16.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 100/7 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-14 ta’ Marzu 2018
dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ applikazzjoni għal emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal denominazzjoni fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Chianti Classico (DOP))
(2018/C 100/09)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 97(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Italja bagħtet applikazzjoni għal emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjoni “Chianti Classico” skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
(2) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni u kkonkludiet li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 93 sa 96, fl-Artikolu 97(1) u fl-Artikoli 100, 101 u 102 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ġew issodisfati. |
(3) |
Sabiex tippermetti l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-applikazzjoni għal emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjoni “Chianti Classico” jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu uniku
L-applikazzjoni għal emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjoni “Chianti Classico” (DOP) skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għall-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2018.
Għall-Kummissjoni
Phil HOGAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
ANNESS
“CHIANTI CLASSICO”
PDO-IT-A1235-AM02
Data tal-applikazzjoni: 24.12.2015
TALBA GĦAL EMENDA FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT
1. Regoli applikabbli għall-emenda
L-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Emenda mhux minuri
2. Deskrizzjoni u raġunijiet għall-emenda
2.1. Emenda fl-Artikolu 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
Din l-emenda tipproponi li l-inbid Chianti Classico jista’ jinbiegħ biss ladarba tkun inkisbet iċ-ċertifikazzjoni mingħand il-korp ta’ kontroll rilevanti. Jinħass li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott se tipprovdi aktar assigurazzjoni tal-kwalità tal-prodott li wara l-emenda jkun jista’ jiġi ttrasferit mill-kantina tal-produzzjoni għal skopijiet kummerċjali biss jekk tkun ġiet ipprovduta ċ-ċertifikazzjoni. Għalhekk l-emenda hija maħsuba biex iżżid il-kwalità medja tal-Chianti Classico u biex timmassimizza l-awtentiċità u n-natura tipika tal-prodott.
Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
2.2. Emenda fl-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
L-emenda fl-Artikolu 5 tintroduċi tip ġdid ta’ prodott Chianti Classico, u tikkwalifikah bil-kliem “Gran Selezione”, li jindikaw il-metodi tekniċi tal-produzzjoni użati. L-intenzjoni hija li jinkiseb tip ta’ prodott li jista’ jitqiegħed fil-quċċata ta’ “piramida ta’ kwalità” ġdida għall-Chianti Classico. L-inbid Chianti Classico “Gran Selezione” għandu karatteristiċi kimiċi, fiżiċi u organolettiċi speċifiċi, aktar restrittivi minn dawk tal-inbejjed Chianti Classico ta’ annata ta’ kwalità jew ta’ “Riserva”, u huwa bbottiljat biss mill-produttur, li għalhekk irid jagħżel l-aħjar inbid Chianti Classico tiegħu.
Din l-emenda tidher fid-Dokument Uniku:
— |
fil-punt 4 “Deskrizzjoni tal-inbid/tal-inbejjed” taħt it-titlu “Chianti Classico Gran Selezione”; |
— |
fil-punt 5 “Metodi tal-produzzjoni tal-inbid” taħt it-titlu “Metodi enoloġiċi essenzjali”; |
— |
fil-punt 9 “Kundizzjonijiet essenzjali oħra” taħt it-titlu “Chianti Classico Gran Selezione”. |
2.3. Emenda fl-Artikolu 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
Ir-rekwiżiti organolettiċi għall-Chianti Classico ġew emendati ftit u, mill-perspettiva kimika, il-limitu minimu tal-estratt mingħajr zokkor żdied. Fis-snin reċenti, ukoll minħabba l-użu ta’ kloni ġodda tas-Sangiovese, l-inbejjed Chianti Classico ta’ annata ta’ kwalità u ta’ “Riserva” saru aktar strutturati u żdied l-estratt minimu mingħajr zokkor, minħabba li kważi qatt ma jkun inqas mil-limiti l-ġodda stabbiliti (24 g/l għall-annata ta’ kwalità u 25 g/l għar-Riserva). Fl-aħħar nett, huwa propost li għall-Chianti Classico Gran Selezione, l-estratt għandu jkun ta’ 26 g/l fuq il-bażi tal-fatt li din il-kategorija tinkludi nbejjed li jkunu tħallew jimmaturaw għal żmien twil u li għalhekk huma aktar qawwija.
Għall-Chianti Classico Riserva, l-emendi fihom proposta biex din il-produzzjoni tiġi standardizzata kemm jista’ jkun.
Din l-emenda tidher fid-Dokument Uniku:
— |
fil-punt 4 “Deskrizzjoni tal-inbid/tal-inbejjed” taħt it-titli “Chianti Classico”, “Chianti Classico Riserva” u “Chianti Classico Gran Selezione”. |
2.4. Emenda fl-Artikolu 7 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
L-emendi fl-Artikolu 7 jikkonċernaw biss il-logo figurattiv “Gallo Nero” (Serduq Iswed). Skont l-Artikolu 17(7) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 61/2010, il-karatteristika distintiva tal-“Chianti Classico” hija l-immaġni ta’ serduq iswed li, mill-2005, trid tidher fuq il-fliexken kollha tal-inbid Chianti Classico DOCG. Fl-emenda proposta għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, l-istil u l-kulur tal-immaġni tas-serduq iswed tbiddlu ftit; għalhekk din il-verżjoni l-ġdida ssostitwiet il-logo li kien jintuża qabel.
Il-logo figurattiv u l-kliem “Gallo Nero” ma jistgħu, fi kwalunkwe każ, qatt jissostitwixxu l-isem tad-DOP “Chianti Classico”. Il-marka inkwistjoni hija biss karatteristika addizzjonali li trid tidher fuq il-fliexken tal-inbid Chianti Classico DOP.
Din l-emenda tidher fid-Dokument Uniku:
— |
fil-punt 9 “Kundizzjonijiet essenzjali oħra” taħt it-titli “Chianti Classico”, “Chianti Classico Riserva” u “Chianti Classico Gran Selezione” (element finali). |
2.5. Emenda fl-Artikolu 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
Il-Konsorzju li qed jipproponi l-emenda ddeċieda li jipprojbixxi l-użu tal-flixkun tipiku tat-Toskana li jissejjaħ “fiasco” għall-Chianti Classico Riserva u għall-Chianti Classico Gran Selezione, skont l-emendi proposti mfassla biex jiżdiedu l-kwalità tal-prodott u l-pożizzjoni għolja tiegħu fis-suq.
Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.
DOKUMENT UNIKU
1. Denominazzjoni reġistrata
Chianti Classico
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
1. |
Inbid |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/tal-inbejjed
Chianti Classico
— Kulur: lewn ir-rubini, b’intensità differenti;
— Aroma: intensa, ta’ fjuri, karatteristika;
— Togħma: xotta, friska, bnina, kemxejn tannika li timmatura biż-żmien;
— Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,0 %;
— Estratt minimu mingħajr zokkor: 24,0 g/l.
Karatteristiċi analitiċi ġenerali
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika reali minima (f’% tal-volum) |
|
Aċidità totali minima |
4,5 grammi għal kull litru espressa bħala aċidu tartariku |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
20 |
Total ta’ diossidu tal-kubrit massimu (f’milligrammi għal kull litru) |
|
Chianti Classico Riserva
— Kulur: lewn ir-rubini intens, li għandu tendenza jixbah lewn il-granata maż-żmien;
— Aroma: intensa, tal-frott u dejjiema;
— Togħma: xotta, ibbilanċjata sew u tannika ħafna;
— Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,5 %;
— Estratt minimu mingħajr zokkor: 25,0 g/l.
Karatteristiċi analitiċi ġenerali
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika reali minima (f’% tal-volum) |
|
Aċidità totali minima |
4,5 grammi għal kull litru espressa bħala aċidu tartariku |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
20 |
Total ta’ diossidu tal-kubrit massimu (f’milligrammi għal kull litru) |
|
Chianti Classico Gran Selezione
— Kulur: lewn ir-rubini intens, li għandu tendenza jixbah lewn il-granata maż-żmien;
— Aroma: ta’ ħwawar u dejjiema;
— Togħma: xotta, dejjiema u bbilanċjata;
— Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 13,0 % vol.;
— Estratt minimu mingħajr zokkor: 26,0 g/l.
Karatteristiċi analitiċi ġenerali
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
Qawwa alkoħolika reali minima (f’% tal-volum) |
|
Aċidità totali minima |
4,5 grammi għal kull litru espressa bħala aċidu tartariku |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
20 |
Total ta’ diossidu tal-kubrit massimu (f’milligrammi għal kull litru) |
130 |
Għall-inbejjed kollha kkonċernati, il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea rilevanti.
5. Metodi tal-produzzjoni tal-inbid
a. Metodi enoloġiċi essenzjali
Metodu enoloġiku speċifiku
Chianti Classico Gran Selezione
Il-Chianti Classico Gran Selezione jista’ jinkiseb biss mill-għeneb prodott mill-vinji mħaddma mill-kumpanija tal-ibbottiljar.
b. Rendimenti massimi
Chianti Classico, Chianti Classico Riserva u Chianti Classico Gran Selezione:
52,5 ettolitru għal kull ettaru
Chianti Classico, Chianti Classico Riserva u Chianti Classico Gran Selezione:
7 500 kg ta’ għeneb għal kull ettaru
6. Żona ddefinita
Iż-żona tal-produzzjoni tal-inbejjed Chianti Classico (inklużi l-varjetajiet “Riserva” u “Gran Selezione”) tinsab fiċ-ċentru tar-Reġjun tat-Toskana, fit-territorju tal-provinċji ta’ Firenze u ta’ Siena. Il-konfini tagħha ġew iddefiniti mid-Digriet Interministerjali tal-31 ta’ Lulju 1932.
Deskrizzjoni:
Nibdew billi niddeskrivu l-konfini tal-parti ta’ din iż-żona li tinsab fil-provinċja ta’ Siena u li tibda fil-punt fejn il-konfini bejn il-provinċji ta’ Siena u ta’ Arezzo jaqsmu l-wied ta’ Borro Ambrella della Vena ħdejn Pancole fil-muniċipalità ta’ Castelnuovo Berardenga.
Minn dak il-punt, il-konfini jsegwu x-xmara Ambra u wieħed mit-tributarji tiegħu, li m’għandux isem, sar-razzett ta’ Ciarpella, imbagħad isegwu l-mogħdija għall-bgħula li twassal għar-razzett ta’ Casa al Frate. Minn hemm, isegwu linja virtwali sa Ombrone (f’altitudni ta’ 298 metru).
Imbagħad isegwu l-mogħdija għall-bgħula u jinżlu sa altitudni ta’ 257 metru, fejn jilħqu triq imħarbta li twassal għat-triq lejn Castelnuovo Berardenga. Dik it-triq titla’ sa għoli ta’ 354 metru u mbagħad issegwi l-ħondoq ta’ Malena Morta sal-konfluwenza tiegħu mal-wied ta’ Borro Spugnaccio. Il-konfini jkomplu tul il-ħondoq ta’ Malena Morta sa Pialli (f’altitudni ta’ 227 metru) u mbagħad isegwu l-wied ta’ Malena Viva għal medda qasira qabel ma jkomplu tul linja virtwali lejn Santa Luċija (f’altitudni ta’ bejn 252 u 265 metru) u x-xmara Arbia. Meta jaslu sax-xmara, il-konfini jsegwuha ’l fuq tul il-konfini amministrattivi bejn il-muniċipalitajiet ta’ Siena u Castelnuovo Berardenga.
Il-konfini taż-żona tal-produzzjoni jkomplu tul il-fruntieri amministrattivi ta’ Siena, Castelnuovo Berardenga, Castellina, Monteriggioni u Poggibonsi sakemm, fil-wied ta’ Borro di Granaio, jaslu sal-konfini tal-provinċja ta’ Firenze, u jibqgħu jsegwuhom sar-razzett ta’ Le Valli. Imbagħad, isegwu t-triq muniċipali, u jgħaddu minn ħdejn in-nixxigħat ta’ San Giorgio u ta’ Cinciano u jkomplu tul dik il-linja sakemm jerġgħu jiltaqgħu mal-konfini provinċjali, li hija wkoll il-konfini bejn Poggibonsi u Barberino. Imbagħad isegwu x-xmara Drove sakemm jidħlu fil-provinċja ta’ Firenze. Id-deskrizzjoni tal-konfini tal-parti ta’ din iż-żona li tinsab fil-provinċja ta’ Firenze: L-ewwel, il-konfini jsegwu x-xmara Drove sa Mulino della Chiara, fejn jilħqu l-fruntieri amministrattivi bejn il-muniċipalitajiet ta’ Tavarnelle u Barberino, u jswegwuhom għal distanza qasira. Imbagħad iduru lejn il-Lvant tul xmajra żgħira oħra, u jgħaddu minn ħdejn Biricucci u Belvedere qabel ma jilħqu, eżatt wara, it-triq ta’ San Donato-Tavarnelle. Isegwu dik it-triq lejn il-Marokk u mbagħad ikomplu tul linja virtwali li tgħaddi minn Figlinella u tilħaq Sambuca u x-xmara Pesa. Ikomplu jsegwu x-xmara u l-ewwel jilħqu l-konfini amministrattivi bejn il-muniċipalitajiet ta’ San Casciano Val di Pesa u Tavarnelle u mbagħad jerġgħu lura lejn ix-xmara wara Ponte Rotto. Minn dan il-punt, il-konfini taż-żona jikkoinċidu mal-konfini amministrattivi tal-muniċipalitajiet ta’ San Casciano u Greve. Il-konfini taż-żona tal-produzzjoni tal-Chianti Classico mbagħad jerġgħu jidħlu fil-provinċja ta’ Siena u jsegwu l-konfini amministrattivi tal-muniċipalitajiet ta’ Radda fi Chianti u ta’ Gaiole u, għal distanza qasira, dik ta’ Castelnuovo Berardenga qabel ma jilħqu l-punt tat-tluq tad-deskrizzjoni ta’ din iż-żona.
7. L-għeneb tal-inbid ewlieni
Sangiovese N. - Sangioveto
8. Deskrizzjoni tar-rabta/tar-rabtiet
Chianti Classico, Chianti Classico Riserva u Chianti Classico Gran Selezione
Morfoloġikament iż-żona hija żona ta’ għoljiet ta’ bejn 200 m u 600 m ‘l fuq mil-livell tal-baħar, li l-inklinazzjonijiet tagħhom mhumiex twal iżda xi kultant huma wieqfa. Ġeoloġikament ir-reġjun huwa magħmul minn kisja ta’ shale (galestro) b’żoni ta’ qxur tat-tafal b’ġebel ramli fin li jkun fih ħafna ġir u ħamrija albarese. Il-ħamrija hija ġeneralment baxxa, reċenti u tvarja minn ramlija u taflija għal ċagħkija b’perċentwali medji ta’ tafal; kimikament hija kkaratterizzata minn livelli baxxi ta’ materja organika, preżenza mnaqqsa ta’ fosforu assimilabbli u numru kbir ta’ katjoni skambjabbli. It-terren bl-għoljiet joħloq xmajriet torrenzjali u jikkawża diffikultajiet konsiderevoli biex jiġu kkontrollati l-ilmijiet, inkluż b’rabta ma’ tendenzi speċifiċi tax-xita. Iż-żona għandha klima kontinentali: it-temperaturi fix-xitwa jistgħu jkunu baxxi ħafna u s-sjuf huma nexfin. Il-medda tat-temperatura ta’ kuljum hija moderata u kull sena tagħmel madwar 850 mm xita.
It-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-inbid fit-territorju hija waħda antika ħafna, b’rekords minn żmien ir-Rumani u l-Etruski marbuta mad-dinja tal-inbid. Żoni kbar kienu ddedikati għall-kultivazzjoni tad-dwieli minn tmiem il-Medju Evu. Din il-kultivazzjoni saret finanzjarjament sinifikanti u kisbet reputazzjoni internazzjonali. L-inbid prodott ilu jissemma f’dokumenti storiċi sa mill-1200 u l-ewwel att notarili li fih jidher l-isem Chianti b’referenza għall-inbid prodott f’din iż-żona jmur lura għall-1398. Iż-żona tal-Chianti Classico kienet l-ewwel żona tal-produzzjoni tal-inbid fid-dinja li ġiet iddefinita, u dan sar fi proklamazzjoni tal-1716 ta’ Cosimo III, il-Gran Duka tat-Toskana; din speċifikat il-konfini taż-żona li fiha setgħu jiġu prodotti l-inbejjed Chianti. L-inbid Chianti kien prodott bl-użu tal-varjetà tal-għeneb Sangiovese biss. Bejn l-1834 u l-1837, il-Baruni Bettino Ricasoli, politiku Taljan li kien il-Prim Ministru Taljan fl-1861, ippubblika l-aktar kompożizzjoni xierqa biex jinkiseb inbid aħmar semifrizzanti pjaċevoli, li aktar tard saret il-bażi għall-kompożizzjoni uffiċjali tal-inbid Chianti: 70 % Sangiovese, 15 % Canaiolo, 15 % Malvasia; u l-applikazzjoni tat-teknika “Governo all’uso Toscano”.
Peress li l-produzzjoni fiż-żona ma setgħetx tlaħħaq mad-domanda dejjem tikber għal dan il-prodott, iż-żoni fil-viċinat bdew jipproduċu l-inbid ukoll bl-użu tal-istess sistemi u tal-istess taħlitiet ta’ għeneb bħal dawk taż-żona ta’ Chianti. Għalhekk, fl-1924, 33 produttur waqqfu l-konsorzju biex jipproteġu l-inbid Chianti u l-marka tal-oriġini tiegħu, u, fl-1932, ħareġ digriet li ta lill-inbid mill-aktar żona antika tal-produzzjoni tal-Chianti d-dritt li juża t-tikketta “Classico” bħala nbid prodott fiż-żona storika. Fl-1996, wara proċedura li damet 70 sena, il-Chianti Classico ġie rrikonoxxut bħala nbid indipendenti mill-Chianti standard u ngħata l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiegħu stess.
Il-produtturi ta’ dan l-inbid dejjem ippreferew li jużaw il-varjetà tad-dielja oriġinali Sangiovese, u qed ikomplu jużaw tekniki tat-tkabbir li ma jaffettwawx il-karatteristiċi partikolari tal-għeneb.
Il-metodi tradizzjonali ta’ tkabbir tad-dwieli huma s-sistema “archetto toscano” (bħall-Guyot) u z-żbir fuq il-wires jew l-ispallieri (cordone speronato). Ir-rendiment tal-għeneb u tal-inbid għal kull ettaru ġew iffissati wkoll, u huma ta’ 7,5 tunnellati ta’ għeneb jew ta’ 52,50 hl ta’ inbid; dawn huma l-aktar baxxi fl-Italja. L-inbid ta’ annata ta’ kwalità ma jistax jiġi rilaxxat għall-konsum qabel l-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara l-ħsad.
Il-kombinazzjoni ta’ fatturi naturali u umani tagħti lill-inbid Chianti Classico togħma ta’ frott, matura, xotta, mimlija u bnina, kulur aħmar skur, struttura tajba, qawwa alkoħolika ta’ mhux inqas minn 12 % u aċidità moderata.
Il-varjetà ta’ għeneb ewlenija fl-inbid Chianti Classico, Sangiovese, hija sensittiva għall-fatturi esterni u għandha l-kwalità distintiva li tista’ tinterpreta l-karatteristiċi tal-ħamrija u tadatta ruħha għall-post fejn tikber. Mhijiex koinċidenza li l-għeneb tas-Sangiovese għandu l-aħjar prestazzjoni biss fi ftit żoni tat-Toskana. Karatteristika organolettika li tikkaratterizza l-Chianti Classico hija r-riħa ta’ fjuri tal-iris u l-vjoletta tipika tal-ħamrija ramlija ta’ din iż-żona, b’aroma ta’ frott żgħir salvaġġ li ġejja mill-kontenut ta’ ġir.
Il-klima, it-terren mimli għoljiet u l-morfoloġija tal-art joħolqu ambjent mimli dawl u għalhekk huwa ideali biex l-għeneb jimmatura sew. It-temperaturi għolja tas-sajf, ħafna xemx sa Settembru u Ottubru u l-medda tat-temperatura ta’ kuljum pjuttost għolja jippermettu lill-għeneb jimmatura bil-mod u joħolqu l-karatteristiċi organolettiċi u kimiċi tipiċi tal-Chianti Classico, b’mod partikolari l-kulur, ir-riħa u l-kontenut tal-alkoħol tiegħu. Ir-rendiment baxx ta’ għeneb għal kull ettaru jaffettwa lill-għeneb billi joħloq livelli ta’ zokkor li huma kompatibbli ma’ qawwa alkoħolika ta’ mhux inqas minn 12 °. Ilt-metodi ta’ produzzjoni tal-inbid jistgħu jkunu differenti għal varjetajiet diversi ta’ dwieli; normalment dawn jiġu pproċessati f’inbid b’mod separat sabiex il-karatteristiċi organolettiċi tagħhom ikunu espressi bis-sħiħ.
L-istorja ta’ dan it-territorju turi l-professjonalità tal-produtturi tal-Chianti li tippermetti li jinżammu r-reputazzjoni u l-istorja tal-Chianti Classico tul iż-żmien.
9. Kundizzjonijiet essenzjali oħra
Chianti Classico, Chianti Classico Riserva u Chianti Classico Gran Selezione
Qafas ġuridiku:
Il-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ kundizzjoni oħra:
L-ibbottiljar fiż-żona ddefinita
Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:
Id-dispożizzjonijiet dwar l-ibbottiljar fiż-żona ddefinita ġew stabbiliti f’konformità mal-liġi tal-UE (l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 607/2009) u mal-liġi nazzjonali (l-Artikolu 10(3) u (4) tad-Digriet-Liġi Nru 61 tat-8 ta’ April 2010, issa l-Artikolu 35(3) u (4) tal-Liġi Nru 238/2016). Skont il-leġiżlazzjoni ta’ hawn fuq, bl-eċċezzjoni ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi diġà eżistenti msemmija fl-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, l-ibbottiljar irid iseħħ fiż-żona ġeografika ddefinita sabiex jiġu ssalvagwardjati l-kwalità u r-reputazzjoni tal-Chianti Classico, tiġi ggarantita l-oriġini tiegħu u tiġi żgurata l-effettività tal-verifiki rilevanti. Il-karatteristiċi u l-kwalitajiet partikolari tal-inbid Chianti Classico, li huma marbuta maż-żona ġeografika ta’ oriġini u mar-reputazzjoni tad-denominazzjoni, huma ggarantiti aħjar jekk l-inbid jiġi bbottiljat fiż-żona tal-produzzjoni, minħabba li l-applikazzjoni tar-regoli tekniċi kollha dwar it-trasport u l-ibbottiljar u l-konformità magħhom huma fdati f’idejn azjendi fiż-żona li għandhom l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa kif ukoll interess li jżommu r-reputazzjoni miksuba. Barra minn hekk, ir-rekwiżit jiżgura li l-produtturi tal-inbid ikunu soġġetti għal sistema effiċjenti ta’ verifiki tal-ibbottiljar mill-korpi kompetenti, minħabba li r-riskji potenzjali kollha relatati mat-trasport tal-prodott ’il barra miż-żona għall-ibbottiljar huma evitati. Għalhekk minn din id-dispożizzjoni jibbenefikaw il-produtturi tal-inbid infushom li huma attenti u responsabbli għas-salvagwardja tal-kwalità u tar-reputazzjoni tad-denominazzjoni.
Chianti Classico Gran Selezione
Qafas ġuridiku:
Il-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ kundizzjoni oħra:
Dispożizzjonijiet oħra dwar it-tikkettar
Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:
Skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (KE) Nru 607/2009, l-inbejjed ikkummerċjalizzati fil-Komunità jista’ jkollhom indikazzjonijiet li jirreferu għal ċerti metodi ta’ produzzjoni fuq it-tikketta tagħhom. It-tip “Gran Selezione” jintuża biex jiddeskrivi nbejjed li jsiru permezz ta’ metodi tal-produzzjoni tal-għeneb u tal-ipproċessar tal-inbid restrittivi. B’mod speċifiku, l-inbejjed jistgħu jinkisbu biss mill-għeneb prodott mill-vinji mħaddma mill-kumpanija tal-ibbottiljar; huma ma jistgħux jiġu arrikkiti bi prodotti esterni u jrid ikollhom karatteristiċi kimiċi/fiżiċi u organolettiċi superjuri minn dawk tat-tip “Riserva”. Fil-qosor, l-intenzjoni kienet li jiġi żgurat li l-produzzjoni tal-għeneb u l-ibbottiljar jitwettqu mill-istess azjenda, mingħajr ma jiġu miżjuda restrizzjonijiet oħra fuq iż-żona tal-ibbottiljar meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti u ġġustifikati għad-denominazzjoni kollha kemm hi. Il-“Gran Selezione” huwa l-aħjar inbid mit-tipi kollha tal-inbejjed tal-Chianti Classico u jinkiseb permezz tal-għażla bir-reqqa tal-aħjar vinji u tal-aħjar għeneb mill-produtturi tal-inbid taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess. Il-kundizzjoni addizzjonali tar-rekwiżit li l-produtturi tal-inbid “Gran Selezione” jibbottiljaw l-inbid huma stess tiġi mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-kisba tal-karatteristiċi speċifiċi kollha ta’ prodott li huwa partikolarment kumpless u uniku. Għalhekk huwa neċessarju, aktar u aktar għal dan it-tip milli għall-Chianti Classico standard, li l-istadji tal-produzzjoni, tal-vinifikazzjoni u tal-ibbottiljar jitwettqu minn entità waħda sabiex ir-responsabbiltà tal-kwalità tal-prodott tkun ta’ operatur wieħed biss.
Chianti Classico, Chianti Classico Riserva u Chianti Classico Gran Selezione
Qafas ġuridiku:
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ kundizzjoni oħra:
Dispożizzjonijiet oħra dwar it-tikkettar
Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:
Skont l-Artikolu 17(7) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 61/2010, li issa sar l-Artikolu 41(9) tal-Liġi Nru 238/2016, il-karatteristika distintiva tal-“Chianti Classico” hija l-immaġni ta’ serduq iswed li, mill-2005, trid tidher fuq il-fliexken kollha tal-inbid Chianti Classico DOCG.
Il-logo figurattiv u l-kliem “Gallo Nero” ma jistgħu, fi kwalunkwe każ, qatt jissostitwixxu l-isem tad-DOP “Chianti Classico”. Il-marka inkwistjoni hija biss karatteristika addizzjonali li trid tidher fuq il-fliexken tal-inbid Chianti Classico DOP.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/8292