22.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 16/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/90

tat-22 ta' Jannar 2018

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2074 tat-13 ta' Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074.

(2)

Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Venezwela li jirriaffermaw li d-djalogu kostruttiv u n-negozjati huma l-uniku mod sostenibbli biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali u biex tingħata risposta għall-ħtiġijiet urġenti tal-poplu tal-Venezwela.

(3)

Il-Kunsill, filwaqt li enfasizza t-tħassib tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-pajjiż, adotta miżuri restrittivi u nnota li dawk il-miżuri ser jintużaw b'mod gradwali u flessibbli u jistgħu jiġu estiżi, billi jiffokaw fuq dawk involuti fin-nuqqas ta' rispett tal-prinċipji demokratiċi jew tal-istat tad-dritt u fil-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

(4)

Fid-dawl tad-deterjorazzjoni kontinwata tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, seba' persuni għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Jannar 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 295, 14.11.2017, p. 60.


ANNESS

Il-persuni li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-lista ta' persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness I għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“1.

Néstor Luis Reverol Torres

Data tat-twelid: 28 ta' Ottubru 1964

Ministru għall-Intern, il-Ġustizzja u l-Paċi; ex Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, inkluża l-projbizzjoni u r-repressjoni ta' dimostrazzjonijiet politiċi

22.1.2018

2.

Gustavo Enrique González López

Data tat-twelid: 2 ta' Novembru 1960

Kap tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN). Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem (inklużi d-detenzjoni arbitrarja, trattament inuman u degradanti, u tortura) u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela.

22.1.2018

3.

Tibisay Lucena Ramírez

Data tat-twelid: 26 ta' April 1959

President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral – CNE). L-azzjonijiet u l-politiki tagħha dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż bil-faċilitazzjoni tat-twaqqif ta' Assemblea Kostitwenti billi naqset milli tiżgura li s-CNE jibqa' istituzzjoni imparzjali u indipendenti skont il-Kostituzzjoni tal-Venezwela

22.1.2018

4.

Antonio José Benavides Torres

Data tat-twelid: 13 ta' Ġunju 1961

Kap tal-Gvern tad-Distrett Kapitali (Distrito Capital). Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana sal-21 ta' Ġunju 2017. Involut fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, u responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana taħt il-kmand tiegħu. L-azzjonijiet u l-politiki tiegħu bħala Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, inkluż li l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana tmexxi fis-sorveljanza ta' dimostrazzjonijiet ċivili u t-tħabrik pubbliku biex il-qrati militari jkollhom ġurisdizzjoni fuq il-persuni ċivili, dgħajfu l-istat tad-dritt fil-Venezwela.

22.1.2018

5.

Maikel José Moreno Pérez

Data tat-twelid: 12 ta' Diċembru 1965

President, u ex Viċi President, tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Venezuela (Tribunal Supremo de Justicia). F'dawn ir-rwoli, huwa appoġġa u ffaċilita l-azzjonijiet u l-politiki tal-Gvern li dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u huwa responsabbli għal azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li użurpaw l-awtorità tal-Assemblea Nazzjonali.

22.1.2018

6.

Tarek William Saab Halabi

Data tat-twelid: 10 ta' Settembru 1963

Avukat Ġenerali tal-Venezwela maħtur mill-Assemblea Kostitwenti. F'dan ir-rwol u r-rwoli preċedenti bħala Ombudsman u President tal-Kunsill Morali Repubblikan, huwa dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela billi pubblikament appoġġa azzjonijiet kontra avversarji tal-Gvern u l-irtirar ta' kompetenzi mill-Assemblea Nazzjonali.

22.1.2018

7.

Diosdado Cabello Rondón

Data tat-twelid: 15 ta' April 1963

Membru tal-Assemblea Kostitwenti u l-Ewwel Viċi President tal-Partit Soċjalista Magħqud tal-Venezwela (PSUV). Involut f'azzjonijiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż bl-użu tal-media biex jiġu attakkati u mhedda pubblikament l-oppożizzjoni politika, media oħra u s-soċjetà ċivili.

22.1.2018”