21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/254

tal-15 ta' Frar 2018

dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati għal persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista, jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-punt (a)(v) tal-Artikolu 218(6), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Mit-22 ta' Jannar 2011, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE (2), l-Unjoni hija marbuta mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà, li d-dispożizzjonijiet tagħha saru parti integrali mill-ordni ġuridiku tal-Unjoni.

(2)

Fis-26 ta' Novembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni, ftehim internazzjonali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar aċċess aħjar għall-kotba għall-persuni b'diffikultà biex jaqraw materjal stampat.

(3)

Wara l-konklużjoni b'suċċess ta' dawk in-negozjati, it-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (it-“Trattat ta' Marrakexx”) ġie adottat fis-27 ta' Ġunju 2013. It-Trattat ta' Marrakexx daħal fis-seħħ fit-30 ta' Settembru 2016.

(4)

Abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE (3), it-Trattat ta' Marrakexx ġie ffirmat f'isem l-Unjoni fit-30 ta' April 2014, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(5)

It-Trattat ta' Marrakexx jistabbilixxi sett ta' regoli internazzjonali li jiżguraw li hemm limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur fil-livell nazzjonali għall-benefiċċju ta' persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat. It-Trattat għandu wkoll il-mira li jippermetti l-iskambju transfruntier ta' kopji ta' xogħlijiet pubblikati li jkunu saru f'format aċċessibbli skont dawn il-limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur. Għalhekk, it-Trattat ta' Marrakexx ser jiffaċilita l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati mill-benefiċjarji tiegħu fl-Unjoni u barra minnha.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li jimplimentaw l-obbligi tal-Unjoni taħt it-Trattat ta' Marrakexx, ġew adottati fit-13 ta' Settembru 2017.

(7)

Taħt il-punt (b) tal-Artikolu 19 tat-Trattat ta' Marrakexx, fil-każ tal-Unjoni, id-data effettiva biex issir parti għat-Trattat ta' Marrakexx hija tliet xhur mid-data li fiha jkun sar id-depożitu mad-Direttur Ġenerali tal-WIPO tal-istrument ta' ratifika jew ta' adeżjoni. Huwa adatt li dik id-data tiġi allinjata mad-data sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva (UE) 2017/1564 u mad-data li fiha jibda japplika r-Regolament (UE) 2017/1563. Għalhekk, jenħtieġ li d-depożitu tal-istrument ta' ratifika jsir minn tliet xhur qabel id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva (UE) 2017/1564 u li fiha r-Regolament (UE) 2017/1563 isir applikabbli.

(8)

Il-konklużjoni tat-Trattat ta' Marrakexx hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni (6), u jenħtieġ li t-Trattat ta' Marrakexx jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tat-Trattat ta' Marrakexx huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa sabiex jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrument ta' ratifika previst fil-punt (b) tal-Artikolu 19 tat-Trattat ta' Marrakexx.

Dak id-depożitu għandu jseħħ mit-12 ta' Lulju 2018.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

K. VALCHEV


(1)  Kunsens tat-18 ta' Jannar 2018 (għadu mhux ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà (ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE tal-14 ta' April 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU L 115, 17.4.2014, p. 1.).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta' kopji b'format aċċessibbli ta' ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 1).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 242, 20.9.2017, p. 6).

(6)  Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Frar 2017, 3/15, ECLI:EU:C:2017:114.