28.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 56/60


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/300

tal-11 ta' Jannar 2018

dwar il-konformità tal-proposta konġunta sottomessa mill-Istati Membri fir-rigward tal-estensjoni tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija tal-Atlantiku mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2018) 51)

(It-testi bil-bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Ispanjol u bil-Portugiż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, il-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fil-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Portugall bagħtu ittra ta' intenzjoni lill-Kummissjoni li waslet fis-6 ta' Marzu 2017. L-ittra inkludiet proposta għal estensjoni tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija tal-Atlantiku sat-terminal ta' Volongo, Zaragoza, La Rochelle u Nantes St Nazaire.

(2)

Il-Kummissjoni eżaminat din il-proposta skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament. Tikkunsidra bħala konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament għar-raġunijiet stipulati hawn taħt.

(3)

Il-proposta tqis il-kriterji stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament. L-estensjonijiet tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija jikkonċernaw it-territorju ta' tliet Stati Membri (Spanja, Franza u l-Portugall), filwaqt li l-għadd totali tal-Istati Membri parteċipanti fil-kuritur jibqa erbgħa. Il-konnessjonijiet il-ġodda se jtebju l-integrazzjoni tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija ma' modi oħra ta' trasport. L-estensjonijiet se joħolqu konnessjoni ġdida mal-kuritur ferrovjajru tal-merkanzija tal-Mediterran f'Zaragoza; b'hekk qed tiġi żgurata l-konsistenza taż-żewġ kurituri ferrovjarji tal-merkanzija, kif ukoll ma' TEN-T. L-estensjonijiet huma konformi man-netwerk TEN-T għaliex dawk li sejrin Zaragoza u Nantes St Nazaire jinsabu fuq in-netwerk prinċipali, l-estensjoni għal La Rochelle hija parti min-netwerk komprensiv u l-estensjoni sat-Terminal ta' Volongo tinsab fiż-żona prinċipali tan-nodu ewlieni ta' TEN-T ta' Porto.

(4)

Ir-riżultati tal-istudju tas-suq ta' trasport imwettaq mill-Bord ta' Ġestjoni tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija juri li l-estensjonijiet huma mistennija li jwasslu għal volumi addizzjonali ta' trasport ferrovjarju internazzjonali matul il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija tal-Atlantiku u għal żieda stabbli fis-sehem modali tal-linji ferrovjarji. Din il-bidla modali se tipprovdi benefiċċji soċjoekonomiċi sinifikanti billi tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju u l-konġestjoni tat-toroq. Ir-rabta mal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija tal-Mediterran f'Zaragoza se żżid il-komunitajiet awtonomi ta' Aragón u Navarra maż-żona tal-qbid tal-kuritur. L-istudju tas-suq stima li l-estensjonijiet se jkunu qed jgħinu fl-iżvilupp tat-traffiku tal-merkanzija ferrovjarja billi jżidu s-sehem modali tal-merkanzija ferrovjarja bejn il-Portugall u t-tliet komunitajiet awtonomi Spanjoli ta' Madrid, Navarra u Aragón b'60 % fl-2050 minn 28 % fl-2010. Dan ikun fil-kuntest taż-żieda stmata ta' sitt darbiet fit-total ta' tunnellati ta' merkanzija ferrovjarja mċaqalqa. B'mod simili, ir-rabtiet mal-portijiet u mat-terminali f'Nantes St. Nazaire, la Rochelle u Valongo se jsaħħu l-kuritur billi jiffaċilitaw vjaġġi multimodali u jżiedu d-domanda fuq il-kuritur, u b'hekk jiżviluppaw il-kompetittività tal-merkanzija ferrovjarja Ewropea.

(5)

F'konformità mal-ittra ta' intenzjoni, kemm il-Bord ta' Ġestjoni kif ukoll l-applikanti ġew ikkonsultati u esprimew l-appoġġ tagħhom għal dawn l-estensjonijiet.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proposta espressa fl-ittra ta' intenzjoni li waslet fis-6 ta' Marzu 2017 fir-rigward tal-estensjonijiet tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija tal-Atlantiku sat-terminal ta' Volngo, La Rochelle u Nantes St Nazaire, mibgħuta lill-Kummissjoni mill-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fil-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Portugall hija konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Renju ta' Spanja, lir-Repubblika Franċiża u lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Jannar 2018

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.