6.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2236

tal-5 ta' Diċembru 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3199/93 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' proċeduri għall-iżnaturar komplet tal-alkoħol għall-iskopijiet ta' eżenzjoni mit-taxxi tas-sisa

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 27(4) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 27(1)(a) tad-Direttiva 92/83/KEE, l-Istati Membri huma meħtieġa li jeżentaw mit-taxxa tas-sisa l-alkoħol li jkun ġie żnaturat kompletament skont ir-rekwiżiti ta' kwalunkwe Stat Membru, sakemm dawk ir-rekwiżiti jkunu ġew debitament innotifikati u aċċettati skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 3 u 4 ta' dak l-Artikolu.

(2)

Iż-żnaturanti li jintużaw f'kull Stat Membru għall-iskopijiet tal-iżnaturar komplet tal-alkoħol skont Artikolu 27(1)(a) tad-Direttiva 92/83/KEE huma kif deskritti fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3199/93 (2).

(3)

Fit-8 ta' Ġunju 2017, ir-Rumanija kkomunikat lill-Kummissjoni biż-żnaturant li beħsiebha tuża għall-iżnaturar komplet tal-alkoħol, b'effett mill-1 ta' Settembru 2017, għall-finijiet tal-Artikolu 27(1)(a) ta' dik id-Direttiva.

(4)

Il-Kummissjoni bagħtet il-komunikazzjoni msemmija lill-Istati Membri l-oħra fl-14 ta' Ġunju 2017.

(5)

Fil-5 ta' Lulju 2017, il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni biż-żnaturant li beħsiebha tuża għall-iżnaturar komplet tal-alkoħol, b'effett mill-1 ta' Awwissu 2017, għall-finijiet tal-Artikolu 27(1)(a) ta' dik id-Direttiva.

(6)

Il-Kummissjoni bagħtet il-komunikazzjoni msemmija lill-Istati Membri l-oħra fis-7 ta' Lulju 2017.

(7)

L-ebda oġġezzjoni ma waslet għand il-Kummissjoni.

(8)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b'urġenza.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 3199/93, għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 3199/93 jinbidel bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 316, 31.10.1992, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3199/93 tat-22 ta' Novembru 1993 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' proċeduri għall-iżnaturar komplet tal-alkoħol għall-iskopijiet ta' eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa (ĠU L 288, 23.11.1993, p. 12)


ANNESS

ANNESS

Lista ta' prodotti awtorizzati, bin-numru ta' reġistrazzjoni tagħhom tal-Chemical Abstracts Service (CAS), għall-iżnaturar komplet tal-alkoħol:

Aċeton

CAS: 67-64-1

Benżoat tad-denatonju

CAS: 3734-33-6

Etanol

CAS: 64-17-5

Etil-terz-butil-etere

CAS: 637-92-3

Fluworexxeina

CAS: 2321-07-5

Petrol (inkluż petrol bla ċomb)

CAS: 86290-81-5

Alkoħol isopropiliku

CAS: 67-63-0

Kerosin

CAS: 8008-20-6

Pitrolju

CAS: 64742-47-8 u 64742-48-9

Metanol

CAS: 67-56-1

Metiletilketon (2-butanon)

CAS: 78-93-3

Metilisobutilketon

CAS: 108-10-1

Metilen blu (52015)

CAS: 61-73-4

Solvent tan-nafta

CAS: 8030-30-6

Trementina

CAS: 8006-64-2

Petrol għal użu tekniku

CAS: 92045-57-3

It-terminu “etanol assolut” f'dan l-Anness għandu l-istess tifsira bħall-kelma “alkoħol assolut” użata mill-Unjoni Internazzjonali tal-Kimika Pura u Applikata.

Fl-Istati Membri kollha, kwalunkwe żebgħa tista' tiġi miżjuda mal-alkoħol żnaturat biex tagħtih kulur karatteristiku, u jsir immedjatament identifikabbli.

I.   Il-proċedura komuni tal-iżnaturar għall-alkoħol żnaturat kompletament użata fil-Belġju, fil-Bulgarija, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Irlanda, fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja, f'Ċipru, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu, fl-Ungerija, f'Malta, fin-Netherlands, fl-Awstrija, fil-Polonja, fil-Portugall, fis-Slovenja, fis-Slovakkja, fil-Finlandja:

Għal kull ettolitru ta' etanol assolut:

Litru (1,0 l) alkoħol isopropil,

Litru (1,0 l) metiletilketon,

1,0 gramma benżoat tad-denatonju.

II.   Konċentrazzjoni ikbar tal-proċedura komuni tal-iżnaturar għall-alkoħol żnaturat kompletament, użata fl-Istati Membri li ġejjin:

Ir-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit

Għal kull ettolitru ta' etanol assolut:

3,0 litri alkoħol isopropil;

3,0 litri metiletilketon,

1,0 gramma benżoat tad-denatonju.

Il-Kroazja

Għal kull ettolitru ta' etanol assolut:

Minimu ta':

Litru (1,0 l) alkoħol isopropil,

Litru (1,0 l) metiletilketon,

1,0 gramma benżoat tad-denatonju.

L-Iżvezja

Għal kull ettolitru etanol assolut:

Litru (1,0 l) alkoħol isopropil,

2,0 litri metiletilketon,

1,0 gramma benżoat tad-denatonju.

III.   Proċeduri addizzjonali tal-iżnaturar għall-alkoħol żnaturat kompletament, użati f'ċerti Stati Membri:

Għal kull ettolitru ta' etanol assolut, kwalunkwe minn dawn il-formulazzjonijiet li ġejjin:

Ir-Repubblika Ċeka

1.

0,4 litri solvent tan-nafta,

0,2 litri pitrolju,

litru (0,1 l) petrol għal użu tekniku.

2.

3,0 litri ta' etil-terz-butil-etere,

Litru (1,0 l) alkoħol isopropil,

1,0 litru petrol bla ċomb,

10 milligrammi fluworoxxeina.

Il-Greċja

Alkoħol ta' kwalità inferjuri biss (id-distillat miksub fil-bidu u fi tmiem il-proċess tad-distillazzjoni), b'saħħa alkoħolika ta' mill-inqas 93 % tal-volum u ta' mhux aktar minn 96 % tal-volum jista' jiġi żnaturat.

Għal kull ettolitru ta' alkoħol idratat ta' 93 % tal-volum jiżdiedu s-sustanzi li ġejjin:

2,0 litri metanol,

litru (1,0 l) trementina,

0,50 litru pitrolju,

0,40 gramma metilen blu.

F'temperatura ta' 20 °C, il-prodott aħħari, fil-forma mhux mibdula tiegħu, għandu jilħaq 93 % tal-volum.

Il-Finlandja – awtorizzata sal-31.12.2018

Għal kull ettolitru ta' etanol assolut, kwalunkwe minn dawn il-formulazzjonijiet li ġejjin:

1.

2,0 litri metiletilketon,

3,0 litri metilisobutilketon.

2.

2,0 litri ta' aċeton,

3,0 litri metilisobutilketon.