|
20.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 341/8 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2359
tal-21 ta' Settembru 2017
li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti ta' informazzjoni u regoli tal-kondotta tal-operazzjonijiet applikabbli għad-distribuzzjoni ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 28(4), l-Artikolu 29(4) u l-Artikolu 30(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva (UE) 2016/97 tipprovdi għal sett ta' standards speċifiċi mmirati li jindirizzaw prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni, apparti standards tal-kondotta tal-operazzjonijiet stipulati għall-prodotti tal-assigurazzjoni kollha. |
|
(2) |
Id-Direttiva (UE) 2016/97 tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati biex tispeċifika aktar il-kriterji u d-dettalji prattiċi għall-applikazzjoni ta' dak is-sett speċifiku ta' regoli. Is-setgħat rilevanti mogħtijin jikkonċernaw regoli dwar kunflitti ta' interess, inċentivi u dwar il-valutazzjoni tal-idoneità u tal-adegwatezza. Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi ta' dawk is-setgħat u sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti fis-suq u l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll l-investituri jkunu pprovduti b'fehim komprensiv u aċċess faċli għal dawn id-dispożizzjonijiet, huwa mixtieq li dawn jiġu inklużi f'att legali wieħed. Il-forma ta' Regolament tiżgura qafas koerenti għall-operaturi tas-suq kollha u hija l-aħjar garanzija possibbli għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni uniformi u standard ta' protezzjoni għal konsumaturi komuni u xieraq. |
|
(3) |
Iċ-ċirkostanzi u s-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tipi ta' kunflitti ta' interess li x'aktarx ikunu ta' ħsara għall-interessi tal-klijenti jew il-klijenti potenzjali jinħtieġ li jkopru l-każijiet fejn l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni x'aktarx li tagħmel qligħ finanzjarju, jew li tevita telf finanzjarju għad-dannu lill-klijent. Madankollu, f'tali sitwazzjonijiet, jinħtieġ li ma jkunx biżżejjed li l-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni tista' tikseb benefiċċju jekk dan ma jirriżultax b'mod speċifiku f'impatt detrimentali għall-klijent, jew li klijent wieħed li l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni li jkollha obbligu tista' tagħmel qligħ jew tevita telf mingħajr ma jkun hemm impatt detrimentali konkomitanti ta' klijent ieħor bħalu. |
|
(4) |
Sabiex jiġu evitati piżijiet amminstrattivi mhux meħtieġa filwaqt li jiġi żgurat livell xieraq ta' protezzjoni ta' klijenti, il-miżuri organizzazzjonali u l-proċeduri għall-immaniġġar tal-kunflitti ta' interess jinħtieġ li jiġu adattati għad-daqs u l-attivitajiet tal-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni u tal-grupp li huma jistgħu jagħmlu parti minnu, u għar-riskju ta' ħsara għall-interessi tal-klijent. Jinħtieġ li tiġi stabbilita lista mhux eżawrjenti ta' miżuri u ta' proċeduri possibbli sabiex tagħti gwida għal intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni fir-rigward ta' miżuri u proċeduri li normalment jinħtieġ li jiġu kkunsidrati għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi. Minħabba l-varjetà ta' mudelli tan-negozj, il-miżuri u l-proċeduri proposti jistgħu ma jkunux ta' rilevanza għall-intermedjarji u l-impriżi kollha tal-assigurazzjoni. Dawn jistgħu, b'mod partikolari, ma jkunux xierqa għal intermedjarji tal-assigurazzjoni żgħar u l-kamp ta' applikazzjoni limitat tagħhom tan-negozju. F'każijiet bħal dawn, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni jew l-impriżi tal-assigurazzjoni jinħtieġ li jkunu kapaċi jadottaw miżuri u proċeduri alternattivi li huma aktar adattati sabiex jiżguraw, fis-sitwazzjoni partikolari tagħhom, li l-attivitajiet ta' distribuzzjoni huma mwettqa b'konformità mal-aħjar interessi tal-klijent. |
|
(5) |
Filwaqt li d-divulgazzjoni ta' kunflitti tal-interess speċifiċi hi meħtieġa skont id-Direttiva (UE) 2016/97, din jinħtieġ li tkun miżura tal-aħħar rikors li għandha tintuża biss jekk l-arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b'fiduċja raġonevoli, li r-riskji ta' ħsara għall-interessi tal-klijenti se jiġu evitati minħabba dipendenza żejda li d-divulgazzjoni tista' tirriżulta f'nuqqas ta' protezzjoni effettiva tal-interessi tal-konsumatur. Id-divulgazzjoni ta' kunflitti ta' interessi minn intermedjarju ta' assigurazzjoni jew impriża ta' assigurazzjoni ma tistax teżentaha mill-obbligu li żżomm u li topera l-arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi li huma l-iktar mezz effettiv għall-prevenzjoni tad-danni lill-konsumaturi. |
|
(6) |
Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni prattika tal-istandards stabbiliti mid-Direttiva, il-kriterji għall-valutazzjoni ta' inċentivi mħallsa jew riċevuti minn intermedjarji tal-assigurazzjoni u impriżi tal-assigurazzjoni jinħtieġ li jkunu stabbiliti f'aktar dettall. Għal dan il-għan, lista mhux eżawrjenti ta' kriterji meqjusa bħala rilevanti għall-valutazzjoni tal-possibilità ta' impatt detrimentali fuq il-kwalità tas-servizz lill-klijent jinħtieġ li tiġi pprovduta bħala gwida biex jiġi żgurat livell xieraq ta' protezzjoni tal-klijenti. |
|
(7) |
Il-valutazzjoni tal-idoneità stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97 u l-valutazzjoni tal-adegwatezza stabbilita fl-Artikolu 30(2) ta' din id-Direttiva għandhom kamp ta' applikazzjoni differenti fir-rigward l-attivitajiet ta' distribuzzjoni li jirrelataw għalihom, u għandhom funzjonijiet u karatteristiċi differenti. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu speċifikati b'mod ċar l-istandards u r-rekwiżiti li għandhom jiġu rispettati biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għal kull waħda minn dawk il-valutazzjonijiet u fit-twettiq tal-valutazzjonijiet. Jinħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li l-valutazzjonijiet tal-idoneità u l-adegwatezza huma mingħajr preġudizzju għall-obbligu, għal intermedjarji tal-assigurazzjoni u impriżi tal-assigurazzjoni, biex jispeċifikaw, qabel il-konklużjoni ta' kwalunkwe kuntratt tal-assigurazzjoni, fuq il-bażi ta' informazzjoni pprovduta mill-klijent, id-domandi u l-bżonnijiet ta' dak il-klijent. |
|
(8) |
Jinħtieġ li l-valutazzjoni tal-idoneità titwettaq mhux biss f'dak li għandu x'jaqsam ma' rakkomandazzjonijiet biex tixtri prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, iżda għar-rakkomandazzjonijiet personali kollha magħmula matul il-ħajja ta' dak il-prodott, peress li sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jimplikaw pariri fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji li jinħtieġ li jkunu bbażati fuq analiżi fil-fond tal-għarfien u l-esperjenza u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent individwali. Il-ħtieġa għal valutazzjoni tal-idoneità hija partikolarment b'saħħitha fejn jidħlu d-deċiżjonijiet biex jibdlu l-assi sottostanti ta' investiment jew li jżommu jew ibigħu prodotti ta' investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni. |
|
(9) |
Billi l-iskopertura tas-suq tal-prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni tiddependi ħafna fuq l-għażla ta' assi ta' investiment sottostanti, prodott bħal dan jista' ma jkunx addattat għall-klijent jew għall-klijent potenzjali minħabba r-riskji ta' dawk l-assi, it-tip jew il-karatteristiċi tal-prodott jew il-frekwenza ta' tibdil ta' assi ta' investiment sottostanti. Hija tista' wkoll ma tkunx addattata jekk dan jista' jirriżulta f'portafoll mhux addattat tal-investimenti sottostanti. |
|
(10) |
Jinħtieġ li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni jibqgħu responsabbli biex iwettqu valutazzjonijiet tal-idoneità fejn parir dwar prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni jingħata b'mod sħiħ jew parzjalment permezz ta' sistema awtomatizzata jew semiawtomatizzata ladarba tali sistemi qed jipprovdu rakkomandazzjonijiet ta' investiment personali li jinħtieġ li jkunu bbażati fuq valutazzjoni tal-adegwatezza. |
|
(11) |
Sabiex jiġi żgurat standard xieraq ta' pariri rigward l-iżvilupp fit-tul tal-prodott, jinħtieġ li l-intermedjarji tal-assigurazzjoni jew l-impriżi tal-assigurazzjoni jinkludu d-dikjarazzjoni dwar l-idoneità, u jiġbdu l-attenzjoni tal-klijenti għal, informazzjoni dwar jekk prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni rakkomandati x'aktarx jirrikjedu li l-klijent jiġi mitlub ifittex reviżjoni perjodika tal-arranġament tagħhom. |
|
(12) |
Il-valutazzjoni ta' adegwatezza għandha, fil-prinċipju, tiġi mwettqa fil-każijiet kollha fejn prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni jinbiegħu mingħajr parir, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni jinħtieġ li jwettqu valutazzjoni bħal din fis-sitwazzjonijiet kollha fejn, f'konformità mar-regoli applikabbli tal-liġi nazzjonali, il-klijent jeħtieġ bejgħ mingħajr parir u jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva (UE) 2016/97 ma jkunux sodisfati. F'każijiet fejn valutazzjoni tal-idoneità ma tistax issir minħabba li l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent kif ukoll dwar l-objettivi ta' investiment tiegħu ma jistgħux jinkisbu, il-klijent jista' jaqbel, f'konformità mar-regoli applikabbli tal-liġi nazzjonali, li jipproċedi biex jikkonkludi l-kuntratt bħala bejgħ mingħajr parir. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-klijent ikollu l-esperjenza u l-għarfien neċessarji biex jifhem ir-riskji involuti, jinħtieġ li l-valutazzjoni ta' adegwatezza tkun meħtieġa f'sitwazzjonijiet bħal dawn, sakemm ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva (UE) 2016/97. |
|
(13) |
Għall-finijiet tal-punt (a)(ii) tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva (UE) 2016/97, jinħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji għall-evalwazzjoni ta' jekk prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva (UE) 2016/97, jista' madankollu jitqies bħala prodott mhux kumpless. F'dan il-kuntest, l-għoti ta' garanziji jista' jaqdi rwol importanti. Jekk prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni jipprovdi garanzija mal-maturità li tkopri mill-inqas l-ammont totali mħallas mill-klijent, bl-esklużjoni tal-ispejjeż leġittimi, garanzija bħal din tillimita b'mod sinifikanti l-punt sa fejn il-klijent ikun espost għall-fluttwazzjonijiet tas-suq. Għalhekk jista' jkun iġġustifikat li tali prodott jiġi kkunsidrat, soġġett għal kundizzjonijiet oħra, bħala prodott mhux kumpless għall-finijiet tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva (UE) 2016/97. |
|
(14) |
Id-Direttiva (UE) 2016/97 timmira lejn armonizzazzjoni minima u għalhekk ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew idaħħlu dispożizzjonijiet aktar rigorużi biex jipproteġu lill-konsumaturi, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu konsistenti mal-liġi tal-Unjoni. Kull dispożizzjoni adottata mill-Kummissjoni għall-finijiet li tkompli tispeċifika r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva (UE) 2016/97 b'hekk jinħtieġ li tkun imfassla b'tali mod li tippermetti lill-Istati Membri biex iżommu dispożizzjonijiet aktar stretti fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. |
|
(15) |
Sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-professjonisti tal-assigurazzjoni jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda li jinsabu f'dan ir-Regolament, jinħtieġ li d-data tal-bidu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tkun allinjata mad-dħul fis-seħħ tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2016/97. |
|
(16) |
L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ġiet ikkonsultata għal parir tekniku (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għal distribuzzjoni ta' assigurazzjoni b'rabta mal-bejgħ ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni mwettqa minn intermedjarji tal-assigurazzjoni jew minn impriżi tal-assigurazzjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“persuna rilevanti” b'rabta ma' intermedjarju ta' assigurazzjoni jew impriża ta' assigurazzjoni, tfisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
|
|
(2) |
“inċentiv” tfisser kwalunkwe tariffa, kummissjoni jew kwalunkwe benefiċċju mhux monetarju pprovdut minn jew lil tali intermedjarju jew impriża b'rabta mad-distribuzzjoni ta' prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, lil jew minn kwalunkwe parti ħlief il-klijent involut fit-tranżazzjoni inkwistjoni jew minn persuna li taġixxi għan-nom ta' dak il-klijent; |
|
(3) |
“skema ta' inċentiv” tfisser sett ta' regoli li jirregolaw il-pagament ta' inċentivi, inklużi l-kundizzjonijiet li bihom jitħallsu l-inċentivi. |
KAPITOLU II
KUNFLITTI TA' INTERESS U INĊENTIVI
Artikolu 3
Identifikazzjoni ta' kunflitti ta' interess
1. Għall-finijiet li jiġu identifikati, skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2016/97, it-tipi ta' kunflitti ta' interess li jinbtu matul it-twettiq ta' xi attivitajiet ta' distribuzzjoni ta' assigurazzjoni b'rabta ma' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni u li jinvolvu riskju ta' ħsara għall-interessi ta' klijent, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jivvalutaw jekk dawn, persuna rilevanti jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta magħhom permezz tal-kontroll, ikollhom interess fl-eżitu tal-attivitajiet ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni, li jissodisfa l-kriterji li ġejjin:
|
(a) |
din hija distinta mill-interess tal-klijenti jew tal-klijenti potenzjali fir-riżultat tal-attivitajiet ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni; |
|
(b) |
din għandha l-potenzjal li tinfluwenza l-eżitu tal-attivitajiet ta' distribuzzjoni għad-detriment tal-klijent. |
L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jipproċedu bl-istess mod għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta' kunflitti ta' interess bejn klijent wieħed u ieħor.
2. Għall-finijiet tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 1, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, permezz ta' kriterji minimi, is-sitwazzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni, persuna rilevanti jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta magħhom permezz tal-kontroll x'aktarx jagħmlu gwadann finanzjarju, jew jevitaw telf finanzjarju, għad-dannu ta' klijent potenzjali; |
|
(b) |
l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni, persuna rilevanti jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta magħhom għandhom inċentiv finanzjarju jew inċentiv ieħor biex jiffavorixxu l-interess ta' klijent jew grupp ta' klijent ieħor għad-dannu tal-interess tal-klijent; |
|
(c) |
l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni, persuna rilevanti jew persuna direttament jew indirettament marbuta permezz ta' kontroll ma' intermedjarju ta' assigurazzjoni jew impriża ta' assigurazzjoni hija sostanzjalment involuta fil-ġestjoni jew l-iżvilupp ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni, b'mod partikolari fejn tali persuna għandha influwenza fuq l-iffissar tal-prezz ta' dawn il-prodotti jew spejjeż ta' distribuzzjoni. |
Artikolu 4
Kunflitti ta' politika ta' interess
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 27 tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom ikunu mistennija jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politika effettiva ta' kunflitti ta' interess stabbilita bil-miktub u addattata għad-daqs u għall-organizzazzjoni u n-natura tagħhom, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tagħhom.
Jekk l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni tkun membru ta' grupp, il-politika għandha tqis ukoll kull ċirkostanza li tagħha l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni hi jew għandha tkun konxja minnha, li jistgħu jagħtu lok għal kunflitt ta' interess li jinħoloq b'riżultat tal-istruttura u l-attivitajiet tan-negozju ta' membri oħrajn fil-grupp.
2. Il-politika tal-kunflitti ta' interess stabbilita skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi l-kontenut li ġej:
|
(a) |
b'referenza speċifika għall-attivitajiet ta' distribuzzjoni ta' assigurazzjoni mwettqa, iċ-ċirkostanzi li jikkostitwixxu jew li jistgħu jagħtu lok għal kunflitt ta' interess li fih riskju ta' ħsara għall-interessi ta' klijent wieħed jew aktar; |
|
(b) |
il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex jiġu ġestiti tali kunflitti u jinżammu milli ssir ħsara għall-interessi tal-klijent. |
Artikolu 5
Il-proċeduri u l-miżuri skont il-kunflitti tal-politika ta' interess
1. Il-proċeduri u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) għandhom ikunu xierqa għad-daqs u l-attivitajiet tal-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni u tal-grupp li huma jistgħu jagħmlu parti minnu, u għar-riskju ta' ħsara għall-interessi tal-klijent.
Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 4(2)(b) għandhom jinkludu, fejn xieraq, dan li ġej:
|
(a) |
proċeduri effettivi biex jipprevjenu jew jikkontrollaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn persuni rilevanti involuti f'attivitajiet li jinvolvu riskju ta' kunflitt ta' interessi meta l-iskambju ta' dik l-informazzjoni jista' jkun ta' ħsara għall-interessi ta' klijent wieħed jew iżjed; |
|
(b) |
is-superviżjoni separata ta' persuni rilevanti li l-funzjonijiet prinċipali tagħhom ikunu jinvolvu t-twettiq ta' attivitajiet f'isem ta', jew li jipprovdu servizzi, lil klijenti jew investituri li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu konfliġġenti, jew li b'xi mod ieħor ikunu jirrappreżentaw interessi differenti li jistgħu jkunu konfliġġenti, inklużi dawk tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni; |
|
(c) |
it-tneħħija ta' kull rabta diretta bejn il-pagamenti, inkluża r-rimunerazzjoni ta' persuni rilevanti involuti prinċipalment f'attività waħda u pagamenti, inkluża r-rimunerazzjoni, lil persuni rilevanti differenti involuti prinċipalment f'attività oħra, fejn jista' jinħoloq kunflitt ta' interess marbut ma' dawk l-attivitajiet; |
|
(d) |
miżuri biex jipprevjenu jew jillimitaw lil kwalunkwe persuna milli teżerċita influwenza mhux xierqa fuq il-mod ta' kif attivitajiet ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni huma mwettqa minn intermedjarju tal-assigurazzjoni jew impriża tal-assigurazzjoni jew il-maniġers tagħhom jew l-impjegati jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta magħhom permezz tal-kontroll; |
|
(e) |
miżuri ta' prevenzjoni jew kontroll tal-involviment simultanju jew sekwenzjali ta' persuna rilevanti f'attivitajiet separati ta' distribuzzjoni ta' assigurazzjoni fejn dan l-involviment jista' jdgħajjef l-immaniġġar tajjeb tal-kunflitti ta' interess; |
|
(f) |
politika ta' rigali u benefiċċji li tiddetermina b'mod ċar taħt liema kundizzjonijiet rigali u benefiċċji jistgħu jiġu aċċettati jew mogħtija u liema passi għandhom jittieħdu fl-aċċettazzjoni u l-għoti ta' rigali u benefiċċji. |
2. Jekk l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni jistgħu juru li l-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux xierqa biex jiġi żgurat li attivitajiet ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni huma mwettqa skont l-aħjar interess tal-klijent u li ma jkunux ippreġudikati minħabba kunflitti ta' interessi tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni, l-impriża tal-assigurazzjoni jew klijent ieħor, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jadottaw miżuri alternattivi adegwati u proċeduri għal dak l-għan.
Artikolu 6
Divulgazzjoni
1. L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jevitaw dipendenza żejda fuq divulgazzjoni biex jiżguraw li d-divulgazzjoni lil klijenti, skont l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva (UE) 2016/97, hi l-aħħar miżura li tista' tintuża biss fejn l-arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi effettivi stabbiliti mill-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni biex jevitaw jew jimmaniġġaw kunflitti ta' interess skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva (UE) 2016/97 ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b'kunfidenza raġonevoli, li r-riskju ta' danni għall-interessi tal-klijenti se jiġi evitat.
2. Għall-finijiet ta' divulgazzjoni tal-kunflitti ta' interess l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jagħmlu l-affarijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
jipprovdu deskrizzjoni speċifika tal-kunflitt ta' interessi inkwistjoni; |
|
(b) |
jispjegaw in-natura ġenerali u s-sorsi tal-kunflitt ta' interess; |
|
(c) |
jispjegaw ir-riskji għall-konsumaturi li jirriżultaw bħala riżultat tal-kunflitt ta' interess u l-passi meħuda biex jimmitigaw dawk ir-riskji; |
|
(d) |
jiddikjaraw b'mod ċar li l-arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi stabbiliti mill-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew mill-impriża tal-assigurazzjoni biex jevitaw jew jimmaniġġaw il-kunflitt ta' interess mhumiex suffiċjenti biex jiġi żgurat, b'fiduċja raġonevoli, li r-riskji tal-ħsara għall-interessi tal-klijent se jiġu evitati. |
Artikolu 7
Reviżjoni u żamma ta' rekords
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 27 tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jivvalutaw u jirrevedu perjodikament, tal-anqas fuq bażi annwali, il-politika dwar il-kunflitti ta' interess stabbilita skont l-Artikolu 4 u jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jindirizzaw kwalunkwe nuqqas.
2. L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom iżommu u jaġġornaw b'mod regolari rekord tas-sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm kunflitt ta' interess li fih riskju ta' ħsara għall-interessi ta' klijent li jkun inqala', fil-każ ta' servizz jew attività li tkun għaddejja.
Il-maniġment superjuri, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jirċievu fuq bażi frekwenti, u tal-anqas kull sena, rapporti bil-kitba dwar is-sitwazzjonijiet riferiti fl-ewwel subparagrafu.
Artikolu 8
Valutazzjoni tal-inċentivi u l-iskemi ta' inċentivi
1. Inċentivi jew skema ta' inċentivi għandha titqies li jkollha impatt detrimentali fuq il-kwalità tas-servizz rilevanti għall-klijent meta tkun ta' tali natura u daqs li tipprovdi inċentiv biex jitwettqu attivitajiet ta' distribuzzjoni tal-assigurazzjoni b'tali mod li ma jkunux f'konformità mal-obbligu li jaġixxu b'mod onest, ġust u professjonali skont l-aħjar interessi tal-klijent.
2. Għall-finijiet li jiġi vvalutat jekk inċentivi jew skema ta' inċentivi għandha impatt detrimentali fuq il-kwalità tas-servizz rilevanti għall-klijent, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom iwettqu analiżi globali billi jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha li jistgħu jżidu jew inaqqsu r-riskju ta' impatt detrimentali fuq il-kwalità tas-servizz rilevanti għall-klijent, u kwalunkwe miżuri organizzazzjonali meħuda mill-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni li qed iwettqu attivitajiet ta' distribuzzjoni li jipprevjenu r-riskju ta' impatt detrimentali.
B'mod partikolari, huma għandhom jikkunsidraw il-kriterji li ġejjin:
|
(a) |
jekk inċentivi jew skema ta' inċentivi tista' tipprovdi inċentiv sabiex l-intermedjarju jew impriża tal-assigurazzjoni jkunu jistgħu joffru jew jirrakkomandaw prodott tal-assigurazzjoni partikolari jew servizz partikolari lill-klijent, minkejja l-fatt li l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni jkunu jistgħu joffru prodott tal-assigurazzjoni differenti jew servizz li jilħaq aħjar il-ħtiġijiet tal-klijent; |
|
(b) |
jekk inċentivi jew skema ta' inċentivi tkun kompletament jew fil-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati fuq kriterji kwantitattivi kummerċjali jew jekk dan iqis xieraq kriterji kwalitattivi, li tirrifletti l-konformità mar-regolamenti applikabbli, il-kwalità tas-servizzi provduti lill-klijenti u s-sodisfazzjon tal-konsumatur; |
|
(c) |
il-valur tal-inċentiv imħallas jew riċevut f'relazzjoni mal-valur tal-prodotti u tas-servizzi pprovduti; |
|
(d) |
kemm jekk l-inċentiv huwa totalment jew prinċipalment imħallas fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta' assigurazzjoni jew jestendi matul it-terminu sħiħ ta' dak il-kuntratt; |
|
(e) |
l-eżistenza ta' mekkaniżmu xieraq għar-riklamazzjoni ta' inċentiv f'każ li l-prodott jiskadi jew jiġi rtirat fi stadju bikri jew f'każ li l-interessi tal-klijent jkunu ġarrbu ħsara; |
|
(f) |
l-eżistenza ta' kwalunkwe forma ta' limitu varjabbli jew kontinġenti jew kwalunkwe tip ieħor ta' valur tal-aċċelleratur li hu miftuħ billi jilħaq mira bbażata fuq il-volum jew il-valur tal-bejgħ. |
KAPITOLU III
VALUTAZZJONI TAL-IDONEITÀ U L-ADEGWATEZZA
TAQSIMA 1
Valutazzjoni tal-idoneità
Artikolu 9
Informazzjoni li għandha tinkiseb għall-għanijiet tal-valutazzjoni tal-idoneità
1. Bl-iskop li jiġi pprovdut parir dwar prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni jew l-impriżi tal-assigurazzjoni għandu jiddeterminaw il-firxa tal-informazzjoni li trid tinġabar mingħand il-klijent jew klijent potenzjali fid-dawl tal-karatteristiċi kollha li l-parir jingħata lill-klijent jew klijent potenzjali.
2. Mingħajr preġudizzju għall-fatt li, skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, kwalunkwe kuntratt propost għandu jkun konsistenti mad-domandi u l-ħtiġijiet tal-klijent, intermedjarji jew impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jiksbu mingħand il-klijenti jew klijenti potenzjali dik l-informazzjoni li tkun meħtieġa għalihom biex jifhmu l-fatti essenzjali dwar klijent jew klijent potenzjali u li jkollhom bażi raġonevoli biex jiġi ddeterminat li rakkomandazzjonijiet personali lill-klijent jew klijent potenzjali jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:
|
(a) |
jissodisfaw l-objettivi ta' investiment tal-klijenti jew il-klijenti potenzjali, inkluża t-tolleranza tar-riskju ta' dik il-persuna; |
|
(b) |
jissodisfaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijenti jew il-klijenti potenzjali, inkluża l-abbiltà ta' dik il-persuna li ġġarrab telf; |
|
(c) |
huwa tali li l-klijent jew il-klijenti potenzjali għandhom l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa fil-qasam ta' investiment rilevanti għat-tip speċifiku ta' prodott jew servizz. |
3. L-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijenti jew il-klijenti potenzjali, inkluż il-kapaċità ta' dik il-persuna li ġġarrab telf, għandha tinkludi, meta rilevanti, l-informazzjoni dwar is-sors u l-limitu tal-klijenti jew il-klijenti potenzjali ta' dħul regolari, tal-assi, inklużi assi likwidi, l-investimenti u l-beni immobbli, u l-impenji finanzjarji regolari. Il-livell ta' informazzjoni miġbura għandha tkunu xierqa għat-tip speċifiku ta' prodott jew servizz li qed jiġi kkunsidrat.
4. L-informazzjoni dwar l-objettivi ta' investiment tal-klijenti jew tal-klijenti potenzjali, inkluża t-tolleranza tar-riskju ta' dik il-persuna, għandha tinkludi, meta rilevanti, informazzjoni dwar id-durata li għaliha l-klijent jew il-klijent potenzjali jixtieq iżomm l-investiment, il-preferenzi tiegħu fejn jidħol it-teħid tar-riskju, il-profil tar-riskju tiegħu, u l-finijiet tal-investiment. Il-livell ta' informazzjoni miġbura għandu jkun xieraq għat-tip speċifiku ta' prodott jew servizz li qed jiġi kkunsidrat.
5. Jekk l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni ma tiksibx l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni ma għandhomx jagħtu parir dwar prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni lill-klijent jew klijent potenzjali.
6. Jekk jiġi pprovdut parir dwar prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, intermedjarju tal-assigurazzjoni jew impriża tal-assigurazzjoni ma għandhomx jagħmlu rakkomandazzjoni meta l-ebda prodott mhu xieraq għall-klijent jew klijent potenzjali.
7. Meta jagħtu l-parir li jinvolvi bdil bejn l-assi ta' investiment sottostanti, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom ukoll jiġbru l-informazzjoni meħtieġa dwar l-assi ta' investiment sottostanti eżistenti tal-klijent u l-assi ta' investiment ġodda rrakkomandati u għandhom iwettqu analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji mistennija tal-bidla, b'tali mod li jkunu raġonevolment kapaċi li juru li l-benefiċċji tal-bdil huma mistennija jkunu akbar mill-kostijiet.
Artikolu 10
Kredibilità tal-informazzjoni
L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni miġbura dwar il-klijenti u l-klijenti potenzjali għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-idoneità hija kredibbli. Tali passi għandhom jinkludu, imma mhumiex limitati għal, dan li ġej:
|
(a) |
l-iżgurar li l-klijenti huma konxji tal-importanza li jipprovdu informazzjoni preċiża u aġġornata; |
|
(b) |
l-iżgurar li l-għodod kollha, bħall-għodod tal-profili tal-valutazzjoni tar-riskju jew għodod li jivvalutaw l-għarfien u l-esperjenza tal-klijent, imħaddma fil-proċess tal-valutazzjoni ta' idoneità huma adatti għall-iskop tagħhom u huma mfassla b'mod xieraq għall-użu mal-klijenti tagħhom, bi kwalunkwe limitu identifikat u mitigat b'mod attiv permezz tal-proċess tal-valutazzjoni ta' idoneità; |
|
(c) |
l-iżgurar li l-mistoqsijiet użati fil-proċess huma probabbli li jinftiehmu mill-konsumaturi u sabiex jinqabad rifless preċiż tal-objettivi u l-ħtiġijiet tal-klijent u l-informazzjoni meħtieġa biex titwettaq valutazzjoni tal-idoneità; |
|
(d) |
it-teħid ta' passi, kif xieraq, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-informazzjoni tal-klijent, bħall-ikkunsidrar ta' jekk hemmx ineżattezzi ovvji fl-informazzjoni pprovduta mill-klijent. |
Artikolu 11
Komunikazzjoni mal-klijenti rigward il-valutazzjoni tal-idoneità
L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni ma għandhom joħolqu l-ebda ambigwità jew konfużjoni dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom fil-proċess li jivvalutaw l-idoneità ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97. L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jinfurmaw lill-klijenti, b'mod ċar u sempliċi, li r-raġuni għall-valutazzjoni tal-idoneità huwa li jippermettulhom li jaġixxu fl-aqwa interess tal-klijent.
Artikolu 12
Parir awtomizzat
Ir-responsabbiltà tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni tal-awditur biex iwettqu valutazzjoni tal-idoneità skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97 ma għandhiex tonqos minħabba li parir dwar prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni jingħata b'mod sħiħ jew parzjalment permezz ta' sistema semiawtomatizzata jew awtomatizzata.
Artikolu 13
Assigurazzjoni ta' grupp
Fir-rigward ta' grupp ta' assigurazzjoni, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw politika dwar min għandu jkun soġġett għal valutazzjoni tal-idoneità f'każ li jiġi konkluż kuntratt tal-assigurazzjoni f'isem grupp ta' membri u kull membru individwali ma jistax jieħu deċiżjoni individwali biex jidħol fih. Tali politika għandha tinkludi wkoll regoli dwar kif din il-valutazzjoni se ssir fil-prattika, inkluża kif se tinġabar informazzjoni dwar l-għarfien u l-esperjenza, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-objettivi ta' investiment.
L-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jirreġistraw il-politika stabbilita skont l-ewwel paragrafu.
Artikolu 14
Stqarrija ta' idoneità
1. Jekk jiġi pprovdut parir dwar l-idoneità ta' prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jipprovdu dikjarazzjoni lill-klijent (dikjarazzjoni ta' idoneità) li tinkludi dan li ġej:
|
(a) |
deskrizzjoni tal-parir mogħti; |
|
(b) |
informazzjoni dwar kif ir-rakkomandazzjoni provduta hi adatta għall-klijent, b'mod partikolari dwar kif tista' tissodisfa:
|
2. L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-klijenti, u għandhom jinkludu d-dikjarazzjoni dwar l-idoneità, l-informazzjoni dwar jekk prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni rakkomandati hux probabbli li twassal lill-klijent biex jiġi mitlub ifittex rieżami perjodiku tal-arranġamenti tagħhom.
3. Jekk intermedjarju ta' assigurazzjoni jew impriża ta' assigurazzjoni jkunu infurmaw lill-klijent li se jwettqu valutazzjoni perjodika dwar l-idoneità, id-dikjarazzjonijiet sussegwenti wara li l-ewwel servizz ikun stabbilit jistgħu jkunu limitati għal bidliet f'servizzi jew assi ta' investiment sottostanti, u/jew iċ-ċirkostanzi tal-klijent, mingħajr ma jiġu ripetuti d-dettalji kollha li jinsabu fl-ewwel dikjarazzjoni.
4. L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni li jipprovdu valutazzjoni perjodika dwar l-idoneità għandhom jirrevedu, f'konformità mal-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom, l-adegwatezza ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni rakkomandati mill-inqas kull sena. Il-frekwenza ta' din il-valutazzjoni għandha tiżdied skont il-karatteristiċi tal-klijent, bħalma huma t-tolleranza tar-riskju, u n-natura tal-prodott ta' investiment rakkomandat ibbażat fuq l-assigurazzjoni.
TAQSIMA 2
Valutazzjoni tal-adegwatezza
Artikolu 15
Proċedura ta' valutazzjoni
Mingħajr preġudizzju għall-fatt li, skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, kwalunkwe kuntratt propost għandu jkun konsistenti mad-domandi u l-bżonnijiet tal-klijent, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni jew l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom jiddeterminaw jekk il-klijent ikollu l-għarfien u l-esperjenza neċessarji biex jifhem ir-riskji involuti fir-rigward tal-prodott jew tas-servizz propost jew mitlub meta jivvalutaw jekk servizz jew prodott tal-assigurazzjoni mqassam skont l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva (UE) 2016/97 huwiex xieraq għall-klijent.
Artikolu 16
prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni mhux kumplessi
Prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux kumpless għall-finijiet tal-Artikolu 30(3)(a)(ii) tad-Direttiva (UE) 2016/97, fejn dan jissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:
|
(a) |
huwa jinkludi valur ta' maturità minimu garantit kuntrattwalment li tal-inqas hu l-ammont imħallas mill-konsumatur wara t-tnaqqis ta' spejjeż leġittimi; |
|
(b) |
ma għandux ikun fih klawżola, kundizzjoni jew jikkawża b'tali mod li tħalli l-impriża ta' assigurazzjoni li materjalment tbiddel in-natura, il-profil tar-riskju, jew il-pagament tal-prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni; |
|
(c) |
jipprovdi opzjonijiet għal tisrif jew b'xi mod ieħor jirrealizza l-prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni għal valur li jkun disponibbli għall-klijent; |
|
(d) |
li ma jinkludu l-ebda ħlasijiet espliċiti jew impliċiti li għandhom l-effett li, għalkemm teknikament hemm għażliet għal tisrif jew xort'oħra ta' realizzar tal-prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, dan jista' jikkawża ħsara irraġonevoli għall-klijent billi l-ħlasijiet jkunu sproporzjonati għall-ispiża lill-impriża tal-assigurazzjoni; |
|
(e) |
bl-ebda mod ieħor ma jinkorporaw struttura li tagħmilha diffiċli għall-konsumatur li jifhem ir-riskji involuti. |
TAQSIMA 3
Dispożizzjonijiet komuni għall-valutazzjoni tal-idoneità u l-adegwatezza
Artikolu 17
Informazzjoni li għandha tinkiseb mill-klijent
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-informazzjoni meħtieġa għandha tinkiseb permezz ta' intermedjarji tal-assigurazzjoni u impriżi ta' assigurazzjoni fir-rigward il-klijenti jew l-għarfien u l-esperjenza rilevanti ta' klijenti potenzjali fil-qasam tal-investiment għandha tinkludi, fejn ikun relevanti, dan li ġej, sa fejn addattat għan-natura tal-klijent, u n-natura u t-tip ta' prodott jew servizz offrut jew mitlub, inklużi l-kumplessità tagħhom u r-riskji involuti:
|
(a) |
it-tipi ta' servizz, it-tranżazzjoni, il-prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni jew strument finanzjarju li magħhom il-klijent jew klijent potenzjali huwa familjari; |
|
(b) |
in-natura, in-numru, il-valur u l-frekwenza tat-tranżazzjonijiet tal-klijenti jew ta' klijenti potenzjali fi prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni jew strumenti finanzjarji u l-perjodu li tulu twettqu; |
|
(c) |
il-livell ta' edukazzjoni, u l-professjoni jew il-professjoni rilevanti preċedenti tal-klijent jew tal-klijent potenzjali. |
2. L-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni ma għandhomx jiskoraġġixxu lil klijent jew klijent potenzjali milli jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2016/97.
3. Meta l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 30(1) jew (2) tad-Direttiva (UE) 2016/97 diġà ġiet miksuba skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni ma għandhomx jitolbuha mill-ġdid mingħand il-klijent.
4. L-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom ikunu intitolati li jiddependu fuq l-informazzjoni pprovduta mill-klijenti jew mill-klijenti potenzjali sakemm ma jkunux konxji jew imisshom ikunu konxji li l-informazzjoni hija mingħajr dubju skaduta, ineżatta jew mhux kompluta.
Artikolu 18
Rapport perjodiku
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 185 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni għandhom jipprovdu lill-klijent b'rapport perjodiku, fuq mezz li jservi għal żmien twil, tas-servizzi pprovduti u tat-tranżazzjonijiet imwettqa f'isem il-klijent.
2. Ir-rapport perjodiku meħtieġ skont il-paragrafu 1 għandu jipprovdi analiżi ġusta u bilanċjata tas-servizzi pprovduti lil u tranżazzjonijiet imwettqa f'isem dak il-klijent matul il-perjodu tar-rapportar u għandu jinkludi, jekk rilevanti, l-ispejjeż totali assoċjati ma' dawn is-servizzi u t-tranżazzjonijiet, u l-valur ta' kull assi ta' investiment sottostanti.
3. Ir-rapport perjodiku meħtieġ skont il-paragrafu 1 għandu jiġi pprovdut mill-inqas kull sena.
Artikolu 19
Żamma ta' rekords
1. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-intermedjarji tal-assigurazzjoni u l-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom iżommu rekords għall-valutazzjoni tal-idoneità jew tal-adegwatezza mwettqa f'konformità mal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2016/97. Ir-rekords għandhom jinkludu l-informazzjoni miksuba mill-konsumatur u kwalunkwe dokumenti miftiehma mal-klijent, inklużi dokumenti li jistabbilixxu d-drittijiet tal-partijiet, kif ukoll kundizzjonijiet oħra li skonthom l-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni se jipprovdu servizzi lill-klijent. Tali rekords għandhom jinżammu għal mill-anqas għat-tul tar-relazzjoni bejn l-intermedjarju jew l-impriża tal-assigurazzjoni u l-klijent.
2. Fil-każ ta' valutazzjoni ta' idoneità meħuda skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, ir-rekord għandu jinkludi wkoll dawn li ġejjin:
|
(a) |
ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-idoneità; |
|
(b) |
ir-rakkomandazzjoni mogħtija lill-klijent u d-dikjarazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 14(1) ta' dan ir-Regolament; |
|
(c) |
kwalunkwe bidliet li jsiru mill-intermedjarju ta' assigurazzjoni jew l-impriża ta' assigurazzjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-idoneità, b'mod partikolari kwalunkwe bidla għat-tolleranza tar-riskju tal-klijent; |
|
(d) |
kwalunkwe bidla fl-assi sottostanti ta' investiment. |
3. Fil-każ ta' valutazzjoni ta' idoneità meħuda skont l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva (UE) 2016/97, ir-rekord għandu jinkludi wkoll dawn li ġejjin:
|
(a) |
ir-riżultat ta' valutazzjoni tal-adegwatezza; |
|
(b) |
kwalunkwe twissija mogħtija lill-klijent fejn il-prodott ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni ġie vvalutat bħala potenzjalment mhux xieraq għall-klijent, jekk il-klijent talab biex jipproċedi biex jikkonkludi l-kuntratt minkejja t-twissija u, jekk applikabbli, jekk l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni aċċettaw it-talba tal-klijent biex jipproċedu bil-konklużjoni tal-kuntratt; |
|
(c) |
kwalunkwe twissija mogħtija lill-klijent fejn il-klijent ma pprovdix informazzjoni suffiċjenti biex jippermetti lill-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni biex jivvalutaw l-adegwatezza tal-prodott ta' investiment ibbażat fuq assigurazzjoni, kemm jekk il-klijent talab biex jipproċedi bil-konklużjoni tal-kuntratt minkejja t-twissija u, jekk applikabbli, jekk l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew l-impriża tal-assigurazzjoni aċċettaw it-talba tal-klijent biex jipproċedu bil-konklużjoni tal-kuntratt. |
4. Ir-rekords għandhom jibqgħu jinżammu f'mezz li jippermetti l-ħażna tal-informazzjoni b'mod aċċessibbli għal referenza fil-futur mill-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha tkun tista' taċċessahom malajr, biex tirrikostitwixxi kull element b'mod ċar u preċiż u biex tidentifika faċilment kull tibdil, korrezzjoni jew emendi oħra, u l-kontenut tar-rekords qabel tali modifiki.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 20
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan japplika mit-23 ta' Frar 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Settembru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
(3) Parir Tekniku dwar atti delegati possibbli dwar id-Direttiva tad-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni, EIOPA-17/048, l-1 ta' Frar 2017, jinsab hawnhekk: https://eiopa.europa.eu/Publications/Consultations/EIOPA%20Technical%20Advice%20on%20the%20IDD.pdf
(4) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassikurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1)
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).