26.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 23/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/104

tal-20 ta’ Novembru 2017

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (7) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex jiftħu n-negozjati mar-Repubblika tal-Armenja dwar ftehim qafas.

(2)

Dawk in-negozjati ġew iffinalizzati b’suċċess, u l-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie inizjalat fil-21 ta’ Marzu 2017.

(3)

L-Artikolu 385 tal-Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim, b’mod sħiħ jew partijiet minnu, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

(4)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u jiġi applikat għal partijiet minnu fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(5)

L-iffirmar tal-Ftehim f’isem l-Unjoni u l-applikazzjoni proviżorja ta’ partijiet mill-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Armenja huma mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha f’konformità mat-Trattati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim (1), f’konformità mal-Artikolu 385 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet li ġejjin tal-Ftehim għandhom jiġu applikati fuq bażi proviżorja bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Armenja, iżda biss safejn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, inkluż kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni li tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta’ sigurtà komuni:

(a)

it-Titolu I;

(b)

it-Titolu II: Artikoli 3, 4, 7 u 8;

(c)

it-Titolu III: Artikolu 12, Artikolu 14(1) u Artikolu 15;

(d)

it-Titolu V;

(i)

il-Kapitolu 1 bl-eċċezzjoni tal-punt (a) tal-Artikolu 38(3);

(ii)

il-Kapitolu 2 bl-eċċezzjoni tar-referenza għas-sikurezza nukleari fil-punt (f) tal-Artikolu 42(2) u tal-punt (g) tal-Artikolu 42(2);

(iii)

il-Kapitolu 3 bl-eċċezzjoni tal-punti (a), (c) u (e) tal-Artikolu 46(1); u

(iv)

il-Kapitoli 7, 10, 14 u 21;

(e)

it-Titolu VI bl-eċċezzjoni tal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 205(2); l-Artikolu 203 għandu japplika b’mod proviżorju biss safejn jikkonċerna l-investiment dirett;

(f)

it-Titolu VII;

(g)

it-Titolu VIII bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 380(1), safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dak it-Titolu jkunu limitati għall-fini li tkun żgurata l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim; u

(h)

l-Anness I, Anness II bl-eċċezzjoni tar-referenzi għall-Euratom relatati mal-infrastruttura, ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni u n-nukleari, l-Annessi III, VI, VIII, IX, X, XI u XII kif ukoll il-Protokoll I għat-Titolu VII assistenza finanzjarja u dispożizzjonijiet kontra l-frodi u ta’ kontroll Kapitolu 2: dispożizzjonijiet kontra l-frodi u ta’ kontroll u l-Protokoll II dwar assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali.

Artikolu 4

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 240 tal-Ftehim, kwalunkwe emenda għall-Ftehim permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda mis-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni. Meta l-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu ftehim wara li tqajmu oġġezzjonijiet li jikkonċernaw indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

2.   Għall-fini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 270(2) tal-Ftehim, il-Kummissjoni hija awtorizzata biex tapprova l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-emendi tal-Anness XI għall-Ftehim.

Għall-fini tat-tieni sentenza tal-Artikolu 270(2)tal-Ftehim, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tqajjem oġġezzjonijiet għal modifika jew rettifika tal-Anness XI proposta mir-Repubblika tal-Armenja.

Artikolu 5

Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. REPS


(1)  Id-data li minnha l-Ftehim għandu japplika b’mod proviżorju ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).