9.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 326/42 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2273
tat-8 ta' Diċembru 2017
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (2) kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 836/2014 (3), jippermetti eċċezzjonalment, sal-31 ta' Diċembru 2017, skont ċerti kundizzjonijiet u meta ma jkunx disponibbli għattuq imkabbar b'mod organiku, li għattuq imkabbar mhux b'mod organiku, għall-produzzjoni tal-bajd, ta' mhux iktar minn 18-il ġimgħa, jista' jiddaħħal f'unità ta' bhejjem organiċi. |
(2) |
Il-produzzjoni ta' għattuq imkabbar b'mod organiku għall-produzzjoni tal-bajd ma kinitx disponibbli fi kwantità u bi kwalità suffiċjenti fis-suq tal-Unjoni biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-bdiewa tat-tiġieġ li jbidu. Sabiex ikun hemm lok għal iżjed żmien biex tiġi żviluppata l-produzzjoni ta' għattuq organiku għall-produzzjoni tal-bajd, il-perjodu ta' applikazzjoni tar-regoli ta' produzzjoni eċċezzjonali għall-użu ta' għattuq imkabbar mhux b'mod organiku għall-produzzjoni tal-bajd ta' mhux aktar minn 18-il ġimgħa, jenħtieġ li jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2018. |
(3) |
L-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 kif emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 836/2014 jippermetti b'mod eċċezzjonali, għas-snin kalendarji 2015, 2016 u 2017, ammont massimu ta' 5 % ta' għalf mhux organiku tal-proteini biex jintuża għall-ispeċijiet tal-ħnieżer u tat-tjur. |
(4) |
Il-provvista tal-proteini organiċi ma kinitx disponibbli fis-suq tal-Unjoni fi kwantità u bi kwalità suffiċjenti biex tissodisfa l-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-ħnieżer u tat-tjur imrobbija fi rziezet organiċi. Il-produzzjoni tal-għelejjel organiċi tal-proteini għadha lura meta mqabbla mad-domanda. Għalhekk jixraq li jiġi estiż il-perjodu tal-possibbiltà eċċezzjonali ta' użu ta' proporzjon limitat ta' għalf mhux organiku tal-proteini sal-31 ta' Diċembru 2018. |
(5) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 889/2008 jiġi emendat skont dan. |
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:
(1) |
Fl-Artikolu 42(b) id-data “31 ta' Diċembru 2017” qed tinbidel bid-data “31 ta' Diċembru 2018”. |
(2) |
Fl-Artikolu 43, it-tieni subparagrafu qed jinbidel b'dan li ġej: “Il-perċentwal massimu ta' għalf mhux organiku tal-proteini awtorizzat għal kull perjodu ta' 12-il xahar għal dawk l-ispeċijiet għandu jkun ta' 5 % għas-sena kalendarja 2018.” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 836/2014 tal-31 ta' Lulju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 230, 1.8.2014, p. 10).