19.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/26


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2369

tat-18 ta' Diċembru 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 743/2013 li jintroduċi miżuri ta' protezzjoni dwar l-importazzjonijiet tal-molluski bivalvi mit-Turkija intenzjonati għall-konsum mill-bniedem, rigward il-perjodu tal-applikazzjoni tiegħu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(6) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 743/2013 (2), ġie adottat minħabba li s-servizz tal-awditjar tal-Kummissjoni identifika nuqqasijiet fit-Turkija fl-implimentazzjoni tal-kontrolli uffiċjali tal-produzzjoni tal-molluski bivalvi intenzjonati għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, kif ukoll minħabba li l-Istati Membri rrappurtaw kunsinni mhux konformi ta' molluski bivalvi li oriġinaw mit-Turkija u li ma kinux qed jissodisfaw l-istandards mikrobijoloġiċi tal-Unjoni.

(2)

L-aħħar awditu tas-servizz tal-awditjar tal-Kummissjoni, li sar f'Settembru 2015, sab li kien għad hemm nuqqasijiet sinifikanti fis-sistema ta' kontroll għall-molluski bivalvi intenzjonati għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti Torok ippreżentaw l-informazzjoni dwar il-miżuri korrettivi li nbdew biex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet. Madankollu, uħud minn dawk in-nuqqasijiet, partikolarment fil-prestazzjoni tal-laboratorji, għadhom jeżistu.

(3)

Minħabba n-natura tal-prodotti involuti, jenħtieġ għalhekk li l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 743/2013 tiġi estiża sakemm ikunu nkisbu biżżejjed garanziji, sakemm it-testijiet imwettqa mill-Istati Membri juru l-konformità tal-kunsinni u sakemm awditu ta' segwitu jikkonferma li t-tneħħija tal-miżuri hija possibbli.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 743/2013, id-data “31 ta' Diċembru 2017” tinbidel bid-data “31 ta' Diċembru 2021”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 743/2013 tal-31 ta' Lulju 2013 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni dwar l-importazzjonijiet tal-molluski bivalvi mit-Turkija intenzjonati għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 205, 1.8.2013, p. 1).