23.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 17/40


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/101

tat-22 ta' Jannar 2018

dwar il-Promozzjoni ta' Kontrolli Effettivi fuq l-Esportazzjoni tal-Armi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003 tiddeskrivi ħames sfidi ewlenin li jridu jiġu indirizzati mill-Unjoni: it-terroriżmu, il-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, il-konflitti reġjonali, il-falliment tal-Istat u l-kriminalità organizzata. Il-konsegwenzi taċ-ċirkolazzjoni mhux ikkontrollata ta' armi konvenzjonali huma ċentrali għal erba' minn dawk il-ħames sfidi. Dik l-Istrateġija tissottolinja l-importanza ta' kontrolli fuq l-esportazzjoni biex titrażżan il-proliferazzjoni tal-armi. L-Istrateġija Globali ġdida għall-politika barranija u ta' sigurtà tal-Unjoni, intitolata “Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'Saħħitha”, ippreżentata mir-Rappreżentant Għoli fit-28 ta' Ġunju 2016, tikkonferma l-appoġġ tal-Unjoni għall-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar ta' trattati u reġimi multilaterali dwar id-diżarmament, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi.

(2)

Fil-5 ta' Ġunju 1998, l-Unjoni adottat Kodiċi ta' Kondotta dwar l-Esportazzjoni tal-Armi li huwa politikament vinkolanti, li jistabbilixxi kriterji komuni biex jirregola l-kummerċ legali tal-armi konvenzjonali.

(3)

L-Istrateġija tal-Unjoni għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u traffikar illeċiti ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom, adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, tipprevedi li l-Unjoni, kemm f'livell reġjonali kif ukoll f'livell internazzjonali, tappoġġa t-tisħiħ tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-promozzjoni tal-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar l-Esportazzjoni ta' Armi billi, fost l-oħrajn, tgħin lil pajjiżi terzi jabbozzaw leġislazzjoni nazzjonali rilevanti u jippromwovu miżuri biex tittejjeb it-trasparenza.

(4)

Il-Kodiċi ta' Kondotta dwar l-Esportazzjoni ta' Armi ġie ssostitwit fit-8 ta' Diċembru 2008 bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (1), li tistabbilixxi tmien kriterji li fuqhom għandhom jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet għall-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali. Hija tinkludi wkoll mekkaniżmu ta' notifika u konsultazzjoni għal ċaħdiet ta' esportazzjoni tal-armi, u miżuri ta' trasparenza bħall-pubblikazzjoni annwali ta' rapport annwali tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi. Għadd ta' pajjiżi terzi allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK.

(5)

L-Artikolu 11 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK jistipula li l-Istati Membri għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex iħeġġu lil Stati oħrajn li jesportaw teknoloġija jew tagħmir militari sabiex japplikaw il-kriterji ta' dik il-Pożizzjoni Komuni.

(6)

It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) ġie adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU f'April 2013 u daħal fis-seħħ fl-24 ta' Diċembru 2014. It-Trattat għandu l-għan li jsaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-kummerċ tal-armi. B'mod simili għall-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, it-TKA jistabbilixxi għadd ta' kriterji għall-valutazzjoni tar-riskju li fuqhom trid tiġi vvalutata l-esportazzjoni tal-armi. L-Unjoni tappoġġa b'mod konkret l-implimentazzjoni effettiva u l-universalizzazzjoni tat-TKA permezz tal-programmi dedikati tagħha adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/768/PESK (2) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/915 (3). Dawk il-programmi jgħinu għadd ta' pajjiżi terzi, fuq talba tagħhom, biex isaħħu s-sistemi tagħhom ta' kontroll tat-trasferiment tal-armi f'konformità mar-rekwiżiti tat-Trattat.

(7)

Huwa għalhekk importanti li tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn l-attivitajiet ta' komunikazzjoni u ta' assistenza previsti f'din id-Deċiżjoni u dawk previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2017/915.

(8)

Mill-2008 'l hawn, l-attivitajiet tal-Unjoni biex jippromwovu kontrolli effettivi u trasparenti fuq l-esportazzjoni tal-armi żviluppaw bis-saħħa tal-Azzjoni Konġunta 2008/230/PESK (4) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/1012/PESK (5) u 2012/711/PESK (6) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2309 (7). L-attivitajiet imwettqa appoġġaw notevolament aktar kooperazzjoni reġjonali, aktar trasparenza u responsabbiltà akbar, f'konformità mal-prinċipji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u l-kriterji ta' valutazzjoni tar-riskju mħaddna fiha. L-attivitajiet inkwistjoni tradizzjonalment indirizzaw pajjiżi terzi tal-viċinat tal-lvant u dak tan-nofsinhar tal-Unjoni.

(9)

Fl-aħħar snin, l-Unjoni tat ukoll assistenza biex jitjiebu l-kontrolli tal-esportazzjoni fuq oġġetti b'użu doppju f'pajjiżi terzi, u jenħtieġ li tiġi żgurata l-koordinazzjoni effettiva bejn l-attivitajiet ta' kontroll fuq l-esportazzjoni tal-armi koperti minn din id-Direttiva u dawk l-attivitajiet ta' kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju.

(10)

L-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni (“BAFA”) ġie inkarigat mill-Kunsill bl-implimentazzjoni teknika tad-Deċiżjonijiet 2009/1012/PESK u 2012/711/PESK u d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2309. Il-BAFA huwa wkoll aġenzija ta' implimentazzjoni għal proġetti li jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tat-TKA skont id-Deċiżjoni 2013/768/PESK u d-Deċiżjoni (PESK) 2017/915. Il-BAFA huwa l-aġenzija kompetenti għall-kontroll tal-armi ta' Stat Membru tal-UE, u żviluppa korp kbir ta' għarfien u għarfien espert dwar attivitajiet ta' komunikazzjoni, dan minbarra li jikkondividi l-kompetenzi ewlenin tiegħu ma' stati oħra,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-fini tal-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, u f'konformità mal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, l-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi minn pajjiżi terzi f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u fit-TKA, u, fejn xieraq, it-tfixxija ta' komplementarjetà u sinerġiji mal-proġetti ta' assistenza tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju;

(b)

l-appoġġ tal-isforzi ta' pajjiżi terzi fil-livelli nazzjonali u reġjonali, biex il-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali jsir aktar responsabbli u trasparenti, u li ttaffi r-riskju tad-devjazzjoni ta' armi lejn utenti mhux awtorizzati.

2.   L-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1 permezz tal-attivitajiet li ġejjin marbutin mal-proġetti:

(a)

il-promozzjoni ulterjuri, fost pajjiżi terzi, tal-kriterji u l-prinċipji stipulati fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u fit-TKA, abbażi tal-kisbiet li saru permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/2309/, id-Deċiżjonijiet 2012/711/PESK u 2009/1012/PESK, u l-Azzjoni Konġunta 2008/230/PESK;

(b)

l-assistenza lil pajjiżi terzi fl-abbozzar, l-aġġornament u l-implimentazzjoni, kif xieraq, tal-miżuri leġislattivi u amministrattivi rilevanti li għandhom l-għan li jistabbilixxu sistema effettiva tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali;

(c)

l-assistenza lill-pajjiżi benefiċjarji fit-taħriġ ta' uffiċjali tal-liċenzjar u l-infurzar biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni u infurzar adegwati tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-armi;

(d)

l-assistenza lill-pajjiżi benefiċjarji biex iwasslu l-messaġġ tagħhom lill-industriji nazzjonali tagħhom tal-armi biex tiġi żgurata l-konformità mar-regolamenti dwar il-kontroll tal-esportazzjoni;

(e)

il-promozzjoni ta' trasparenza u responsabbiltà fil-kummerċ internazzjonali tal-armi, inkluż permezz ta' appoġġ għall-miżuri nazzjonali u reġjonali li jippromwovu t-trasparenza u l-iskrutinju adatt fl-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali;

(f)

l-inkoraġġiment lil dawk il-pajjiżi benefiċjarji li ma ħadu l-ebda pass lejn l-adeżjoni mat-TKA biex jissieħbu fih, u l-inkoraġġiment lill-firmatarji tat-TKA biex jirratifikawh;

(g)

il-promozzjoni ta' aktar konsiderazzjoni tar-riskji tad-devjazzjoni tal-armi u l-mitigazzjoni tagħhom, kemm mill-perspettiva tal-importazzjoni kif ukoll dik tal-esportazzjoni.

Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet proġettwali msemmija f'dan il-paragrafu tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet proġettwali msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni (“BAFA”). L-għażla tal-BAFA hi ġġustifikata mill-esperjenza ppruvata, il-kwalifiki u l-għarfien espert meħtieġ tiegħu fil-firxa sħiħa ta' attivitajiet rilevanti tal-Unjoni ta' kontroll ta' esportazzjonijiet tal-armi.

3.   Il-BAFA għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dik il-fini, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-BAFA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet proġettwali msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 304 107,28.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-infiq tal-ammont finanzjarju ta' referenza msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-BAFA. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jistipula li l-BAFA jrid jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehimiet ta' finanzjament imsemmija fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-BAFA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet marbutin mal-proġetti kif imsemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 30 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż f'dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Jannar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/768/PESK tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar l-attivitajiet tal-UE f'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil- qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 56).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/915 tad-29 ta' Mejju 2017 dwar attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tal-Unjoni b'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ĠU L 139, 30.5.2017, p. 38).

(4)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/230/PESK tas-17 ta' Marzu 2008 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE sabiex issir promozzjoni tal-kontroll ta' armi għall-esportazzjoni u l-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi bejn pajjiżi terzi (ĠU L 75, 18.3.2008, p. 81).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1012/PESK tat-22 ta' Diċembru 2009 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE għall-promozzjoni tal-kontroll tal-esportazzjoni ta' armi u l-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK fost pajjiżi terzi (ĠU L 348, 29.12.2009, p. 16).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/711/PESK tad-19 ta' Novembru 2012 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Unjoni sabiex issir promozzjoni, fost pajjiżi terzi, tal-kontroll tal-esportazzjoni ta' armi u tal-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (ĠU L 321, 20.11.2012, p. 62).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2309 tal-10 ta' Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 56).


ANNESS

L-ATTIVITAJIET MARBUTIN MAL-PROĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(2)

1.   Objettivi

L-objettivi ta' din id-Deċiżjoni huma l-promozzjoni ta' kontrolli mtejba fuq trasferimenti tal-armi minn pajjiżi terzi u l-appoġġ ta' sforzi ta' pajjiżi terzi fil-livelli nazzjonali u reġjonali, biex il-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali jsir aktar responsabbli u trasparenti, u biex jittaffa r-riskju tad-devjazzjoni ta' armi lejn utenti mhux awtorizzati. Fejn rilevanti, jenħtieġ li dawk l-objettivi jinkludu l-promozzjoni tal-prinċipji u l-kriterji stipulati fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u fit-TKA. Jenħtieġ li dawk l-objettivi jiġu segwiti biex jinkisbu, fejn xieraq, il-komplementarjetà u sinerġiji ma' proġetti ta' assistenza tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju.

Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija hawn fuq, jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tippromwovi l-istandards tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, abbażi ta' dak li ntlaħaq permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/2309, id-Deċiżjonijiet 2012/711/PESK u 2009/1012/PESK, u l-Azzjoni Konġunta 2008/230/PESK. Għal dak l-għan, għandha tiġi pprovduta assistenza lill-pajjiżi terzi benefiċjarji għall-abbozzar, l-aġġornament u l-implimentazzjoni, kif xieraq, ta' miżuri leġislattivi u amministrattivi rilevanti li jappoġġaw sistema effettiva ta' kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali. Jenħtieġ li jiġi pprovdut ukoll appoġġ għall-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju tad-devjazzjoni tal-armi.

Jenħtieġ li jingħata appoġġ ukoll għat-taħriġ tal-uffiċjali tal-liċenzjar u l-infurzar responsabbli għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-armi, u għall-miżuri nazzjonali u reġjonali li jippromwovu t-trasparenza u l-iskrutinju adatt fl-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu promossi kuntatti mas-settur privat u konformità mad-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi nazzjonali rilevanti li jirregolaw it-trasferiment tal-armi.

2.   Għażla tal-aġenzija ta' implimentazzjoni

Il-BAFA huwa inkarigat mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill. Fejn adatt, il-BAFA ser jissieħeb mal-aġenziji ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, il-gruppi ta' riflessjoni, l-istituti tar-riċerka u l-NGOs.

Il-BAFA għandu esperjenza kbira fl-għoti ta' assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni u f'attivitajiet ta' komunikazzjoni. Huwa żviluppa din l-esperjenza fl-oqsma rilevanti kollha ta' kontroll strateġiku tal-esportazzjoni, fl-indirizzar tal-oqsma relatati mas-CBRN, oġġetti b'użu doppju u armi. Permezz ta' dawk il-programmi u attivitajiet, il-BAFA kiseb għarfien fil-fond tas-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi koperti minn din id-Deċiżjoni.

Fir-rigward tal-assistenza għall-kontroll tat-trasferiment tal-armi u l-ħidma ta' komunikazzjoni, il-BAFA lesta b'suċċess l-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/1012/PESK u 2012/711/PESK u d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2309. Il-BAFA huwa wkoll inkarigat mill-implimentazzjoni teknika tal-programm ta' appoġġ tal-implimentazzjoni tat-TKA stabbilit mid-Deċiżjoni 2013/768/PESK u d-Deċiżjoni (PESK) 2017/915.

L-effett ġenerali huwa li l-BAFA jinsab f'pożizzjoni unika biex jidentifika l-punti qawwija u d-dgħufijiet fis-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' pajjiżi li ser ikunu l-benefiċjarji tal-attivitajiet previsti f'din id-Deċiżjoni. Għaldaqstant huwa l-iktar li jista' jiffaċilita sinerġiji bejn il-programmi varji ta' assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u dawk ta' komunikazzjoni u li jevita d-duplikazzjoni.

3.   Koordinazzjoni ma' proġetti oħra ta' assistenza tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni

Abbażi tal-esperjenza ta' attivitajiet preċedenti ta' komunikazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni li jkopru kemm oġġetti b'użu doppju kif ukoll armi konvenzjonali, jenħtieġ li jsiru sforzi biex jinkisbu s-sinerġija u l-komplementarjetà. Għal dak l-għan, l-attivitajiet imsemmijin fil-punti 5.2.1 sa 5.2.3 u 5.2.5 jenħtieġ li jsiru, fejn xieraq, flimkien ma' attivitajiet oħrajn iffinanzjati permezz tal-baġit tal-PESK, b'mod partikolari dawk l-attivitajiet previsti mid-Deċiżjoni (PESK) 2017/915, jew ma' attivitajiet oħrajn fuq kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju ffinanzjati permezz ta' strumenti finanzjarji tal-Unjoni għajr il-baġit tal-PESK. B'mod partikolari, jenħtieġ li jiġu esplorati avvenimenti konsekuttivi. Dan jenħtieġ li jsir b'rispett sħiħ għal-limitazzjonijiet legali u finanzjarji stabbiliti għall-użu tal-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-Unjoni.

4.   Koordinazzjoni ma' proġetti oħrajn ta' assistenza tad-donaturi fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni

Fejn xieraq, jenħtieġ ukoll li jitfittxu s-sinerġija u l-komplementarjetà ma' proġetti oħrajn ta' assistenza tad-donaturi fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni. Kif jissemma fil-punt 3, il-koordinazzjoni ma' donaturi oħrajn jenħtieġ li ssir b'mod speċjali għall-attivitajiet imsemmijin fil-punti 5.2.1 sa 5.2.3 u 5.2.5. Ir-referenza fil-punt 3 b'rabta ma' ppjanar ta' avvenimenti konsekuttivi għadha valida.

5.   Deskrizzjoni tal-attivitajiet marbutin mal-proġett

5.1.   Objettivi tal-proġett

L-objettiv ewlieni huwa li tiġi pprovduta assistenza teknika lil għadd ta' pajjiżi benefiċjarji li wrew ir-rieda tagħhom li jiżviluppaw l-istandards u l-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi. Għal dan l-għan, l-attivitajiet li ser jitwettqu ser iqisu l-istatus tal-pajjiżi benefiċjarji, b'mod partikolari fir-rigward ta':

l-adeżjoni possibbli, jew l-applikazzjoni għall-adeżjoni, ma' sistemi internazzjonali ta' kontroll tal-esportazzjoni relatati mat-trasferiment ta' armi konvenzjonali u oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju;

il-kandidaturi għal adeżjoni mal-Unjoni u jekk il-pajjiżi benefiċjarji humiex kandidati uffiċjali jew kandidati potenzjali;

il-pożizzjoni rigward it-TKA.

Fejn il-pajjiżi benefiċjarji indirizzati jkunu firmatarji biss tat-TKA, jenħtieġ li l-attivitajiet - fejn fattibbli - jippruvaw jiddeterminaw aħjar x'inhuma l-ostakoli għar-ratifika tat-TKA, b'mod partikolari fejn dawk l-ostakoli jkunu ta' natura ġuridika jew regolatorja u jkunu relatati ma' nuqqasijiet jew ħtiġijiet fil-kapaċitajiet ta' implimentazzjoni. Fejn rilevanti, jenħtieġ li jiġi promoss appoġġ possibbli tal-Unjoni skont id-Deċiżjoni (PESK) 2017/915. Meta l-pajjiżi indirizzati ma jkunu ħadu ebda pass lejn it-Trattat (ebda firma, ratifika jew adeżjoni), l-attivitajiet jenħtieġ li jippromwovu l-adeżjoni għat-TKA, possibbilment bl-appoġġ ta' pajjiżi benefiċjarji oħrajn li jkunu rratifikaw it-TKA.

Objettiv komplementari ieħor huwa li għadd ta' pajjiżi terzi jiġu sensibilizzati għall-valutazzjoni tar-riskju tad-devjazzjoni tal-armi u l-mitigazzjoni tad-devjazzjoni, kemm mill-perspettiva tal-esportazzjoni kif ukoll dik tal-importazzjoni.

5.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

5.2.1.   Sessjonijiet ta' ħidma reġjonali

Il-proġett ser jieħu l-forma ta' mhux aktar minn tmien sessjonijiet ta' ħidma ta' jumejn li jipprovdu taħriġ fl-oqsma rilevanti tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali.

Il-parteċipanti fis-sessjoni ta' ħidma (mhux aktar minn 35) ikunu jinkludu uffiċjali tal-gvern mill-pajjiżi benefiċjarji koperti. Jistgħu wkoll jiġu mistiedna, fejn xieraq, rappreżentanti mill-parlamenti nazzjonali, u rappreżentanti mill-industrija u s-soċjetà ċivili.

It-taħriġ ser jingħata minn esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri (inklużi eks uffiċjali), rappreżentanti ta' pajjiżi li allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK, u rappreżentanti tas-settur privat u mis-soċjetà ċivili.

Is-sessjonijiet ta' ħidma jistgħu jsiru f'pajjiż benefiċjarju jew f'post ieħor li jrid jiġi determinat mir-Rappreżentant Għoli, f'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM).

Is-sessjonijiet ta' ħidma reġjonali ser jiġu organizzati kif ġej:

(a)

sa żewġ sessjonijiet ta' ħidma għall-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa; għal mill-inqas waħda mis-sessjonijiet ta' ħidma ser jiġu mistiedna pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa u tal-Kawkasu li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u t-Turkija;

(b)

sa żewġ sessjonijiet ta' ħidma għall-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa u tal-Kawkasu li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat; għal mill-inqas waħda mis-sessjonijiet ta' ħidma ser jiġu mistiedna l-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa u t-Turkija;

(c)

sa żewġ sessjonijiet ta' ħidma għall-pajjiżi Mediterranji tal-Afrika ta' Fuq li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat; għal mill-inqas waħda mis-sessjonijiet ta' ħidma ser jiġu mistiedna l-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

(d)

sa żewġ sessjonijiet ta' ħidma għall-Asja Ċentrali; għal mill-inqas waħda mis-sessjonijiet ta' ħidma ser jiġu mistiedna pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa u tal-Kawkasu li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat.

Din id-diviżjoni reġjonali ta' żewġ sessjonijiet ta' ħidma għal kull reġjun tista' ma tintlaħaqx jekk iċ-ċirkustanzi ma jkunux favorevoli (pereżempju jekk l-għadd ta' parteċipanti jkun aktar baxx milli mistenni, jekk l-ebda pajjiż benefiċjarju tar-reġjun ma jagħmel offerta serja li jospita, jew jekk ikun hemm duplikazzjoni ma' attivitajiet oħra ta' fornituri oħra ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni). Fil-każ li sessjoni ta' ħidma waħda jew aktar ma jsirux, l-għadd ta' sessjonijiet ta' ħidma għar-reġjun(i) l-oħrajn imsemmijin hawn fuq jista' jiżdied skont il-każ fi ħdan il-limitu globali ta' tmien sessjonijiet ta' ħidma.

5.2.2.   Żjarat ta' studju

Il-proġett ser jieħu l-forma ta' mhux aktar minn erba' żjarat ta' studju ta' jumejn minn uffiċjali tal-gvern lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri.

Iż-żjarat ta' studju jenħtieġ li jkopru bejn żewġ u erba' pajjiżi benefiċjarji. Il-pajjiżi benefiċjarji taż-żjarat ta' studju mhux bilfors jeħtieġ li jkunu mill-istess reġjun.

Il-proġett ser jieħu wkoll il-forma ta' mhux aktar minn tliet żjarat ta' studju ta' jumejn minn uffiċjali tal-gvern, tad-dwana u/jew tal-liċenzjar ta' pajjiżi benefiċjarji lill-awtoritajiet rilevanti ta' pajjiżi benefiċjarji oħrajn.

5.2.3.   Assistenza individwali lill-pajjiżi benefiċjarji

Il-proġett ser jieħu l-forma ta' sessjonijiet ta' ħidma ta' tul massimu ta' mhux aktar minn 10 ijiem għall-pajjiżi benefiċjarji individwali li jitolbuha, li fihom ser jieħdu sehem uffiċjali tal-istat, mill-pajjiżi benefiċjarji, fosthom uffiċjali tal-gvern, tal-liċenzjar u tal-infurzar. Dawn l-avvenimenti ser isiru preferibbilment fil-pajjiżi benefiċjarji. Skont il-ħtiġijiet eżatti u d-disponibbiltà tal-esperti tal-pajjiżi benefiċjarji u tal-Istati Membri tal-UE, it-total ta' 10 ijiem disponibbli ser jiġu allokati b'format minimu ta' jumejn.

Esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri (inkluż eks uffiċjali), rappreżentanti ta' pajjiżi li allinjaw rwieħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, u rappreżentanti tas-settur privat u s-soċjetà ċivili ser jaqsmu l-għarfien tagħhom.

Dawk is-sessjonijiet ta' ħidma ta' assistenza individwali ser isiru prinċipalment fuq it-talba tal-pajjiżi benefiċjarji. Dawn huma maħsuba biex jindirizzaw kwistjoni speċifika jew ħtieġa speċifika mqajma mill-pajjiż benefiċjarju, pereżempju, fil-marġini ta' sessjoni ta' ħidma reġjonali jew matul kuntatti regolari ma' esperti tal-UE u mal-BAFA.

5.2.4.   Laqgħat tal-Esperti

Il-proġett ser jieħu l-forma ta' laqgħa tal-esperti ta' jum fi Brussell iddedikata għal uffiċjali tal-gvern, inkluż uffiċjali tal-gvern, tal-liċenzjar u tal-infurzar mill-pajjiżi benefiċjarji li huma parti mir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa. Il-laqgħa ser issir fil-marġni tal-laqgħat tal-COARM.

5.2.5.   Avvenimenti ta' Valutazzjoni

Sabiex tingħata valutazzjoni intermedja u finali tal-attivitajiet li jsiru fil-qafas ta' din id-Deċiżjoni, tnejn mil-laqgħat tal-esperti ser jiġu organizzati fi Brussell, idealment eżatt wara laqgħa regolari tal-COARM.

L-avveniment ta' valutazzjoni intermedja ser ikollu l-għamla ta' sessjoni ta' ħidma ta' mhux aktar minn jum bis-sehem tal-Istati Membri tal-UE.

L-avveniment ta' valutazzjoni finali ser ikollu l-għamla ta' avveniment ta' jumejn fi Brussell bis-sehem tal-pajjiżi benefiċjarji u l-Istati Membri tal-UE.

Ser jiġu mistiedna jattendu l-avveniment ta' valutazzjoni finali mhux aktar minn żewġ rappreżentanti (uffiċjali adatti tal-gvern) ta' kull pajjiż benefiċjarju.

6.   Benefiċjarji

6.1.   Pajjiżi li jibbenefikaw mill-attivitajiet skont din id-Deċiżjoni tal-Kunsill

(i)

il-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo (skont UNSCR/1244/99 (1)));

(ii)

il-pajjiżi Mediterranji tal-Afrika ta' Fuq li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Alġerija, l-Eġittu, il-Marokk u t-Tuneżija);

(iii)

il-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa u l-Kawkasu li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna);

(iv)

il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali (il-Każakistan, it-Taġikistan, l-Użbekistan, il-Kirgiżistan, it-Turkmenistan);

(v)

il-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (il-Ġordan u l-Libanu);

(vi)

it-Turkija.

6.2.   Emenda għall-kamp ta' applikazzjoni tal-pajjiżi benefiċjarji

Il-Grupp ta' Ħidma COARM jista', fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli, jiddeċiedi li jimmodifika l-lista ta' benefiċjarji abbażi ta' ġustifikazzjoni adegwata. Il-modifiki jenħtieġ li jiġu kkomunikati b'mod formali bejn il-BAFA u l-UE.

7.   Riżultati tal-proġett u indikaturi tal-implimentazzjoni

Minbarra l-avveniment ta' valutazzjoni finali msemmi f'5.2.5, il-valutazzjoni tar-riżultati tal-proġett ser tieħu kont ta' dan li ġej:

7.1.   Valutazzjoni individwali tal-pajjiżi benefiċjarji

Hekk kif jitlestew l-attivitajiet previsti, jenħtieġ li l-BAFA tipprovdi lis-SEAE u lill-Kummissjoni rapport ta' progress dwar kull wieħed mill-pajjiżi benefiċjarji msemmija f'6.1. Dak ir-rapport ser jitħejja f'kollaborazzjoni mad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi kkonċernati u ser jiġbor fil-qosor l-attivitajiet li seħħew fil-pajjiż benefiċjarju matul il-perijodu tad-Deċiżjoni. Ir-rapport ser jivvaluta wkoll il-kapaċità tal-pajjiż benefiċjarju fil-qasam tal-kontrolli tat-trasferiment tal-armi. Fejn il-pajjiż benefiċjarju jkun parti għat-TKA, il-valutazzjoni ser tevalwa kif il-kapaċità fis-seħħ tippermetti lil dak il-pajjiż jimplimenta t-TKA.

7.2.   Valutazzjoni tal-impatt u indikaturi tal-implimentazzjoni

L-impatt tal-attivitajiet previsti minn din id-Deċiżjoni, għall-pajjiżi benefiċjarji jenħtieġ li jiġi vvalutat wara li jitwettqu l-attivitajiet. Il-valutazzjoni tal-impatt ser issir mir-Rappreżentant Għoli, f'kooperazzjoni mal-COARM u, kif xieraq, mad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi benefiċjarji, kif ukoll ma' partijiet ikkonċernati oħrajn rilevanti.

Għal dak l-iskop, ser jintużaw l-indikaturi li ġejjin:

jekk hemmx fis-seħħ regolamenti nazzjonali rilevanti dwar kontrolli fuq it-trasferiment tal-armi u jekk/sa liema punt dawn jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (fost oħrajn, l-applikazzjoni tal-kriterji ta' valutazzjoni, l-implimentazzjoni tal-lista militari komuni tal-UE, rappurtar);

fejn disponibbli, informazzjoni dwar każijiet ta' infurzar;

jekk il-pajjiżi benefiċjarji jistgħux jirrapportaw l-esportazzjoni u/jew l-importazzjoni tal-armi (eż. ir-reġistru tan-NU, ir-rappurtar annwali tat-TKA, l-Arranġament ta' Wassenaar, l-OSKE, rapporti nazzjonali);

jekk il-pajjiż benefiċjarju allinjax ruħu uffiċjalment mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, jew hux biħsiebu jagħmel dan.

Ir-rapporti ta' valutazzjoni individwali taħt 7.1 jenħtieġ li jirreferu għal dawk l-indikaturi ta' implimentazzjoni, kif xieraq.

8.   Promozzjoni tal-użu tal-portal web tal-UE għall-komunikazzjoni (2)

Il-portal web P2P tal-UE previst fid-Deċiżjoni 2012/711/PESK ġie żviluppat bħala riżorsa proprja tal-Unjoni. Huwa jopera bħala pjattaforma konġunta għall-programmi kollha ta' komunikazzjoni tal-Unjoni (użu doppju, armi). L-attivitajiet elenkati taħt 5.2.1 sa 5.2.5 iridu jżidu l-għarfien dwar il-portal web tal-Unjoni għall-komunikazzjoni u jippromwovu l-użu tiegħu. Il-parteċipanti fl-attivitajiet ta' komunikazzjoni jenħtieġ li jiġu infurmati dwar it-taqsima privata tal-portal web li toffri aċċess permanenti għal riżorsi, dokumenti u kuntatti. Bl-istess mod, l-użu tal-portal web jenħtieġ li jiġi promoss għal uffiċjali oħra li ma jistgħux jipparteċipaw direttament f'attivitajiet ta' assistenza u komunikazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-attivitajiet jiġu promossi permezz tal-Bullettin P2P tal-UE.

9.   Viżibbiltà tal-UE

Il-BAFA jenħtieġ li tieħu l-miżuri adatti kollha biex tippubbliċizza l-fatt li l-azzjoni hija ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-miżuri ser jiġu implimentati skont il-manwal dwar il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà għal azzjonijiet esterni tal-Unjoni ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. B'hekk il-BAFA ser tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta' mmarkar u pubbliċità adatti, filwaqt li tenfasizza r-rwol tal-Unjoni u twettaq sensibilizzazzjoni dwar ir-raġunijiet għad-Deċiżjoni, kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għad-Deċiżjoni u r-riżultati ta' dak l-appoġġ. Il-materjal prodott mill-proġett ser juri b'mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni f'konformità mal-linji gwida rilevanti tal-Unjoni, u jinkludi l-logo “programm P2P tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjonijiet”. Jenħtieġ li d-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jiġu involuti f'avvenimenti f'pajjiżi terzi biex jissaħħu s-segwitu politiku u l-viżibbiltà.

Peress li l-attivitajiet ippjanati jvarjaw ħafna fl-iskop u n-natura tagħhom, ser tintuża firxa ta' għodod promozzjonali, inklużi mezzi ta' informazzjoni tradizzjonali, is-sit web, il-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali, materjal informattiv u promozzjonali (inklużi infografika, fuljetti, bullettini, stqarrijiet għall-istampa u oħrajn kif adatt). Il-pubblikazzjonijiet u l-avvenimenti pubbliċi akkwistati taħt il-proġett ser jiġu mmarkati skont dan.

10.   Tul ta' żmien

It-tul ta' żmien totali tal-proġett hu stmat li jkun ta' 24 xahar.

11.   Rappurtar

Il-BAFA għandha tħejji rapporti regolari kull 6 xhur, inkluż wara t-tlestija ta' kull waħda mill-attivitajiet. Ir-rapporti għandhom jiġu ppreżentati lir-Rappreżentant Għoli mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara t-tlestija tal-attivitajiet rilevanti.

12.   Spiża totali stmata tal-proġett u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

L-ispiża totali stmata tal-proġett hija ta' EUR 1 451 597,28 b'kofinanzjament mill-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-ispiża totali stmata tal-proġett iffinanzjat mill-UE hija ta' EUR 1 304 107,28.


(1)  Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.

(2)  https://export-control.jrc.ec.europa.eu/