|
15.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 335/1 |
REGOLAMENT (UE) 2017/2305 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-12 ta' Diċembru 2017
li jemenda d-Direttiva (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward it-tibdil fir-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u fir-riżorsi għall-investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi u l-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet komuni u ġenerali applikabbli għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. |
|
(2) |
F'konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (3) u l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fl-2016 il-Kummissjoni rrieżaminat l-allokazzjonijiet totali tal-Istati Membri kollha taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi tal-politika ta' koeżjoni għas-snin 2017 sa 2020. |
|
(3) |
F'konformità mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 u l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati ta' dak ir-rieżami f'komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-30 ta' Ġunju 2016 dwar l-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għas-sena 2017 f'konformità mal-varjazzjonijiet tal-introjtu nazzjonali gross (ING) u mal-aġġustament tal-pakketti għall-politika ta' koeżjoni. Il-Kummissjoni ddikjarat f'dik il-komunikazzjoni li, abbażi tal-istatistika l-aktar riċenti, kien hemm diverġenza kumulattiva ta' aktar minn +/– 5 % bejn l-allokazzjonijiet totali u dawk rieżaminati fil-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, in-Netherlands, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li, abbażi tal-ċifri ING per capita tiegħu għall-2012–2014, Ċipru jsir kompletament eliġibbli għal appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni mill-1 ta' Jannar 2017. |
|
(4) |
Kif meħtieġ mill-Artikolu 7(4) u (5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 u l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-allokazzjonijiet ta' dawk l-Istati Membri għandhom jiġu aġġustati kif meħtieġ, dment li l-effett nett totali ta' dawk l-aġġustamenti ma jaqbiżx EUR 4 biljuni. |
|
(5) |
Safejn ir-reviżjoni kellha impatt fuq it-tqassim annwali tal-allokazzjonijiet għar-riżorsi globali skont l-Istat Membru taħt il-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u taħt il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, kif ukoll fuq l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (“YEI”, Youth Employment Initiative), ir-reviżjoni ġiet implimentata permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1941 (4). |
|
(6) |
L-effett nett totali ta' dawk l-aġġustamenti huwa li r-riżorsi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jiżdiedu b'EUR 4 biljun. Dik iż-żieda għandha tiġi riflessa fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li għalhekk għandu jiġi aġġustat skont dan. |
|
(7) |
Ir-riżorsi għall-mira ta' investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u l-allokazzjoni tagħhom fost reġjuni inqas żviluppati, reġjuni ta' tranżizzjoni u reġjuni aktar żviluppati, l-Istati Membri sostnuti mill-Fond ta' Koeżjoni, u r-reġjuni ultraperiferiċi, kif stipulat fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jenħtieġu li jiġu aġġustati skont dan. |
|
(8) |
F'konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013, il-marġnijiet li tħallew disponibbli taħt il-limiti massimi għal approprjazzjonijiet ta' impenn tal-qafas finanzjarju pluriennali (“QFP”) għandhom jikkostitwixxu Marġini Globali tal-QFP għall-impenji, li għandhom isiru disponibbli barra mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin 2016 sa 2020 għal għanijiet ta' politika marbuta mat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ. Il-limitazzjoni tal-marġnijiet li tħallew disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għal approprjazzjonijiet ta' impenn għas-snin 2014 sa 2017 tneħħiet permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2017/1123 (5), u b'hekk il-YEI setgħat tiġi estiża sal-2020 u l-allokazzjoni speċifika għall-YEI setgħet tiżdied b'ammont ta' EUR 1,2 biljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu 2017-2020. Jenħtieġ għalhekk li l-allokazzjoni speċifika għall-YEI kif stabbilita fl-Artikoli 91(1) u 92(5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tiġi aġġustata skont dan. |
|
(9) |
F'konformità mal-Artikolu 94(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-Kummissjoni aċċettat proposta mressqa mid-Danimarka biex tittrasferixxi parti mill-approprjazzjonijiet tagħha għall-mira ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea għall-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi. Jenħtieġ li dak it-trasferiment ikun rifless f'aġġustament tar-riżorsi globali disponibbli għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea taħt l-Artikolu 92(9) ta' dak ir-Regolament. |
|
(10) |
Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013, ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/623 (6) ittrasferixxa għal snin sussegwenti ammont ta' EUR 11 216 187 326 fi prezzijiet kurrenti tal-allokazzjoni pprovduta għall-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni. Jenħtieġ li dak it-trasferiment ikun rifless fl-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistipula t-tqassim annwali globali tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għas-snin 2014 sal-2020. Barra minn hekk, ammont ta' EUR 9 446 050 652 fi prezzijiet kurrenti tal-allokazzjoni prevista għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd li ma setax jiġi impenjat fis-sena 2014 u lanqas riportat għall-2015 ġie trasferit għas-snin sussegwenti. |
|
(11) |
Minħabba l-bżonn li jiġi żgurat li l-allokazzjonijiet addizzjonali li saru disponibbli għas-sena baġitarja 2017 huma impenjati finanzjarjament, inkluż permezz ta' emendi magħmula lill-programmi kkonċernati, tqies li huwa xieraq li ssir eċċezzjoni għall-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
|
(12) |
Minħabba l-urġenza li jiġu estiżi l-programmi li jappoġġaw il-YEI, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(13) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandu għalhekk jiġi emendat, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 91, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej: “1. Ir-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali disponibbli għall-impenji tal-baġit għall-perjodu 2014 - 2020 għandhom ikunu EUR 329 978 401 458 fi prezzijiet tal-2011, f'konformità mat-tqassim annwali stabbilit fl-Anness VI, li minnhom EUR 325 938 694 233 jirrappreżentaw ir-riżorsi globali allokati għall-FEŻR, il-FSE u l-Fond ta' Koeżjoni, u EUR 4 039 707 225 jirrappreżentaw allokazzjoni speċifika għall-YEI. Għall-finijiet ta' programmazzjoni u tal-inklużjoni sussegwenti fil-baġit tal-Unjoni, l-ammont tar-riżorsi għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandu jkun indiċizzat għal 2 % kull sena.”; |
|
(2) |
l-Artikolu 92 huwa emendat kif ġej:
|
|
(3) |
l-Anness VI huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta' Diċembru 2017.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
M. MAASIKAS
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2017.
(2) Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(3) Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(4) Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1941 tat-3 ta' Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/190/UE li tistabbilixxi t-tqassim annwali, skont l-Istat Membru, tar-riżorsi globali għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni fil-qafas tal-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u l-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, it-tqassim annwali, skont l-Istat Membru, tar-riżorsi mill-allokazzjoni speċifika għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, flimkien mal-lista ta' reġjuni eliġibbli u l-ammonti li għandhom jiġu ttrasferiti mill-allokazzjonijiet tal-Fond ta' Koeżjoni u tal-Fondi Strutturali ta' kull Stat Membru għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u għall-għajnuna maħsuba għall-persuni l-aktar fil-bżonn, għall-perjodu 2014-2020 (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 61).
(5) Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2017/1123 tal-20 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 163, 24.6.2017, p. 1).
(6) Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1).
ANNESS
“ANNESS VI
TQASSIM ANNWALI TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENN GĦAS-SNIN 2014 SAL-2020
Profil annwali aġġustat (inkluż top-up għall-YEI)
|
|
2014 |
2015 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
Total |
|
EUR, prezzijiet tal-2011 |
34 108 069 924 |
55 725 174 682 |
46 044 910 736 |
48 027 317 164 |
48 240 419 297 |
48 712 359 314 |
49 120 150 341 |
329 978 401 458 |