|
31.1.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 26/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/145
tad-9 ta' Ottubru 2017
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Multilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Serbja, u l-Missjoni ta' Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (*1) dwar l-istabbiliment ta' Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea (ECAA)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, Ftehim Multilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Serbja, u l-Missjoni ta' Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo dwar l-istabbiliment ta' Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea (ECAA) (“il-Ftehim”). |
|
(2) |
Il-Ftehim ġie ffirmat f'isem il-Komunità fid-9 ta' Ġunju 2006, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar 'il quddiem, skont id-Deċiżjoni 2006/682/KE tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill (2). |
|
(3) |
Il-Ftehim ġie rratifikat mill-Istati Membri kollha. |
|
(4) |
Wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Rumanija, u r-Repubblika tal-Kroazja saru Stati Membri u għaldaqstant awtomatikament ma baqgħux Partijiet Assoċjati taħt dan il-Ftehim f'konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu. Dan jenħtieġ li jitfakkar f'notifika, li għandha ssir fil-mument tad-depożitu tal-istrument tal-approvazzjoni tal-Ftehim. |
|
(5) |
Rigward l-emendi għall-Anness I għall-Ftehim li jikkonċernaw biss l-inklużjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f'dak l-Anness, li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tapprova dawn l-emendi f'isem l-Unjoni, wara konsultazzjoni ma' Kumitat Speċjali maħtur mill-Kunsill. |
|
(6) |
Fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi stabbilita skont il-każ individwali f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
|
(7) |
Billi kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri huma Partijiet għall-Ftehim, kooperazzjoni mill-qrib bejniethom hija essenzjali. Sabiex tiġi żgurata tali kooperazzjoni mill-qrib u unità tar-rappreżentazzjoni esterna fil-Kumitat Konġunt, u mingħajr preġudizzju għat-Trattati, b'mod partikolari għall-Artikoli 16(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 218(9) TFUE, jenħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-Kumitat Konġunt, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri, fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri, qabel kwalunkwe laqgħa tal-Kumitat Konġunt li tittratta tali kwistjoni. |
|
(8) |
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2006/682/KE fih dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment tal-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu fi ħdan il-Kumitat Konġunt matul l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' April 2015 fil-Kawża C-28/12, il-Kummissjoni vs il-Kunsill (3) dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx jibqgħu japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Ftehim Multilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Serbja, u l-Missjoni ta' Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo dwar l-Istabbiliment ta' Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea (ECAA), huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (4).
2. Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna jew persuni bis-setgħa li, f'isem l-Unjoni, jiddepożitaw l-istrument ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 29(2) tal-Ftehim (5) u li jagħtu n-notifika segwenti:
|
“1. |
Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea u minn dik id-data teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, referenzi għal “il-Komunità Ewropea” fit-test tal-Ftehim għandhom, fejn xieraq, jinqraw bħala referenzi għal “l-Unjoni Ewropea”. |
|
2. |
Wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Rumanija u r-Repubblika tal-Kroazja saru Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u, f'konformità mal-Artikolu 31(2) tal-Ftehim, għaldaqstant ma baqgħux Partijiet Assoċjati taħt il-Ftehim.” |
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni dwar deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt stabbilit taħt l-Artikolu 17 tal-Ftehim dwar is-sempliċi inklużjoni ta' leġIżlazzjoni tal-Unjoni f'Anness I għall-Ftehim, soġġett għal kwalunkwe aġġustament tekniku meħtieġ, għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma' Kumitat Speċjali maħtur mill-Kunsill.
Artikolu 3
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2006/682/KE ma għandux jibqa' japplika fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' Ottubru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
S. KIISLER
(*1) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(1) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 5.
(2) Deċiżjoni 2006/682/KE tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2006 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Multilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Serbja, u l-Missjoni ta' Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo dwar l-Istabbiliment ta' Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea (ECAA) (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 1).
(3) ECLI:EU:C:2015:282.
(4) Il-Ftehim ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 3), flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja.
(5) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.