15.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 42/54


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/218

tat-13 ta' Frar 2018

li temenda l-Anness II tad-Deċiżjoni 92/260/KEE dwar id-dħul temporanju ta' żwiemel irreġistrati minn ċerti partijiet taċ-Ċina, li temenda d-Deċiżjoni 93/195/KEE dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati għat-tiġrija, kompetizzjoni u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja lejn iċ-Ċina, il-Messiku u l-Istati Uniti tal-Amerka, u li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-annotazzjonijiet għaċ-Ċina, għall-Messiku u għat-Turkija fil-lista ta' pajjiżi terzi u partijiet minnhom minn fejn huma awtorizzati l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina

(notifikata bid-dokument C(2018) 713)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' ekwidi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), l-Artikolu 15(a), l-Artikolu 16(2), u l-frażi introduttorja u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/156/KE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni tal-ekwidi ħajjin fl-Unjoni. Hija tipprevedi li l-importazzjonijiet ta' ekwidi fl-Unjoni jiġu awtorizzati biss minn pajjiżi terzi li jissodisfaw ċerti rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/260/KEE (3) tipprovdi mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa għad-dħul temporanju taż-żwiemel reġistrati minn pajjiżi terzi, inkluż iċ-ċertifikat tas-saħħa fl-Anness II(C) għal pajjiżi terzi, inklużi ċ-Ċina u Hong Kong, assenjati lill-Grupp Sanitarju C skont l-Anness I tagħha.

(3)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE (4), id-dħul temporanju, id-dħul mill-ġdid wara l-esportazzjoni temporanja, u l-importazzjoni ta' żwiemel irreġistrati huma awtorizzati miż-Żona Ħielsa mill-Mard tal-Ekwini (l-EDFZ, Equine Disease Free Zone) fil-Belt ta' Conghua, il-Muniċipalità ta' Guangzhou, il-Provinċja ta' Guangdong fiċ-Ċina, imsejħa bħala “CN-1” fil-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet minnhom fl-Anness I tagħha.

(4)

Wara l-istabbiliment ta' dik l-EDFZ, l-arranġamenti kuntrattwali bejn Hong Kong u ċ-Ċina ddeżinjaw dik iż-żona bħala ċentru tat-taħriġ għaż-żwiemel tat-tiġrija ta' Hong Kong. Hong Kong talab biex tiġi inkluża l-EDFZ fil-lista eżistenti ta' pajjiżi terzi, jew parti mit-territorju ta' pajjiżi terzi, fejn iż-żwiemel irreġistrati setgħu kienu residenti matul ir-residenza obbligatorja tagħhom fi stabbilimenti taħt sorveljanza veterinarja matul l-40 jum qabel ma jintbagħtu lejn l-Unjoni Ewropea. Wara l-evalwazzjoni tal-garanziji meħtieġa, il-parti tat-territorju taċ-Ċina deskritta bħala “CN-1” fil-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet minnhom fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE jenħtieġ li tiġi inkluża fil-lista ta' pajjiżi terzi fit-tielet inċiż tal-punt III(d) tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa fl-Anness II(C) tad-Deċiżjoni 92/260/KEE.

(5)

Id-Deċiżjoni 92/260/KEE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE (5) tipprevedi mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa għad-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta' żwiemel irreġistrati wara l-esportazzjoni temporanja biex jieħdu sehem f'tiġrijiet, kompetizzjonijiet u avvenimenti kulturali. Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa fl-Anness X ta' dik id-Deċiżjoni jrid jintuża għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel irreġistrati li jieħdu sehem f'avvenimenti ekwestri tal-LG Global Champions Tour fiż-żona metropolitana tal-Belt tal-Messiku, il-Messiku, u f'Miami, l-Istati Uniti tal-Amerka, li jsiru taħt l-awspiċji tal-Fédération Equestre Internationale (il-FEI).

(7)

Sabiex jospita avveniment ekwestri tal-LG Global Champions Tour, li qed jittella' wkoll taħt l-awspiċji tal-Fédération Equestre Internationale, il-post li nbena apposta fiż-żona metropolitana ta' Shanghai ġie rikonoxxut temporanjament bħala żona ħielsa mill-mard tal-ekwini għal perjodu ta' 30 jum b'konformità mad-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/127/UE (6), (UE) 2015/557 (7), (UE) 2016/361 (8) u (UE) 2017/99 (9). Wara l-bini tal-faċilitajiet permanenti, l-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi talbu li r-reġjun CN-2 jiġi rikonoxxut permanentament bħala żona ħielsa mill-mard tal-ekwini għall-fini tal-LG Global Champions Tour.

(8)

Fid-dawl tal-garanziji u tal-informazzjoni li ngħataw mill-awtoritajiet Ċiniżi u sabiex jiġi previst id-dħul mill-ġdid fl-Unjoni, skont ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 93/195/KEE, ta' żwiemel irreġistrati wara l-esportazzjoni temporanja lejn parti speċifika mit-territorju taċ-Ċina għal avveniment partikolari, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 93/195/KEE u l-Anness X tagħha jenħtieġ li jiġu emendati biex jippermettu d-dħul mill-ġdid wara l-esportazzjoni temporanja ta' żwiemel irreġistrati li ġejjin mill-avveniment tal-LG Global Champions Tour f'Shanghai, iċ-Ċina.

(9)

Għalhekk, id-Deċiżjoni 93/195/KEE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(10)

Id-Deċiżjoni 2004/211/KE tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, jew ta' partijiet minnhom fejn tapplika r-reġjonalizzazzjoni, li minnhom l-Istati Membri jridu jawtorizzaw l-importazzjoni ta' ekwidi u ta' semen, ova u embrijuni tagħhom, u tindika l-kundizzjonijiet l-oħra li huma applikabbli għal dawn l-importazzjonijiet. Din il-lista hija stabbilita l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE.

(11)

Sabiex tirrikonoxxi r-reġjun CN-2 imsemmi fit-tabella fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE b'mod permanenti għall-finijiet tad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel irreġistrati li ħadu sehem fl-avveniment tal-LG Global Champions Tour f'Shanghai, il-perjodu ta' żmien indikat fil-kolonna 15 ta' dik it-tabella fir-rigward tar-reġjun CN-2 jenħtieġ li jiġi sostitwit b'referenza għaċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jrid jintuża għad-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta' żwiemel irreġistrati li jkunu ħadu sehem f'dan l-avveniment.

(12)

L-avvenimenti ekwestri tal-LG Global Champions Tour isiru kull sena fir-rebbiegħa fiż-żona metropolitana tal-Belt tal-Messiku, il-Messiku, u f'Miami, fl-Istati Uniti tal-Amerka.

(13)

Billi ż-żona metropolitana tal-Belt tal-Messiku hija reġjun b'altitudni għolja u b'riskju iktar baxx tat-trażmissjoni permezz ta' vettur tal-istomatite vexxikulari jew ċerti sottotipi ta' enċefalomijelite ekwina tal-Venezwela, u billi hija reġjun li fih l-enċefalomijelite ekwina tal-Venezwela ma ġietx irrappurtata għal aktar minn sentejn, id-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta' żwiemel irreġistrati għall-kompetizzjonijiet wara l-esportazzjoni temporanja għal perjodu ta' mhux aktar minn 30 jum biex jieħdu sehem fl-LG Global Champions Tour fiż-żona metropolitana tal-Belt tal-Messiku ġie awtorizzat bid-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2301 (10) u (UE) 2017/99.

(14)

Sabiex ikun permess id-dħul mill-ġdid ta' żwiemel irreġistrati li jkunu ħadu sehem fl-avveniment rikorrenti annwali tal-LG Global Champions Tour fiż-żona metropolitana tal-Belt tal-Messiku, il-perjodu ta' żmien indikat fil-kolonna 15 tat-tabella fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tar-reġjun MX-1 jenħtieġ li jiġi sostitwit b'referenza għaċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jrid jintuża għad-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta' żwiemel irreġistrati li jkunu ħadu sehem f'dan l-avveniment.

(15)

Fil-15 ta' Diċembru 2017, it-Turkija nnotifikat permezz tas-Sistema ta' Notifika tal-Mard tal-Annimali każ ta' glanders (Burgholderia mallei), li ġie kkonfermat fit-13 ta' Ottubru 2017 f'żiemel fil-gżira ta' Büyükada, il-Provinċja ta' Istanbul, it-Turkija. Sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet dwar l-oriġini u t-tixrid possibbli tal-marda, id-dħul fl-Unjoni ta' ekwidi u ta' prodotti ġerminali tal-ekwidi mit-Turkija jenħtieġ li jiġu sospiżi.

(16)

Għalhekk, id-Deċiżjoni 2004/211/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(17)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II(C) tad-Deċiżjoni 92/260/KEE huwa emendat skont l-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 93/195/KEE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, l-għaxar inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

ħadu sehem fl-avvenimenti ekwestri tal-LG Global Champions Tour f'Shanghai, iċ-Ċina, fiż-żona metropolitana tal-Belt tal-Messiku, il-Messiku jew f'Miami, l-Istati Uniti tal-Amerka, u jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f'ċertifikat tas-saħħa mfassal skont il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fl-Anness X ta' din id-Deċiżjoni”;

(2)

L-Anness X huwa sostitwit bit-test li hemm fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE huwa emendat skont l-Anness III ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(2)   ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/260/KEE tal-10 ta' April 1992 dwar kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u ċertifikazzjoni veterinarja għal dħul temporanju ta' żwiemel irreġistrati (ĠU L 130, 15.5.1992, p. 67).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta' Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' equidae ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina, u li temenda d-Deċiżjonijiet 93/195/KEE u 94/63/KE (ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE tat-2 ta' Frar 1993 dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati għat-tiġrija, kompetizzjoni u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja (ĠU L 86, 6.4.1993, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/127/UE tas-7 ta' Marzu 2014 li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-annotazzjoni taċ-Ċina fil-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet fit-territorju tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-importazzjoni fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina (ĠU L 70, 11.3.2014, p. 28).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/557 tal-31 ta' Marzu 2015 li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fejn tidħol l-entrata taċ-Ċina fil-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet fit-territorju tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-importazzjoni fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina (ĠU L 92, 8.4.2015, p. 107).

(8)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/361 tal-10 ta' Marzu 2016 li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fejn tidħol l-entrata taċ-Ċina fil-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet fit-territorju tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-importazzjoni fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina (ĠU L 67, 12.3.2016, p. 57).

(9)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/99 tat-18 ta' Jannar 2017 li temenda d-Deċiżjoni 93/195/KEE dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati għat-tiġrija, kompetizzjoni u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja lejn il-Messiku u l-Istati Uniti tal-Amerka, u li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-annotazzjonijiet għaċ-Ċina u l-Messiku fil-lista ta' pajjiżi terzi u partijiet minnhom minn fejn huma awtorizzati l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina (ĠU L 16, 20.1.2017, p. 44).

(10)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2301 tat-8 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 93/195/KEE dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati għat-tiġrija, kompetizzjoni u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja lejn il-Messiku u l-Istati Uniti tal-Amerka, u li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-entrata għall-Messiku fil-lista ta' pajjiżi terzi u partijiet minnhom minn fejn huma awtorizzati l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina (ĠU L 324, 10.12.2015, p. 38).


ANNESS I

Fl-Anness II(C) tad-Deċiżjoni 92/260/KEE, it-tielet inċiż tal-punt III(d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(3)

L-Emirati Għarab Magħquda, l-Awstralja, il-Belarussja, il-Kanada, l-Iżvizzera, iċ-Ċina (1), Greenland, Hong Kong, l-Iżlanda, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Montenegro, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Macao, il-Malasja (peniżola), in-Norveġja, New Zealand, is-Serbja, ir-Russja (1), Singapore, it-Tajlandja, l-Ukrajna, l-Istati Uniti tal-Amerka,”

ANNESS II

“ANNESS X

Image 1
Test ta 'immaġni
Image 2
Test ta 'immaġni
Image 3
Test ta 'immaġni
”

ANNESS III

It-tabella fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fil-kolonna 15 tal-linja li tikkorrispondi għar-reġjun CN-2 taċ-Ċina, il-kliem “Validu mill-20 ta' April sal-20 ta' Mejju 2017” qed jinbidel bil-kliem “Biss jekk iċċertifikat skont l-Anness X tad-Deċiżjoni 93/195/KEE”;

(2)

fil-kolonna 15 tal-linja li tikkorrispondi għar-reġjun MX-1 tal-Messiku, il-kliem “Validu mit-30 ta' Marzu sat-30 ta' April 2017” qed jinbidel bil-kliem “Biss jekk iċċertifikat skont l-Anness X tad-Deċiżjoni 93/195/KEE”;

(3)

l-annotazzjoni għat-Turkija qed tinbidel b'dan li ġej:

“TR

It-Turkija

TR-0

Il-pajjiż kollu

E

—

—

—

—

—

—

—

—

—

—

TR-1

Il-Provinċji ta' Ankara, Edirne, Istanbul, Izmir, Kirklareli u Tekirdag

E

—

—

—

—

—

—

—

—

—

—”