27.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/50


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/293

tas-26 ta' Frar 2018

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' Mejju 2016 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849.

(2)

Fit-22 ta' Diċembru 2017 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta r-Riżoluzzjoni 2397 (2017), li tesprimi t-tħassib l-aktar serju għall-isparar ta' missila ballistika mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (“RDPK”) fit-28 ta' Novembru 2017 bi ksur tar-riżoluzzjonijiet eżistenti tal-KSNU u l-periklu li dan joħloq għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun u lil hinn minnu, u ddetermina li għad hemm theddida ċara għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

(3)

Il-KSNU rrikonoxxa li r-rikavat mill-kummerċ tar-RDPK fi prodotti settorjali kif ukoll l-introjtu ġġenerat mill-ħaddiema tar-RDPK barra mill-pajjiż, fost oħrajn, jikkontribwixxu għall-programmi tal-armi nukleari u l-missili ballistiċi tar-RDPK, u esprima tħassib serju għall-fatt li dawk il-programmi kienu qed jiddevjaw riżorsi ta' ħtieġa kruċjali għall-poplu tar-RDPK, bi prezz tremend.

(4)

Il-KSNU ddeċieda li jżid il-miżuri restrittivi eżistenti f'għadd ta' setturi, inkluż fir-rigward tal-forniment lir-RDPK ta' żejt mhux maħdum u l-prodotti petrolifiċi raffinati kollha, u daħħal projbizzjonijiet ġodda f'għadd ta' setturi inkluż fir-rigward tal-forniment mir-RDPK ta' ikel u prodotti agrikoli, makkinarju, tagħmir elettriku, materjal tal-art u ġebel, u njam, u projbizzjonijiet fuq il-forniment lir-RDPK ta' kull makkinarju industrijali, vetturi ta' trasport, u ħadid, azzar u metalli oħra.

(5)

Il-KSNU pprovda wkoll setgħat ta' sekwestru, spezzjoni u ffriżar ta' kull vettura li hu maħsub li hija involuta fi ksur tar-riżoluzzjonijiet eżistenti tal-KSNU, u r-rekwiżit tar-ripatrijazzjoni tal-ħaddiema kollha tar-RDPK li huma barra mill-pajjiż, soġġett għad-dritt nazzjonali u internazzjonali applikabbli.

(6)

Jenħtieġ li l-entrati rigward tliet persuni u entità waħda li ġew iddeżinjati mill-KSNU u inklużi fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 jitneħħew mil-lista ta' persuni u l-entitajiet iddeżinjati awtonomament mill-Kunsill indikati fl-Anness II għal dik id-Deċiżjoni.

(7)

Hija neċessarja azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri f'din id-Deċiżjoni.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment dirett jew indirett tal-prodotti petrolifiċi raffinati kollha lejn ir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri, bi transitu fi jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti, inġenji tal-ajru, linji ferrovjarji jew vetturi li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, għandu jkun ipprojbit, irrispettivament minn jekk dawk il-prodotti petrolifiċi raffinati joriġinawx jew le mit-territorji ta' dawk l-Istati Membri.

3.   B'deroga mill-projbizzjoni fil-paragrafu 2, fejn l-ammont ta' prodotti petrolifiċi raffinati, inkluż diżil u pitrolju, fornuti, mibjugħa jew ittrasferiti lejn ir-RDPK ma jaqbiżx 500 000 barmil matul il-perijodu ta' tnax-il xahar li jibda fl-1 ta' Jannar 2018, u għal perijodi ta' tnax-il xahar wara dan, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza, skont il-każ, il-forniment, bejgħ jew trasferiment lejn ir-RDPK ta' prodotti petrolifiċi raffinati fejn l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat li l-forniment, bejgħ jew trasferiment tagħhom ikun esklużivament għal finijiet umanitarji u dment li:

(a)

l-Istat Membru javża lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kull 30 jum bl-ammont ta' tali forniment, bejgħ jew trasferiment ta' prodotti petrolifiċi raffinati lejn ir-RDPK flimkien ma' informazzjoni dwar il-partijiet kollha fit-tranżazzjoni;

(b)

il-forniment, bejgħ jew trasferiment ta' tali prodotti petrolifiċi raffinati ma jinvolvix individwi jew entitajiet assoċjati mal-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tar-RDPK jew ma' attivitajiet oħra pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017), 2375 (2017) jew 2397 (2017), inkluż individwi jew entitajiet iddeżinjati; u

(c)

il-forniment, bejgħ jew trasferiment ta' prodotti petrolifiċi raffinati ma jkollhomx x'jaqsmu mal-ġenerazzjoni ta' introjtu għall-programmi nukleari jew tal-missili ballistiċi tar-RDPK jew ma' attivitajiet oħra pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017), 2375 (2017) jew 2397 (2017).”;

(2)

fl-Artikolu 9a, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-akkwist mir-RDPK, minn ċittadini ta' Stati Membri, jew bl-użu ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, ta' frott tal-baħar, kemm jekk joriġina fit-territorju tar-RDPK kif ukoll jekk le, kif ukoll l-akkwist ta' drittijiet ta' sajd fir-RDPK, għandu jkun ipprojbit.”;

(3)

l-Artikolu 9b huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9b

1.   Il-forniment, bejgħ jew trasferiment dirett jew indirett ta' kull żejt mhux maħdum lejn ir-RDPK minn ċittadini ta' Stati Membri jew mit-territorji ta' Stati Membri jew li jgħaddi minnhom jew bl-użu ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, inġenji tal-ajru, pipelines, linji tal-ferrovija jew vetturi ta' Stati Membri għandu jkun ipprojbit, kemm jekk joriġina fit-territorji tal-Istati Membri kif ukoll jekk le.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika meta Stat Membru jiddetermina li l-forniment, bejgħ jew trasferiment ta' żejt mhux maħdum lejn ir-RDPK ikun esklużivament għal finijiet umanitarji u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun approva dik il-konsenja minn qabel skont il-każ f'konformità mal-paragrafu 4 tal-UNSCR 2397 (2017).

3.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti minn dan l-Artikolu.”;

(4)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 9d

1.   L-akkwist dirett jew indirett mir-RDPK minn ċittadini ta' Stati Membri, jew bl-użu ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri ta' ikel u prodotti agrikoli, makkinarju, tagħmir elettriku, materjal tal-art u ġebel inkluż manjeżit u manjeżja, injam, u bastimenti, kemm jekk joriġina fit-territorju tar-RDPK kif ukoll jekk le, għandu jkun ipprojbit.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni sal-21 ta' Jannar 2018 ta' kuntratti konklużi qabel it-22 ta' Diċembru 2017. Id-dettalji ta' kwalunkwe konsenja għandha tiġi notifikata lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet sal-5 ta' Frar 2018.

3.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti mill-paragrafu 1.

Artikolu 9e

1.   Il-forniment, bejgħ jew trasferiment dirett jew indirett lir-RDPK minn ċittadini ta' Stati Membri jew li jgħaddi mit-territorju ta' Stati Membri jew bl-użu ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, inġenji tal-ajru, pipelines, linji tal-ferrovija jew vetturi tagħhom, ta' kull makkinarju industrijali, vetturi ta' trasport, ħadid, azzar, u metalli oħra għandu jkun ipprojbit, kemm jekk joriġina fit-territorju tagħhom kif ukoll jekk le.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1,il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fejn Stat Membru jiddetermina li l-forniment ta' partijiet ta' rikambju tkun meħtieġa biex jinżamm it-tħaddim sikur ta' inġenji tal-ajru tal-passiġġieri tar-RDPK.

3.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti minn dan l-Artikolu.”;

(5)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw, skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mal-ispezzjonijiet li jsiru skont il-paragrafi 1 sa 3.

L-Istati Membri għandhom jikkooperaw malajr kemm jista' jkun u b'mod xieraq ma' Stat ieħor li jkollu informazzjoni li ġġiegħlu jissuspetta li r-RDPK qed tipprova tforni, tbigħ, tittrasferixxi jew takkwista direttament jew indirettament merkanzija illeċita fejn dak l-Istat jitlob aktar informazzjoni marittima u dwar il-konsenja sabiex, inter alia, jiddetermina jekk l-oġġett, komodità jew prodott inkwistjoni oriġinax fir-RDPK.”;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonfiskaw u jarmu, pereżempju bil-qerda, billi jagħmluhom inoperabbli jew li ma jistgħux jintużaw, jaħżnuhom, jew jittrasferuhom għar-rimi lejn Stat ieħor għajr l-Istat ta' oriġini jew ta' destinazzjoni, oġġetti li l-forniment, bejgħ, trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2371 (2017), 2375 (2017) jew 2397 (2017) li jiġu identifikati fi spezzjonijiet, b'mod li hu konsistenti mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali applikabbli.”;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 18b

1.   L-Istati Membri għandhom jikkonfiskaw, jispezzjonaw u jissekwestraw kwalunkwe bastiment fil-portijiet tagħhom u jistgħu jikkonfiskaw, jispezzjonaw u jissekwestraw kwalunkwe bastiment fl-ilmijiet territorjali tagħhom fejn ikun hemm raġunijiet biżżejjed li jwasslu għall-ħsieb li l-bastiment kien involut f'attivitajiet, jew it-trasport ta' oġġetti, ipprojbiti skont UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017), 2375 (2017) jew 2397 (2017).

2.   Id-dispożizzjonijiet għas-sekwestru ta' bastimenti fil-paragrafu 1 ma jibqgħux japplikaw wara sitt xhur mid-data meta dak il-bastiment ġie ssekwestrat jekk il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddeċiedi, skont il-każ, u fuq it-talba ta' Stat tal-bandiera, li jkunu saru arranġamenti adegwati biex il-bastiment ma jkunx jista' jikkontribwixxi għal ksur futur tal-UNSCRs imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom ineħħu mir-reġistru kwalunkwe bastiment fejn ikun hemm raġunijiet biżżejjed li jwasslu għall-ħsieb li l-bastiment kien involut f'attivitajiet, jew it-trasport ta' oġġetti, ipprojbiti minn UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017), 2375 (2017) jew 2397 (2017).

4.   Il-forniment minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, ta' servizzi ta' klassifikazzjoni lil bastimenti elenkati fl-Anness VI għandhom ikunu pprojbiti sakemm ma tkunx ingħatat approvazzjoni minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, skont il-każ.

5.   L-għoti minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, ta' servizzi ta' assigurazzjoni jew riassigurazzjoni lil bastimenti elenkati fl-Anness VI għandu jkun ipprojbit.

6.   Il-paragrafi 4 u 5 ma għandhomx japplikaw fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina skont il-każ li l-bastiment ikun involut f'attivitajiet esklużivament għal finijiet ta' għajxien mhux għall-użu ta' individwi jew entitajiet tar-RDPK biex jiġġeneraw introjtu, jew esklużivament għal finijiet umanitarji.

7.   L-Anness VI għandu jinkludi l-bastimenti msemmija fil-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu fejn ikun hemm raġunijiet biżżejjed li jwasslu għall-ħsieb li l-bastiment kien involut f'attivitajiet, jew it-trasport ta' oġġetti, ipprojbiti minn UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017), 2375 (2017) jew 2397 (2017).”;

(7)

l-Artikolu 21 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 21

L-Istati Membri għandhom ineħħu mir-reġistru kwalunkwe bastiment li hu proprjetà tar-RDPK jew ikkontrollat jew imħaddem minnha, u ma għandhom jirreġistraw ebda bastiment li tneħħa mir-reġistru minn Stat ieħor skont il-paragrafu 24 ta' UNSCR 2321 (2016), il-paragrafu 8 ta' UNSCR 2375 (2017) jew il-paragrafu 12 ta' UNSCR 2397 (2017) ħlief kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, skont il-każ.”;

(8)

fl-Artikolu 26a, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jirripatrijaw lejn ir-RDPK iċ-ċittadini kollha tar-RDPK li jaqilgħu introjtu fil-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat Membru u l-attachés kollha ta' sorveljanza tas-sikurezza tal-gvern tar-RDPK li jagħmlu monitoraġġ fuq ħaddiema tar-RDPK barra l-pajjiż immedjatament, iżda mhux aktar tard mill-21 ta' Diċembru 2019, ħlief jekk l-Istat Membru jiddetermina li ċittadin tar-RDPK ikun ċittadin ta' Stat Membru jew ċittadin tar-RDPK li r-ripatrijazzjoni tiegħu hi pprojbita, soġġett għad-dritt nazzjonali u internazzjonali applikabbli, inkluż id-dritt internazzjonali dwar ir-refuġjati u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u l-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Konvenzjoni dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti.”;

(9)

l-Artikolu 32 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 32

Ebda pretensjoni b'rabta ma' kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni li t-twettiq tagħhom kien ġie affettwat, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont l-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2375 (2017) jew 2397 (2017), inkluż miżuri tal-Unjoni jew ta' kwalunkwe Stat Membru skont, kif meħtieġ minn jew b'konnessjoni ma', l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew miżuri koperti minn din id-Deċiżjoni, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni koperta minn garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe forma, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk issir minn:

(a)

persuni jew entitajiet iddeżinjati elenkati fl-Annessi I, II, III, IV, V jew VI;

(b)

kwalunkwe persuna jew entità oħra fir-RDPK, inkluż il-Gvern tar-RDPK u l-korpi, korporazzjonijiet u aġenziji pubbliċi tiegħu;

(c)

kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi permezz ta', jew f'isem, waħda mill-persuni jew l-entitajiet imsemmija fil-punti (a) jew (b); jew

(d)

kwalunkwe sid jew noleġġatur ta' bastiment li jkun ġie kkonfiskat jew issekwestrat skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 18b jew li jkun tneħħa mir-reġistru skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 18b jew li jkun elenkat fl-Anness VI.”;

(10)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 32a

Il-miżuri imposti f'UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017), 2375 (2017) u 2397 (2017) ma għandhomx japplikaw jekk b'xi mod jostakolaw l-attivitajiet tal-missjonijiet diplomatiċi jew konsulari fir-RDPK skont il-Konvenzjonijiet ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u Konsulari.”;

(11)

fl-Artikolu 33, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Il-Kunsill għandu jimplimenta modifiki għall-Annessi I u IV abbażi ta' determinazzjonijiet li jsiru mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

2.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità fuq proposta mill-Istati Membri jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jistabbilixxi l-listi fl-Annessi II, III, V u VI u jadotta modifiki għalihom.”.

(12)

fl-Artikolu 34, paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna jew entità għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 18b(4) jew (5), fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 23(1), jew fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 27(1), huwa għandu jemenda l-Anness II, III, IV jew VI skont dan.”;

(13)

l-Artikolu 36a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 36a

B'deroga mill-miżuri imposti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), 2321 (2016), 2356 (2017), 2371 (2017), 2375 (2017) jew 2397 (2017), dment li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddetermina li hija neċessarja eżenzjoni biex tiġi ffaċilitata l-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi li jwettqu attivitajiet ta' assistenza u ta' sokkors fir-RDPK għall-benefiċċju tal-popolazzjoni ċivili tar-RDPK jew għal kwalunkwe skop ieħor li jkun konsistenti mal-objettivi ta' dawk il-UNSCRs, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru għandha tagħti l-awtorizzazzjoni neċessarja.”;

(14)

l-Anness II huwa emendat skont l-Anness I għal din id-Deċiżjoni;

(15)

l-Anness IV huwa sostitwit bit-test indikat fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni;

(16)

it-test indikat fl-Anness III għal din id-Deċiżjoni jinżied bħala Anness VI.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79.


ANNESS I

L-entrati għall-persuni u l-entità li ġejjin jitħassru mill-lista indikata fl-Anness II tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849:

I.

Persuni u entitajiet responsabbli għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma' armi oħrajn tal-qerda massiva jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew fuq id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jappartjenu lilhom jew huma kkontrollati minnhom

A.

Persuni

23.

PAK Yong Sik

31.

KIM Jong Sik

B.

Entitajiet

5.

Il-Ministeru għall-Forzi Armati tal-Poplu

II.

Persuni u entitajiet li jipprovdu servizzi finanzjarji li jistgħu jikkontribwixxu għal programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħrajn tal-qerda tal-massiva

5.

CHOE Chun-Sik


ANNESS II

ANNESS IV

LISTA TA' BASTIMENTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 18a(6)

A.

Bastimenti li il-bandiera tagħhom tneħħiet (deflagged)

B.

Bastimenti diretti lejn port

C.

Bastimenti mneħħija mir-reġistu

D.

Bastimenti li huma pprojbiti li jidħlu f'portijiet

1.

Isem: PETREL 8

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 9562233. MMSI: 620233000

2.

Isem: HAO FAN 6

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 8628597. MMSI: 341985000

3.

Isem: TONG SAN 2

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 8937675. MMSI: 445539000

4.

Isem: JIE SHUN

Informazzjoni addizzjonali

OMI: 8518780. MMSI: 5145690005.

5.

Isem: BILLIONS NO. 18

Informazzjoni addizzjonali

IMO: 9191773

6.

Isem: UL JI BONG 6

Informazzjoni addizzjonali

IMO: 9114555

7.

Isem: RUNG RA 2

Informazzjoni addizzjonali

IMO: 9020534

8.

Isem: RYE SONG GANG 1

Informazzjoni addizzjonali

IMO: 7389704

E.

Bastimenti soġġetti għall-iffriżar ta' assi


ANNESS III

“ANNESS VI

LISTA TA' BASTIMENTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 18b(7)