31.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 269/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Lulju 2018

skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1301/2014 dwar is-soluzzjoni innovattiva proposta mill-SNCF Réseau għad-disinn tal-linja sovraposta ta’ konnessjoni biex ikunu permessi veloċitajiet operazzjonali sa 360 km/h

(it-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(2018/C 269/01)

L-analiżi ta’ hawn taħt saret skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja (1) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1301/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interoperabbiltà relatati mas-sottosistema tal-“enerġija” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni (2).

Fit-2 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand SNCF Réseau, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1301/2014, għal opinjoni tal-Kummissjoni dwar soluzzjoni innovattiva proposta mill-SNCF Réseau għad-disinn tal-linja sovraposta ta’ konnessjoni biex ikunu permessi veloċitajiet operazzjonali sa 360 km/h

Il-proposta ta’ SNCF Réseau se testendi minn 320 km/h għal 360 km/h permezz tal-kurva tal-forza medja ta’ kuntatt imsemmija fil-punt 4.2.11 tar-Regolament (UE) Nru 1301/2014.

Wara talba tal-Kummissjoni biex tevalwa s-soluzzjoni teknika proposta mill-SNCF Réseau, fis-16 ta’ April 2018 l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) ħarġet opinjoni dwar il-konformità tas-soluzzjoni innovattiva proposta mill-SNCF Réseau għad-disinn tal-linja sovraposta ta’ konnessjoni biex ikunu permessi veloċitajiet operazzjonali sa 360 km/h mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva (UE) 2016/797.

Fl-opinjoni tagħha, l-Aġenzija tqis li r-riżultati tas-simulazzjonijiet u tal-kejl tat-testijiet mogħtija mill-SNCF Réseau huma biżżejjed u jikkonfermaw li r-rekwiżit fil-punt 4.2.11 tar-Regolament (UE) Nru 1301/2014 jista’ jiġi estiż għal veloċità sa 360 km/h għal sistemi tal-provvista ta’ trazzjoni AC.

Abbażi tal-opinjoni tal-Aġenzija u wara qsim ta’ fehmiet mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797, il-Kummissjoni hi tal-fehma li s-soluzzjoni teknika proposta mill-SNCF Réseau għad-disinn tal-linja sovraposta ta’ konnessjoni biex ikun permess it-tħaddim ta’ ferroviji b’veloċitajiet sa 360 km/h skont id-Direttiva (UE) 2016/797.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni innovattiva msemmija hawn fuq tikkostitwixxi mezz aċċettabbli ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva (UE) 2016/797 u għaldaqstant tista’ tintuża għall-valutazzjoni tal-proġetti.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.

(2)  ĠU L 356, 12.12.2014, p. 179.