8.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/340

tas-6 ta' Marzu 2018

li tistabbilixxi l-lista ta' proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu;

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta' Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta' Stati Membri parteċipanti (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana,

Billi:

(1)

Fil-11 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315.

(2)

L-Artikolu 4(2)(e) ta' dik id-Deċiżjoni tipprevedi li l-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni jew rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-lista ta' proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il- kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO), li jirriflettu kemm l-appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet kif ukoll il-forniment ta' appoġġ sostanzjali skont il-mezzi u l-kapaċitajiet għal operazzjonijiet u missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni.

(3)

Fil-11 ta' Diċembru 2017, l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-PESCO adottaw dikjarazzjoni li tidentifika lista inizjali ta' 17-il proġett li għandhom jitwettqu taħt il-PESCO, ibbażata fuq proposti ta' proġetti li kienu ġew ippreżentati. Dik id-dikjarazzjoni ġiet adottata bil-ħsieb ta' deċiżjoni formali li għandha tittieħed mill-Kunsill kmieni fl-2018 f'konformità mal-Artikolu 46(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315.

(4)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-lista tal-membri ta' proġett ta' kull proġett individwali għandha tinhemeż mad-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(2)(e).

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, l-implimentazzjoni tal-proġetti kollha tal-PESCO ser tkun ibbażata fuq is-sett komuni ta' regoli ta' governanza għall-proġetti, inkluż inter alia regoli dwar ir-rwol ta' osservaturi jekk xieraq, li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 4(2)(f) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, u li l-Istati Membri parteċipanti li jieħdu sehem fi proġett individwali jistgħu jadottaw kif neċessarju għal dak il-proġett.

(6)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-lista ta' proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proġetti li ġejjin għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO:

1.

Kmand Mediku Ewropew;

2.

Radju definit b'Software Sigur Ewropew (ESSOR);

3.

Netwerk ta' Ċentri Loġistiċi fl-Ewropa u Appoġġ għall-Operazzjonijiet;

4.

Mobbiltà Militari;

5.

Ċentru ta' Kompetenza għall-Missjoni ta' Taħriġ tal-Unjoni Ewropea (EUTM CC);

6.

Ċentru Ewropew ta' Ċertifikazzjoni tat-Taħriġ għall-Armati Ewropej;

7.

Funzjoni Operazzjonali tal-Enerġija (EOF);

8.

Pakkett dwar il-Kapaċità Militari li tista' tiġi Skjerata għal Għajnuna f'Każ ta' Diżastru;

9.

Sistemi Marittimi (semi) Awtonomi għal Kontromiżuri kontra l-Mini (MAS MCM);

10.

Sorveljanza u Protezzjoni tal-Port u Marittima (HARMSPRO);

11.

Titjib tas-Sorveljanza Marittima;

12.

Pjattaforma għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni dwar it-Theddid Ċibernetiku u r-Rispons għall-Inċidenti;

13.

Timijiet ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku u Assistenza Reċiproka fis-Sigurtà Ċibernetika;

14.

Sistema Strateġika ta' Kmand u Kontroll (C2) għall-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet tal-PSDK;

15.

Vettura Armata għall-Ġlied tal-Infanterija/Vettura Amfibja tal-Attakk/Vettura Ħafifa Armata;

16.

Appoġġ Indirett tal-Artillerija (EuroArtillery);

17.

Grupp Ristrett li Jħaddem ir-Rispons għall-Kriżijiet tal-EUFOR (EUFOR CROC).

Artikolu 2

Il-lista tal-membri tal-proġett ta' kull proġett individwali għandha tkun kif indikat fl-Anness.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Marzu 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.


ANNESS

Lista ta' membri tal-proġett għal kull proġett individwali

Proġett

Membri tal-proġett

1.

Kmand Mediku Ewropew

Il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, Franza, l-Italja, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Iżvezja

2.

Radju definit b'Software Sigur Ewropew (ESSOR)

Franza, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, il-Finlandja

3.

Netwerk ta' Ċentri Loġistiċi fl-Ewropa u appoġġ għall-Operazzjonijiet

Il-Ġermanja, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, in-Netherlands, is-Slovenja, is-Slovakkja

4.

Mobbiltà Militari

In-Netherlands, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja

5.

Ċentru ta' Kompetenza għall-Missjoni ta' Taħriġ tal-Unjoni Ewropea (EUTM CC)

Il-Ġermanja, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, ir-Rumanija, l-Iżvezja

6.

Ċentru Ewropew ta' Ċertifikazzjoni tat-Taħriġ għall-Armati Ewropej

L-Italja, il-Greċja

7.

Funzjoni Operazzjonali tal-Enerġija (EOF)

Franza, il-Belġju, Spanja, l-Italja

8.

Pakkett dwar il-Kapaċità Militari li tista' tiġi Skjerata għal Għajnuna f'Każ ta' Diżastru

L-Italja, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Awstrija

9.

Sistemi Marittimi (semi) Awtonomi għal Kontromiżuri kontra l-Mini (MAS MCM)

Il-Belġju, il-Greċja, il-Latvja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija

10.

Sorveljanza u Protezzjoni tal-Port u Marittima (HARMSPRO)

L-Italja, il-Greċja, Spanja, il-Portugall

11.

Titjib tas-Sorveljanza Marittima

Il-Greċja, il-Bulgarija, l-Irlanda, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru

12.

Pjattaforma għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni dwar it-Theddid Ċibernetiku u r-Rispons għall-Inċidenti

Il-Greċja, Spanja, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Portugall

13.

Timijiet ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku u Assistenza Reċiproka fis-Sigurtà Ċibernetika

Il-Litwanja Spanja, Franza, il-Kroazja, in-Netherlands, ir-Rumanija, il-Finlandja

14.

Sistema Strateġika ta' Kmand u Kontroll (C2) għall-Missjonijiet u l-Operazzjonijiet tal-PSDK

Spanja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Portugall

15.

Vettura Armata għall-Ġlied tal-Infanterija/Vettura Amfibja tal-Attakk/Vettura Ħafifa Armata

L-Italja, il-Greċja, is-Slovakkja

16.

Appoġġ Indirett tal-Artillerija (EuroArtillery)

Is-Slovakkja, l-Italja

17.

Grupp Ristrett li Jħaddem ir-Rispons għall-Kriżijiet tal-EUFOR (EUFOR CROC)

Il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru