programm ta' ristrutturar b'objettivi u skedi ta' żmien speċifiċi meta jkun hemm kapaċità żejda fis-settur, il-Kummissjoni tinnota li l-kriterji msemmija huma ssodisfati għar-raġunijiet li ġejjin:

is-settur jista' jitqies li għandu kapaċità żejda: l-iskema tal-kwoti tal-ħalib prevista fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (u, qabel dan, fir-Regolament (KE) Nru 1788/2003) għandha l-għan ewlieni li tnaqqas l-iżbilanċ bejn l-offerta u d-domanda fis-suq ikkonċernat kif ukoll l-eċċessi strutturali li jirriżultaw u li b'hekk jinkiseb bilanċ aħjar fis-suq (ara l-premessa 36 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-premessa 3 tar-Regolament (KE) Nru 1788/2003),

l-għoti tal-ACAL huwa parti minn sistema bl-għan li tirristruttura l-produzzjoni billi tippermetti lill-bdiewa jitilqu mis-settur, jekk jixtiequ, billi terġa' tagħmel disponibbli l-kwantitajiet li setgħu jipproduċu,

fir-rigward tal-kalendarju, id-digrieti li jirregolaw is-sistema tal-ACAL jipprevedu limitu ta' żmien għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet ta' inqas minn sitt xhur u limitu ta' żmien għall-waqfien tal-attività (li huwa ekwivalenti, f'dan il-każ, għal għeluq tal-kapaċità peress li l-kwota tkun ġiet irtirata lill-persuna kkonċernata) ta' inqas minn sena. Pereżempju, id-digriet tat-23 ta' Ġunju 2009 li jirregola s-sistema tal-ACAL għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2009-2010 jipprevedi li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jiġu ppreżentati l-aktar tard fil-31 ta' Awwissu 2009 u li l-waqfien tal-attività sseħħ l-aktar tard fil-31 ta' Marzu 2010; id-digrieti li jikkonċernaw is-snin ta' kummerċjalizzazzjoni l-oħra jużaw l-istess skadenzi, b'varjazzjoni skont id-data tal-adozzjoni tad-digriet iżda dejjem fil-limiti preskritti mil-Linji Gwida 2007-2013.

(75)

Fir-rigward tal-kontroparti li għandha tiġi offerta, il-Kummissjoni tinnota, fid-dawl tal-premessi 36, 37 u 38 li l-benefiċjarju, biex jikseb l-għajnuna, irid jabbanduna b'mod definittiv il-kwota tal-ħalib tiegħu kollha jew parti minnha. Filwaqt li l-punt 144(f) jindika li l-kontroparti normalment tikkonsisti fil-waqfien sħiħ tal-kapaċitajiet ta' intrapriża agrikola, għandu jiġi mfakkar li l-waqfien parzjali tal-kapaċità ta' produzzjoni, f'dan il-każ, kien previst mill-iskema tal-kwoti rregolata bir-Regolament (KE) Nru 1234/2007. F'dan il-kuntest, il-waqfien parzjali jista' titqies bħala kontroparti suffiċjenti mill-benefiċjarju. Barra minn hekk, l-abbandun tal-kwoti f'dan il-każ jista' jitqies bħala għeluq effettiv ta' stabbiliment. Fir-rigward tal-impenji li jridu jittieħdu, il-kandidat benefiċjarju huwa obbligat li jippreżenta ċertifikat tal-abbandun definittiv tal-produzzjoni tiegħu u ma jistax jerġa' japplika għall-kwoti fil-ġejjieni. Fil-każ ta' waqfien parzjali, id-dikjarazzjonijiet li jridu jingħataw lix-xerrej minn sena għall-oħra juru t-tnaqqis effettiv tal-produzzjoni. Għalhekk il-kriterju tal-kontroparti huwa ssodisfat.

(76)

Fir-rigward tal-kriterju tal-eliġibbiltà marbut tal-attività u mal-użu tal-kapaċità ta' produzzjoni matul il-ħames snin ta' qabel l-għeluq tal-kapaċità, il-Kummissjoni tinnota, bħalma indikaw l-awtoritajiet Franċiżi (30), li l-benefiċjarji għandhom jeżerċitaw effettivament l-attività ta' produzzjoni, u b'hekk, jużaw il-kwota tagħhom biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna. Id-digrieti li jirregolaw is-sistema tal-ACAL ma jinkludu l-ebda referenza għall-perjodu ta' ħames snin imsemmi fil-punt 144(g) tal-Linji Gwida, iżda r-rispett ta' dan il-perjodu huwa indikat fil-metodi tal-kalkolu tal-għajnuna nnifisha, peress li, kif imsemmi fil-premessa 43, kwantità ta' referenza individwali hija stabbilita għal medja ta' 20 % tal-kwantitajiet attribwiti matul il-ħames snin ta' kummerċjalizzazzjoni qabel l-applikazzjoni tal-ACAL, u dan huwa prova tal-attività ta' produzzjoni matul il-perjodu msemmi. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-kriterju tat-tul ta' żmien tal-attività huwa ssodisfat. Peress li l-għajnuniet applikabbli għal setturi soġġetti għal limiti ta' produzzjoni jew għal kwoti għandhom jiġu eżaminati każ b'każ, il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 1788/2003 u (KE) Nru 1234/2007 ma fihom l-ebda indikazzjoni dwar il-ħtieġa li wieħed jikkonforma ma' dan il-kriterju ta' ħames snin.

(77)

Fir-rigward tar-rispett tal-istandards, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Franċiżi (31) juru b'mod suffiċjenti li l-kriterju huwa ssodisfat.

(78)

Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu esklużi l-intrapriżi f'diffikultà mill-benefiċċju tal-għajnuniet, il-Kummissjoni tinnota li l-kriterji elenkati fil-premessa 41 jikkorrispondu għal dawk tad-definizzjoni ta' intrapriża f'diffikultà msemmija fil-punti 10(c) u 11 tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet tal-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-intrapriżi f'diffikultà (32) tal-2004, applikabbli fil-mument tal-għoti tal-għajnuniet inkwistjoni. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-kriterju tal-esklużjoni tal-intrapriżi f'diffikultà huwa ssodisfat.

(79)

Fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-iskema għall-operaturi kollha tas-settur, il-Kummissjoni tinnota li l-unika esklużjonijiet li jeżistu fis-sistema tal-ACAL jikkonċernaw il-produtturi li ma jirrispettawx il-leġiżlazzjoni applikabbli, pereżempju fir-rigward tal-ambjent jew il-konformità mal-istandards. Peress li dawk kollha li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni għandhom aċċess għall-iskema, il-Kummissjoni tqis li l-kriterju tal-aċċessibbiltà ġenerali għas-sistema huwa ssodisfat.

(80)

Fir-rigward tal-limitu tal-għajnuna għal dak li huwa meħtieġ biex tpatti għat-telf tal-valur tal-assi, flimkien ma' inċentiv finanzjarju li ma jistax jaqbeż l-20 % ta' dan il-valur, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma hemmx kumpens żejjed tal-valur reali tal-kwota, fid-dawl taċ-ċifri fil-premessa 43 u b'mod partikolari minħabba l-fatt li wieħed mill-komponenti tal-kwantitajiet individwali li jirrappreżenta 20 % ta' dawn tal-aħħar huwa awtomatikament eskluż mill-bażi tal-kalkolu tal-għajnuna.

(81)

Fir-rigward li s-settur iħallas mill-inqas nofs l-ispejjeż, il-Kummissjoni tinnota, wara li qrat it-tabella fil-premessa 21 u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Franċiżi (33), li l-maġġoranza tal-għajnuniet huma ffinanzjati mit-TSST, fejn il-produtturi stess jalimentaw is-sistema billi jixtru l-kwoti. Il-proporzjon bejn l-ammonti li ġejjin mit-TSST u dawk li ġejjin minn sorsi ta' finanzjament oħrajn, b'mod partikolari, juri li t-TSST (jiġifieri l-produtturi) tikkontribwixxi għal aktar minn 50 % tal-finanzjament tal-ACAL. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kriterju tal-ħlas ta' mill-inqas nofs l-ispejjeż mis-settur huwa ssodisfat.

(82)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-projbizzjoni li jinħolqu kapaċitajiet ġodda fis-settur ikkonċernat matul il-ħames snin ta' wara l-waqfien tal-programm tal-għeluq tal-kapaċitajiet, il-Kummissjoni tinnota li dan il-kriterju mhuwiex rilevanti f'dan il-każ peress li l-għan tas-sistema tal-ACAL mhuwiex li tiżgura tnaqqis nett tal-kapaċità ta' produzzjoni fis-settur tal-ħalib fil-livell nazzjonali, iżda li tirristruttura l-produzzjoni fil-qafas tal-kwota nazzjonali, b'mod konformi mal-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (34).

VII.   KONKLUŻJONI

(83)

Il-Kummissjoni tinnota li r-rimborżi msemmijin fil-premessa 16 ma jinkludu l-ebda element ta' għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(84)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ACAL ingħataw fir-rispett tal-Linji Gwida 2007-2013 u li għalhekk jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, anki jekk ġew implimentati b'mod illegali bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rimborżi relatati mat-taxxa stabbilita fl-Artikolu 25 tal-Liġi Nru 2005-1720 tat-30 ta' Diċembru 2005 favur l-Établissement national des produits de l'agriculture et de la mer (France AgriMer), ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

L-għajnuniet għall-waqfien tal-attività tal-ħalib (ACAL) iffinanzjati mill-bidu tas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 sa tmiem is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2011/2012 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dawn l-għajnuniet huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ittra SG-Greffe (2012) D/15827.

(2)  ĠU C 361, 22.11.2012, p. 10.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi taxxa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti mill-ħalib (ĠU L 270, 21.10.2003, p. 123).

(4)  Dan it-terminu jkopri wkoll it-“tnaqqis mit-taxxa” imsemmi fid-deċiżjoni ta' ftuħ.

(5)  Fil-fatt, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi, ir-rimborż mhuwiex ikkalkulat fuq il-kwota iżda fuq il-kwantità li taqbeż il-kwota (ara l-premessa 29).

(6)  Is-sistema tax-xiri tal-kwoti.

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(9)  ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1.

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, 21.12.2007, p. 35).

(11)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Settembru 1996, Franza vs il-Kummissjoni, C-241/94, ECLI:EU:C:1996:353.

(12)  Ara l-premessa 13.

(13)  Ara l-premessa 25.

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).

(15)  Ara l-premessa 29.

(16)  Ara l-premessa 16, it-tieni u t-tielet inċiż.

(17)  ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3.

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9).

(19)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għal għajnuna mill-Istat għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju attivi fil-produzzjoni ta' prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 (ĠU L 358, 16.12.2006, p. 3).

(20)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE tal-20 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74.).

(21)  Għajnuna mill-Istat SA.36009 – Franza, għajnuna għall-waqfien tal-attività tal-ħalib (dokument C(2013)2762 final tal-15 ta' Mejju 2013).

(22)  Ara l-premessa 27.

(23)  Ara l-premessa 16.

(24)  Digriet tas-16 ta' Awwissu 2011 dwar l-impożizzjoni ta' taxxa għax-xerrejja u għall-produtturi tal-ħalib li jkunu qabżu l-kwota individwali tagħhom għall-kunsinna għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2010-2011 (digriet tal-kunsinni għal tmiem is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni)

(25)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Settembru 1980 fil-Kawża 730/79, Philip Morris Holland BV vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ECLI:EU:C:1980:209.

(26)  Ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tat-13 ta' Lulju 1988 fil-kawża Nru C-102/87, Ir-Repubblika ta' Franza vs. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ECLI:EU:C:1988:391.

(27)  Fl-2011, sena li tinsab fil-perjodu li matulu tħallsu l-għajnuniet, Franza kienet it-tieni l-akbar produttur tal-ħalib fl-Unjoni bi produzzjoni ta' 25,27 miljun tunnellata, f'suq fejn il-kummerċ intra-Komunitarju kien ta' madwar 14-il miljun tunnellata, kemm bħala importazzjoni kif ukoll bħala esportazzjoni.

(28)  Digriet tat-28 ta' Awwissu 2006 dwar l-għoti ta' indennizz għall-abbandun totali jew parzjali tal-produzzjoni tal-ħalib u l-implimentazzjoni ta' sistema speċifika ta' trasferiment tal-kwantitajiet ta' referenza tal-ħalib għas-sena ta' kummerċjalizzazzjoni 2006-2007.

(29)  Ara l-premessa 35.

(30)  Ara l-premessa 40.

(31)  Ara l-premessa 41.

(32)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2. It-tul tal-validità ta' dawn il-Linji Gwida, li inizjalment kien sad-9 ta' Ottubru 2009, ġie estiż għall-ewwel darba sad-9 ta' Ottubru 2012 (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prolongazzjoni tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta' Impriżi f'Diffikultà – (ĠU C 156, 9.7.2009, p. 3)), u darba oħra (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prolongazzjoni tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar ta' Impriżi f'Diffikultà tal-1 ta' Ottubru 2004 – (ĠU C 296, 2.10.2012, p. 3)), sakemm imbagħad ġew sostiwiti b'regoli ġodda li bdew japplikaw mill-1 ta' Awwissu 2014 (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà – (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1)).

(33)  Ara l-premessa 44.

(34)  Ara għajnuna mill-Istat SA.36009 – Franza, għajnuna għall-waqfien tal-attività tal-ħalib.