9.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 327/1


REGOLAMENT (UE) 2017/2225 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Novembru 2017

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonnsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi l-kondizzjonijiet, il-kriterji u r-regoli dettaljati għall-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għandu l-għan li joħloq sistema ċentralizzata għar-reġistrazzjoni tad-data tad-dħul u tal-ħruġ u d-data taċ-ċaħda tad-dħul dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni għal soġġorn qasir.

(3)

Sabiex isiru kontrolli fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2016/399, li jinkludu l-verifika tal-identità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-identifikazzjoni tagħhom, jew it-tnejn, kif ukoll il-verifika li ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx qabeż it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri, il-gwardji tal-fruntiera għandhom jużaw l-informazzjoni kollha disponibbli, inkluż id-data mis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ li ġiet stabbilita fir-Regolament (UE) 2017/2226 (“EES”), fejn meħtieġ. Id-data maħżuna fl-EES għandha tintuża wkoll sabiex jiġi vverifikat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom viża maħruġa għal dħul wieħed jew għal żewġ daħliet ikunu rrispettaw in-numru massimu ta’ daħliet awtorizzati.

(4)

F’ċertu każijiet, jeħtieġ li tiġi pprovduta data bijometrika miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ verifiki fuq il-fruntiera. Il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom għalhekk jiġu emendati billi jiġi inkluż obbligu li tiġi pprovduta dik id-data bijometrika. Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jirrifjuta li jipprovdi data bijometrika għall-ħolqien tal-fajl individwali jew għat-twettiq tal-verifiki fuq il-fruntiera, jenħtieġ li jiġu adottati d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tad-dħul.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-EES, jeħtieġ li l-kontrolli tad-dħul u tal-ħruġ isiru b’mod armonizzat fuq il-fruntieri fejn titħaddem l-EES.

(6)

L-istabbiliment tal-EES jitlob li jiġu adattati l-proċeduri għall-verifika ta’ persuni meta jaqsmu l-fruntieri fejn titħaddem l-EES. B’mod partikolari, l-EES għandha l-għan li tabolixxi l-ittimbrar mad-dħul u mal-ħruġ, tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi għal soġġorn qasir billi tissostitwih bir-reġistrazzjoni elettronika tad-dħul u tal-ħruġ direttament fl-EES. Barra minn hekk, l-interoperabbiltà bejn l-EES u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE (5) irid jiġi kkunsidrat fil-proċeduri tal-verifika fuq il-fruntieri. Fl-aħħar nett, l-EES tiftaħ il-possibbiltà li jintużaw teknoloġiji ġodda għall-qsim tal-fruntieri ta’ vjaġġaturi għal soġġorn qasir. Jenħtieġ li dawk l-adattamenti tal-proċeduri tal-verifiki fuq il-fruntieri jsiru effettivi fl-Istati Membri li jħaddmu l-EES fid-data tal-bidu tat-tħaddim tal-EES stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2226.

(7)

Għal perijodu ta’ sitt xhur wara li tibda titħaddem l-EES, jenħtieġ li l-gwardji tal-fruntiera jqisu s-soġġorni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri fis-sitt xhur ta’ qabel id-dħul jew il-ħruġ billi jivverifikaw it-timbri fid-dokumenti tal-ivvjaġġar flimkien mad-data tad-dħul/ħruġ irreġistrata fl-EES. Jenħtieġ li dik il-miżura tippermetti li jitwettqu l-verifiki meħtieġa f’dawk il-każijiet fejn persuna tkun ġiet ammessa għal soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri fis-sitt xhur qabel ma bdiet titħaddem l-EES. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għal dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu daħlu fit-territorju tal-Istati Membri u jkunu għadhom ma ħarġux minnu qabel ma tkun bdiet titħaddem l-EES. F’dawk is-sitwazzjonijiet, jenħtieġ li jiġi rreġistrat ukoll l-aħħar dħul fl-EES meta iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz joħroġ mit-territorju tal-Istati Membri.

(8)

Meta wieħed iqis is-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri u fil-punti ta’ qsim differenti tal-fruntiera tal-Istati Membri fir-rigward tal-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu kapaċi jiddeċiedu jekk jadottawx teknoloġiji bħal sistemi self-service, e-gates u sistemi awtomatizzati ta’ kontroll fuq il-fruntiera u sa fejn għandhom jużawhom. Meta jintużaw dawn it-teknoloġiji, il-verifiki tad-dħul u tal-ħruġ fil-fruntieri esterni jenħtieġ li jitwettqu b’mod armonizzat u jenħtieġ li jkun assigurat livell xieraq ta’ sigurtà.

(9)

Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu speċifikati l-kompiti u r-rwoli tal-gwardji tal-fruntiera meta jużaw dawn it-teknoloġiji. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi assigurat li r-riżultati tal-verifiki fuq il-fruntieri mwettqa permezz ta’ mezzi awtomatizzati jkunu disponibbli għall-gwardji tal-fruntiera sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet xierqa. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ssorveljat l-użu ta’ sistemi self-service, e-gates u sistemi awtomatizzati ta’ kontroll fuq il-fruntiera mill-vjaġġaturi sabiex jiġu evitati mġiba u użi frodulenti. Barra minn hekk, meta jwettqu din is-sorveljanza, jenħtieġ li l-gwardji tal-fruntiera jagħtu attenzjoni partikolari lill-minorenni u jenħtieġ li jkunu f’pożizzjoni li tippermettilhom li jidentifikaw persuni li jkunu jeħtieġu l-protezzjoni.

(10)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu wkoll programmi ta’ faċilitazzjoni nazzjonali fuq bażi volontarja sabiex jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi diġà skrutinizzati li mad-dħul jibbenefikaw minn derogi minn ċerti aspetti tal-kontrolli bir-reqqa. Meta jintużaw dawn il-programmi ta’ faċilitazzjoni nazzjonali, jenħtieġ li dawn jiġu stabbiliti skont mudell armonizzat u jenħtieġ li jkun iggarantit livell xieraq ta’ sigurtà.

(11)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(12)

Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jemenda r-regoli eżistenti tar-Regolament (UE) 2016/399, jista’ jintlaħaq biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

(13)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(14)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (7); għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(15)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (8); għalhekk l-Irlanda mhijiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(16)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (10).

(17)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis  (11) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (12).

(18)

Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Protokoll ta’ bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta’ Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (13), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-Punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (14).

(19)

Fir-rigward ta’ Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/399 relatati mal-EES japplikaw biss meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 jintlaħqu. B’riżultat ta’ dan, għal dawk l-Istati Membri li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 66 (2) ta’ dak ir-Regolament fid-data tal-bidu tat-tħaddim tal-EES, jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet transitorji speċifiċi dwar l-ittimbrar sakemm jiġu konnessi mal-EES. Jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet transitorji jiżguraw li l-ittimbrar tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ikollu l-istess effett bħal rekord tad-dħul/ħruġ fl-EES.

(20)

Jenħtieġ li l-Istati Membri li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet istabbiliti fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 fid-data tal-bidu tat-tħaddim tal-EES għandhom ikomplu bl-ittimbrar sistematiku, mad-dħul u l-ħruġ, tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi għal soġġorn qasir. Jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jeżaminaw it-timbri tad-dħul u tal-ħruġ fuq id-dokument tal-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, sabiex ikun verifikat, billi jitqabblu d-dati tad-dħul u tal-ħruġ, li dik il-persuna ma tkunx qabżet it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Jenħtieġ li l-ittimbrar ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u l-eżami tat-timbri jkompli sakemm l-Istat Membru kkonċernat jiġi konness mal-EES kif imsemmi fl-Artikolu 66(3) tar-Regolament(UE) 2017/2226.

(21)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/399 jiġi emendat skont dan.

(22)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u ta’ opinjoni fil-21 ta’ Settembru 2016,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2016/399 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“22.

‘Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)’ tfisser is-sistema stabbilita bir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

23.

‘sistema self-service’ tfisser sistema awtomatizzata li twettaq il-verifiki fuq il-fruntiera kollha jew xi wħud minnhom, li jkunu applikabbli għal persuna u li tista’ tintuża biex id-data tiġi reġistrata minn qabel fl-EES;

24.

‘e-gate’ tfisser infrastruttura mħaddma b’mezzi elettroniċi fejn ikun fil-fatt seħħ qsim ta’ fruntiera esterna jew fruntiera interna fejn il-kontrolli ma jkunux għadhom tneħħew;

25.

‘sistema ta’ kontroll awtomatizzat tal-Fruntieri’ tfisser sistema li tippermetti passaġġ awtomatizzat tal-fruntieri, u li tkun magħmula minn sistema self-service u e-gate;

26.

‘konferma tal-awtentiċità u l-integrità tad-data taċ-ċippa’ tfisser il-proċess li bih jiġi vverifikat, permezz tal-użu ta’ ċertifikati, li d-data ta’ fuq il-mezz ta’ memorja elettronika (iċ-ċippa) toriġina mill-awtorità emittenti u li din ma ġietx mibdula.

(2)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

huma jipprovdu data bijometrika, jekk meħtieġ:

(i)

għall-ħolqien tal-fajl individwali fl-EES f’konformità mal-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(ii)

għat-twettiq ta’ verifiki fil-fruntieri f’konformità mal-Artikolu 8(3)(a)(i) u (g)(i) ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 23(2) u (4) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u, fejn applikabbli, l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

(b)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

‘1a.   Il-perijodu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi kkalkulat bħala perijodu uniku għall-Istati Membri li joperaw l-EES abbażi tar-Regolament (UE) 2017/2226. Dak il-perijodu għandu jiġi kkalkulat separatament għal kull wieħed mill-Istati Membri li ma joperawx l-EES.’;

(3)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għalihom għandha tiddaħħal id-data fl-EES

1.   Mad-dħul u l-ħruġ, data tal-kategoriji ta’ persuni li ġejjin għandha tiddaħħal fl-EES f’konformità mal-Artikoli 16, 17, 19 u 20 tar-Regolament (UE) 2017/2226:

(a)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi għal soġġorn qasir skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE u li ma jkollhomx karta ta’ residenza f’konformità ma’ dik id-Direttiva;

(c)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(i)

huma membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi d-dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha minn naħa u pajjiż terz min-naħa l-oħra, u

(ii)

ma jkollhomx karta ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE jew permess ta’ residenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

2.   Id-data dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dħul tagħhom għal soġġorn qasir ikun ġie miċħud f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament għandha tiddaħħal fl-EES f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2226.

3.   Id-data dwar il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin ma għandhiex tiddaħħal fl-EES:

(a)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE u li jkollhom karta ta’ residenza skont dik id-Direttiva, kemm jekk jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ dak iċ-ċittadin tal-Unjoni u kemm jekk le;

(b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz kemm jekk jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u kemm jekk le, meta:

(i)

dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz igawdi d-dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u pajjiż terz min-naħa l-oħra, u

(ii)

dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ikollhom karta ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE jew permess ta’ residenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002;

(c)

detenturi tal-permessi ta’ residenza msemmija fil-punt 16 tal-Artikolu 2 minbarra dawk koperti mill-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu;

(d)

detenturi ta’ viżi għal soġġorn fit-tul;

(e)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ mobbiltà skont id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) jew id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4);

(f)

ċittadini ta’ Andorra, Monaco u San Marino u detenturi ta’ passaport maħruġ mill-Istat tal-Belt tal-Vatikan;

(g)

persuni jew kategoriji ta’ persuni eżentati mill-verifiki fuq il-fruntieri jew li jibbenefikaw minn regoli speċifiċi fir-rigward ta’ verifiki fuq il-fruntiera, jiġifieri:

(i)

Kapijiet ta’ Stat, Kapijiet ta’ Gvern u membri ta’ gvern nazzjonali akkumpanjati mill-konjuġi tagħhom, u membri tad-delegazzjoni uffiċjali tagħhom, u sovrani u membri għolja oħra ta’ familja rjali, f’konformità mal-punt 1 tal-Anness VII;

(ii)

il-bdoti ta’ inġenji tal-ajru u membri oħra tal-ekwipaġġ f’konformità mal-Punt 2 tal-Anness VII;

(iii)

il-baħrin f’konformità mal-punt 3 tal-Anness VII u l-baħrin li jkunu preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru biss meta l-bastiment tagħhom jidħol fiż-żona tal-port u fiż-żona fejn daħal il-bastiment;

(iv)

il-ħaddiema transkonfinali f’konformità mal-Punt 5 tal-Anness VII;

(v)

is-servizzi ta’ salvataġġ, il-pulizija, is-servizzi tat-tifi tan-nar li jaġixxu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza u l-gwardji tal-fruntiera, f’konformità mal-Punt 7 tal-Anness VII;

(vi)

il-ħaddiema offshore f’konformità mal-Punt 8 tal-Anness VII;

(vii)

il-membri tal-ekwipaġġ u l-passiġġieri tal-bastimenti tal-kruċieri f’konformità mal-punti 3.2.1, 3.2.2 u 3.2.3 tal-Anness VI;

(viii)

persuni abbord dgħajjes tad-divertiment li ma jkunux soġġetti għal verifiki fil-fruntieri f’konformità mal-punti 3.2.4, 3.2.5 u 3.2.6 tal-Anness VI;

(h)

il-persuni li jibbenefikaw minn deroga mill-obbligu li jaqsmu l-fruntieri esterni bilfors mill-punti tal-qsim tal-fruntieri u fil-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti skont l-Artikolu 5(2);

(i)

il-persuni li jippreżentaw permess validu tat-traffiku lokali tal-fruntiera għall-qsim tal-fruntiera tagħhom f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5);

(j)

membri tal-ekwipaġġi ta’ ferroviji tal-passiġġieri u tal-merkanzija li joperaw konnessjonijiet internazzjonali;

(k)

persuni li sabiex jaqsmu l-fruntiera jippreżentaw:

(i)

Dokument ta’ Transitu Faċilitat bil-Ferroviji validu maħruġ f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 693/2003 (*6); jew

(ii)

Dokument ta’ Transitu Faċilitat validu maħruġ f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 693/2003 dment li jagħmlu t-transitu tagħhom bil-ferrovija u ma jiżbarkawx fit-territorju ta’ Stat Membru.

(4)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (a), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Jekk id-dokument tal-ivvjaġġar ikun fih mezz ta’ memorja elettronika (ċippa), l-awtentiċità u l-integrità tad-data taċ-ċippa għandha tiġi kkonfermata bl-użu tal-katina ta’ ċertifikati valida u kompluta, ħlief meta dan ikun teknikament impossibbli jew, fil-każ ta’ dokument tal-ivvjaġġar maħruġ minn pajjiż terz, ikun impossibbli minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ ċertifikati validi;’;

(ii)

fil- punt (b), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

‘Għall-persuni li d-dħul tagħhom huwa soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES skont l-Artikolu 6a ta’ dan ir-Regolament, għandha ssir verifika tal-identità tagħhom f’konformità mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u, fejn applikabbli, għandha ssir identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 23(4) ta’ dak ir-Regolament.’;

(b)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (a)(i) it-tieni subparagrafu huma sostitwiti b’dan li ġej:

“għall-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar li fihom mezz ta’ memorja elettronika (iċ-ċippa), l-awtentiċità u l-integrità tad-data fiċ-ċippa għandha tiġi vverifikata, soġġett għad-disponibbiltà ta’ ċertifikati validi.

Bl-eċċezzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjizi terzi li għalihom diġà ġie rreġistrat fajl individwali fl-EES, meta d-dokument tal-ivvjaġġar ikun fih immaġni tal-wiċċ irreġistrata fil-mezz ta’ memorja elettronika (iċ-ċippa) u jista’ jkun hemm aċċess tekniku għal dik l-immaġni tal-wiċċ, din il-verifika għandha tinkludi l-verifika ta’ dik l-immaġni tal-wiċċ, billi dik l-immaġni tal-wiċċ titqabbel b’mod elettroniku mal-immaġni tal-wiċċ taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Jekk ikun teknikament u legalment possibbli, din il-verifika tista’ ssir billi jiġu vverifikati l-marki tas-swaba’ meħuda fuq il-post mal-marki tas-swaba’ rreġistrati fil-mezz ta’ memorja elettronika (iċ-ċippa);”;

(ii)

fil-punt (a), il-punt (iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iii)

għall-persuni li d-dħul jew iċ-ċaħda tad-dħul tagħhom tkun soġġetta għal reġistrazzjoni fl-EES skont l-Artikolu 6a ta’ dan ir-Regolament, issir verifika tal-identità tagħhom f’konformità mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u, fejn applikabbli, issir identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 23(4) ta’ dak ir-Regolament.;”;

(iii)

fil-punt (a), jiddaħħal il-punt li ġej:

“(iiia)

għall-persuni li d-dħul jew iċ-ċaħda tad-dħul tagħhom tkun soġġetta għal reġistrazzjoni fl-EES skont l-Artikolu 6a ta’ dan ir-Regolament, il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx laħaq jew qabeż iż-żmien massimu tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri u, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom viża maħruġa għal dħul wieħed jew għal żewġ daħliet, il-verifika li jkunu rrispettaw in-numru ta’ daħliet massimi awtorizzati, billi tiġi kkonsultata l-EES f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2017/2226;”;

(iv)

fil-punt (g), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

il-verifika tal-identità u n-nazzjonalità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u tal-awtentiċità u l-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar għall-qsim tal-fruntiera, inkluż billi jkunu kkonsultati l-bażijiet ta’ data rilevanti, b’mod partikolari:

(1)

is-SIS;

(2)

il-bażi ta’ data SLTD tal-Interpol;

(3)

il-bażijiet ta’ data nazzjonali li fihom informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa, miżapproprijati, mitlufa u invalidati.

Għall-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar li fihom mezz ta’ memorja elettronika (iċ-ċippa), l-awtentiċità u l-integrità tad-data fiċ-ċippa għandha tiġi vverifikata, soġġett għad-disponibbiltà ta’ ċertifikati validi.

Bl-eċċezzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għalihom diġà ġie rreġistrat fajl individwali fl-EES, meta d-dokument tal-ivvjaġġar ikun fih immaġni tal-wiċċ irreġistrata fil-mezz ta’ memorja elettronika (fiċ-ċippa) u jista’ jkun hemm aċċess tekniku għal dik l-immaġni tal-wiċċ, din il-verifika għandha tinkludi l-verifika ta’ dik l-immaġni tal-wiċċ, billi dik l-immaġni tal-wiċċ titqabbel b’mod elettroniku mal-immaġni tal-wiċċ meħuda fuq il-post, taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Jekk ikun teknikament u legalment possibbli, din il-verifika tista’ ssir billi jiġu vverifikati l-marki tas-swaba’ meħuda fuq il-post mal-marki tas-swaba’ rreġistrati fil-mezz ta’ memorja elettronika (iċ-ċippa);”;

(v)

fil-punt (g), jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(iii)

għall-persuni li l-ħruġ tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES skont l-Artikolu 6a ta’ dan ir-Regolament, issir verifika tal-identità tagħhom f’konformità mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u, fejn applikabbli, issir identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 23(4) ta’ dak ir-Regolament;

(iv)

għall-persuni li l-ħruġ tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES skont l-Artikolu 6a ta’ dan ir-Regolament, il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx qabeż iż-żmien massimu tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri, billi tiġi kkonsultata l-EES f’konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226;”;

(vi)

fil-punt (h), il-punt (ii) jitħassar;

(vii)

il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

sabiex tiġi identifikata kwalunkwe persuna li ma tissodisfax, jew li ma tkunx għadha tissodisfa, il-kondizzjonijiet ta’ dħul, ta’ soġġorn jew ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, il-VIS tista’ tiġi kkonsultata f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u l-EES tista’ tiġi kkonsultata f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2017/2226;”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   Iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi għandhom jiġu informati bl-għadd massimu ta’ jiem tas-soġġorn awtorizzat li għandu jieħu kont tal-għadd ta’ daħliet u t-tul tas-soġġorn awtorizzat mill-viża. Dik l-informazzjoni għandha tingħata mill-gwardja tal-fruntiera fil-mument tal-verifiki fil-fruntiera jew permezz ta’ tagħmir installat fil-punt ta’ qsim tal-fruntieri li jippermetti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jikkonsulta s-servizz tal-web kif imsemmi fl-Artikolu 13 (1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226,”.

(5)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 8a

Użu ta’ sistemi self-service għar-reġistrazzjoni minn qabel ta’ data fl-EES

1.   Persuni li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES f’konformità mal-Artikolu 6a jistgħu jużaw sistemi self-service sabiex jirreġistraw minn qabel id-data fl-EES imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

id-dokument tal-ivvjaġġar ikun fih mezz ta’ memorja elettronika (iċ-ċippa) u l-awtentiċità u l-integrità tad-data taċ-ċippa jiġu kkonfermati bl-użu tal-katina ta’ ċertifikati valida u kompluta;

(b)

id-dokument tal-ivvjaġġar ikun fih immaġni tal-wiċċ irreġistrata fil-mezz ta’ memorja elettronika (iċ-ċippa) li jista’ jkun hemm aċċess tekniku għaliha mis-sistema self-service sabiex tiġi verifikata l-identità tad-detentur tad-dokument tal-ivvjaġġar billi tiġi mqabbla l-immaġni tal-wiċċ irreġistrata fil-mezz ta’ memorja elettronika (iċ-ċippa) mal-immaġni tal-wiċċ tiegħu jew tagħha meħuda fuq il-post; jekk ikun teknikament u legalment possibbli, din il-verifika tista’ ssir billi jiġu vverifikati l-marki tas-swaba’ meħuda fuq il-post mal-marki tas-swaba’ rreġistrati fil-mezz ta’ memorja elettronika (iċ-ċippa) tad-dokument tal-ivvjaġġar.

2.   Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, is-sistema self-service għandha tivverifika jekk il-persuna jkollhiex reġistrazzjoni preċedenti fl-EES u għandha tivverifika l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

3.   Skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) 2017/2226, is-sistema ta’ self-service għandha twettaq identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikoli 23(4) tar-Regolament (UE) 2017/2226, li meta titwettaq identifikazzjoni fl-EES:

(a)

għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għar-rekwiżit ta’ viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni, jekk it-tfittxija fil-VIS bid-data msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tindika li l-persuna tkun irreġistrata fil-VIS, għandha titwettaq verifika tal-marki tas-swaba’ mad-data tal-VIS f’konformità mal-Artikolu 18 (6) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008. Meta verifika tal-persuna skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma tirnexxix, id-data tal-VIS għandha tiġi aċċessata għall-identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(b)

għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux soġġetti għar-rekwiżit ta’ viża sabiex jaqsmu l-fruntieri esterni u li ma jinstabux fl-EES wara tiftixa għall-identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2017/2226, għandha tiġi kkonsultata l-VIS f’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

4.   F’każ li d-data dwar il-persuna msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx irreġistrata fl-EES skont il-paragrafi 2 u 3:

(a)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għar-rekwiżit ta’ viża sabiex jaqsmu l-fruntieri esterni għandhom, permezz tas-sistema self-service, jirreġistraw minn qabel fl-EES id-data elenkata fl-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 16(2)(c) sa (f) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u, fejn ikun rilevanti, id-data msemmija fl-Artikolu 16 (6) ta’ dak ir-Regolament, u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux soġġetti għal rekwiżit ta’ viża sabiex jaqsmu l-fruntieri esterni għandhom, permezz tas-sistema ta’ self-service, jirreġistraw minn qabel fl-EES id-data elenkata fl-Artikoli 17(1)(a), (b) u (c) u 16(2)(c) ta’ dak ir-Regolament u, fejn ikun rilevanti, id-data msemmija fl-Artikolu 17(1)(d), ta’ dak ir-Regolament;

(b)

sussegwentement, il-persuna għandha tiġi riferuta għand il-gwardja tal-fruntiera li għandha:

(i)

tirreġistra minn qabel id-data kkonċernata, fejn ma kienx possibbli li tinġabar id-data kollha permezz tas-sistema self-service;

(ii)

tivverifika:

li d-dokument tal-ivvjaġġar użat fis-sistema self-service jikkorrispondi għal dak li jkollha l-persuna quddiem il-gwardja tal-fruntiera,

li l-immaġni tal-wiċċ tal-persuna kkonċernata, meħuda fuq il-post, tikkorrispondi għall-immaġni tal-wiċċ li tkun inġabret permezz tas-sistema self-service, u

għall-persuni li ma jkollhomx viża meħtieġa skont ir-Regolament (KE) Nru 539/2001, li l-marki tas-swaba’ preżenti fiżikament dak il-ħin, tal-persuna kkonċernata, jikkorrispondu għall-marki tas-swaba’ li kienu nġabru permezz tas-sistema self-service;

(iii)

meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tawtorizza jew tiċħad id-dħul, tikkonferma d-data msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu u ddaħħal fl-EES id-data msemmija fl-Artikoli 16(2)(a) u (b) u 18(6)(a), (b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

5.   Fejn l-operazzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 jindikaw li data dwar il-persuna msemmija fil-paragrafu 1 tkun ġiet irreġistrata fl-EES, is-sistema self-service għandha tivvaluta jekk hemmx xi data msemmija fil-paragrafu (4)(a) li għandha tiġi aġġornata.

6.   Fejn mill-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 jiġi żvelat li l-persuna msemmija fil-paragrafu 1 ikollha fajl individwali rreġistrat fl-EES iżda li jkun jeħtieġ li d-data tagħha tiġi aġġornata, il-persuna għandha:

(a)

taġġorna d-data fl-EES billi tirreġistraha minn qabel permezz tas-sistema self-service;

(b)

tiġi riferuta għand gwardja tal-fruntiera li għandha tivverifika l-korrettezza tal-aġġornament skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu li jkun ġie reġistrat minn qabel u, meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tawtorizza jew tiċħad id-dħul, taġġorna l-fajl individwali f’konformità mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

7.   Is-sistemi self-service għandhom jitħaddmu taħt is-sorveljanza ta’ gwardja tal-fruntiera li għandha tkun responsabbli sabiex tidentifika kwalunkwe użu mhux xieraq, frodulenti jew mhux normali tas-sistema self-service.

Artikolu 8b

L-użu ta’ sistemi self-service u e-gates għall-qsim tal-fruntiera minn persuni li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES

1.   Il-persuni li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES f’konformità mal-Artikolu 6a jistgħu jitħallew jużaw is-sistema self-service sabiex iwettqu l-verifiki fuq il-fruntiera tagħhom, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

id-dokument tal-ivvjaġġar ikun fih mezz ta’ memorja elettronika (iċ-ċippa) u l-awtentiċità u l-integrità tad-data taċ-ċippa jiġu kkonfermati bl-użu tal-katina ta’ ċertifikati valida u kompluta;

(b)

id-dokument tal-ivvjaġġar ikun fih immaġni tal-wiċċ irreġistrata fil-mezz ta’ memorja elettroniku (iċ-ċippa) li jista’ jkun hemm aċċess tekniku għaliha mis-sistema self-service sabiex tiġi verifikata l-identità tad-detentur tad-dokument tal-ivvjaġġar, billi tiġi mqabbla dik l-immaġni tal-wiċċ mal-immaġni tal-wiċċ tiegħu jew tagħha meħuda fuq il-post; u

(c)

il-persuna tkun diġà rreġistrata jew reġistrata minn qabel fl-EES.

2.   Meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jiġu sodisfatti, il-verifiki fuq il-fruntiera mad-dħul previsti fl-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 8(3)(a) u (b) u l-verifiki fuq il-fruntiera mal-ħruġ previsti fl-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 8(3)(g) u (h), jistgħu jitwettqu permezz ta’ sistema self-service. Meta jitwettqu permezz ta’ sistema awtomatizzata ta’ kontroll fuq il-fruntiera, il-verifiki fuq il-fruntiera mal-ħruġ għandhom jinkludu l-kontrolli previsti fl-Artikolu 8(3)(h).

Meta persuna tingħata aċċess għal programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali stabbilit minn Stat Membru skont l-Artikolu 8d, il-verifiki tal-fruntieri mwettqa permezz ta’ sistema ta’ self-service mad-dħul jistgħu jħallu barra eżami tal-aspetti msemmijin fl-Artikolu 8(3)(a)(iv) u (v) meta dik il-persuna taqsam il-fruntieri esterni ta’ dak l-Istat Membru jew il-fruntieri esterni ta’ Stat Membru li jkun ikkonkluda ftehim mal-Istat Membru li jkun ta l-aċċess kif imsemmi fl-Artikolu 8d(9).

3.   Mad-dħul u mal-ħruġ, ir-riżultati tal-verifiki fuq il-fruntiera li jitwettqu permezz tas-sistema self-service għandhom isiru disponibbli għal gwardja tal-fruntiera. Dik il-gwardja tal-fruntiera għandha timmonitorja r-riżultati tal-verifiki fuq il-fruntieri u, b’kont meħud ta’ dawk ir-riżultati, tawtorizza d-dħul jew il-ħruġ jew, inkella, tirreferi lill-persuna għall-gwardja tal-fruntiera li għandha tipproċedi b’kontrolli ulterjuri.

4.   Il-persuna in kwistjoni għandha tiġi riferuta għand gwardja tal-fruntiera skont il-paragrafu 3 fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta ma tiġix sodisfatta waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1;

(b)

meta l-verifiki mad-dħul jew mal-ħruġ previsti fil-paragrafu 2 jiżvelaw li xi waħda jew diversi mill-kondizzjonijiet għad-dħul jew għall-ħruġ ma jkunux sodisfatti;

(c)

meta r-riżultati tal-verifiki mad-dħul jew il-ħruġ previsti fil-paragrafu 2 iqajmu dubji dwar l-identità tal-persuna jew meta jiżvelaw li l-persuna tkun ikkunsidrata bħala theddida għas-sigurtà interna, l-ordni pubbliku jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe Stat Membru jew għas-saħħa pubblika;

(d)

f’każ ta’ dubju;

(e)

meta ma jkunx hemm e-gates.

5.   Minbarra s-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 4, il-gwardja tal-fruntiera li tkun qiegħda tissorvelja l-qsim tal-fruntiera tista’ tiddeċiedi, abbażi ta’ raġunijiet oħra, li tirreferi l-persuna li tkun qiegħda tuża s-sistema self-service għand gwardja tal-fruntiera.

6.   Persuni li l-qsim tal-fruntiera tagħhom ikun soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES f’konformità mal-Artikolu 6a(1) u li jkunu użaw sistema self-service sabiex iwettqu l-verifiki fuq il-fruntiera, jistgħu jiġu awtorizzati jużaw e-gate. Meta tintuża e-gate, ir-reġistrazzjoni korrispondenti tar-rekord tad-dħul/ħruġ u r-rabta ta’ dak ir-rekord mal-fajl individwali korrispondenti skont l-Artikolu 14 tar- Regolament (UE) 2017/2226 għandhom jitwettqu meta jsir il-qsim tal-fruntiera permezz tal-e-gate. Meta l-e-gate u s-sistema self-service ikunu fiżikament separati, għandha ssir verifika tal-identità tal-utent fl-e-gate sabiex jiġi vverifikat li l-persuna li tkun qiegħda tuża l-e-gate tikkorrispondi għall-persuna li tkun użat is-sistema self-service. Il-verifika għandha titwettaq billi jintuża mill-anqas identifikatur bijometriku wieħed.

7.   Meta l-kondizzjonijiet elenkati fil-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew fit-tnejn, ma jiġux sodisfatti, parti mill-verifiki fuq il-fruntiera mad-dħul skont l-Artikolu 8(3)(a) u (b) u parti mill-verifiki fuq il-fruntiera mal-ħruġ skont l-Artikolu 8(3)(g) u (h), jistgħu jitwettqu permezz ta’ sistema self-service. Il-gwardja tal-fruntiera tista’ twettaq biss dawk il-verifiki skont l-Artikolu 8(3)(a) u (b), u l-Artikolu 8(3)(g) u (h) li ma setgħux jitwettqu permezz tas-sistema self-service. Barra minn hekk, il-gwardja tal-fruntiera għandha tivverifika li d-dokument tal-ivvjaġġar użat fis-sistema self-service jikkorrispondi għal dak li jkollha l-persuna li tkun qiegħda quddiem dik il-gwardja tal-fruntiera.

8.   Is-sistemi self-service u l-e-gates għandhom jitħaddmu taħt is-sorveljanza ta’ gwardja tal-fruntiera li għandha tkun responsabbli sabiex tidentifika kwalunkwe użu mhux xieraq, frodulenti jew mhux normali tas-sistema self-service, tal-e-gate, jew tat-tnejn.

9.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jippermettu l-użu ta’ sistemi self-service,tal-e-gate, jew tat-tnejn, għall-qsim tal-fruntiera minn ċittadini tal-Unjoni, minn ċittadini ta’ Stat tal-assoċjazzjoni tal-Kummerċ Ħieles Ewropew taż-Żona Ekonomika Ewropea, minn ċittadini tal-Iżvizzera u minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-qsim tal-fruntiera tagħhom mhuwiex soġġett għal reġistrazzjoni fl-EES.

Artikolu 8c

Standards għal sistemi ta’ kontroll awtomatizzat tal-fruntieri

Is-sistemi ta’ kontroll awtomatizzat tal-fruntieri għandhom, safejn ikun possibbli, jitfasslu b’tali mod li jkunu jistgħu jintużaw mill-persuni kollha, bl-eċċezzjoni ta’ tfal taħt l-età ta’ 12-il sena. Dawn għandhom jitfasslu wkoll b’mod li jirrispetta għalkollox id-dinjità tal-bniedem, b’mod partikolari f’każijiet li jinvolvu persuni vulnerabbli. Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jużaw sistemi ta’ kontroll awtomatizzat tal-fruntieri, għandhom jiżguraw il-preżenza ta’ numru suffiċjenti ta’ persunal biex jassistu lil persuni fl-użu ta’ sistemi bħal dawn.

Artikolu 8d

Programmi ta’ faċilitazzjoni nazzjonali

1.   Kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi programm volontarju (‘programmi ta’ faċilitazzjoni nazzjonali’) li jippermetti li ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jew ċittadini ta’ pajjiż terz speċifiku li ma jgawdux id-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni, jibbenefikaw mill-faċilitazzjonijiet magħmula skont il-paragrafu 2 meta jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntiera esterna ta’ Stat Membru.

2.   B’deroga mill-Artikolu 8(3)(a), għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li jingħataw aċċess għall-programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali, il-verifiki bir-reqqa mad-dħul ma jkollhomx għalfejn jinkludu eżami tal-aspetti msemmija fl-Artikolu 8(3)(a)(iv) u (v) meta tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi jaqsmu l-fruntiera esterna ta’ Stat Membru.

3.   L-Istat Membru għandu jwettaq skrutinju minn qabel taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għall- programmi ta’ faċilitazzjoni nazzjonali sabiex jivverifika b’mod partikolari li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 huma sodisfatti.

Tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jiġu skrutinizzati minn qabel mill-gwardji tal-fruntiera, mill-awtoritajiet tal-viża kif definit fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 jew mill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni kif definiti fil-punt (4) tal-Artikolu 3(1) tar- Regolament (UE) 2017/2226.

4.   L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jagħtu aċċess lil persuna għall- programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali unikament meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollhali ġejjin:

(a)

l-applikant jissodisfa l-kondizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 6(1);

(b)

id-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant u, fejn applikabbli, il-viża, il-viża għal soġġorn twil jew il-permess ta’ residenza tal-applikant ikunu validi u mhux foloz, iffalsifikati jew kontrafatti;

(c)

l-applikant jipprova l-ħtieġa għal ivvjaġġar frekwenti jew regolari jew jiġġustifika l-intenzjoni tiegħu li jivvjaġġa ta’ spiss jew b’mod regolari;

(d)

l-applikant jagħti prova tal-integrità u l-affidabbiltà tiegħu, b’mod partikolari, jekk applikabbli, l-użu legali ta’ viżi preċedenti jew viżi b’validità territorjali limitata, is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini u l-intenzjoni ġenwina tiegħu li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel it-tmiem tal-perijodu tas-soġġorn awtorizzat. Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2017/2226, l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikollhom aċċess għall-EES biex jivverifikaw li l-applikant ma jkunx qabeż preċedentement it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri;

(e)

l-applikant jiġġustifika l-iskop u l-kondizzjonijiet tas-soġġorni previsti;

(f)

l-applikant ikollu mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza kemm għat-tul tas-soġġorni maħsuba kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini jew tar-residenza, jew li l-applikant ikun f’pożizzjoni li jikseb dawn il-mezzi skont il-liġi;

(g)

tiġi kkonsultata s-SIS.

5.   L-ewwel aċċess għall-programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali għandu jingħata għall-massimu ta’ sena. L-aċċess jista’ jiġi estiż għal massimu ta’ ħames snin oħra jew sat-tmiem tal-validità tal-perijodu tad-dokument tal-ivvjaġġar jew kwalunkwe viża għal dħul multiplu, il-viżi għal soġġorn twil u l-permessi ta’ residenza li jkunu nħarġu, skont liema jkun l-iqsar.

Fil-każ ta’ estensjoni, kull sena l-Istat Membru għandu jerġa’ jivvaluta s-sitwazzjoni ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jingħata aċċess għall-programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali sabiex jassigura li, abbażi tal-informazzjoni aġġornata, iċ-ċittadin ta’ dak il-pajjiż terz ikun għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4. Din ir-rivalutazzjoni tista’ titwettaq meta jsiru l-verifiki fuq il-fruntiera.

6.   Il-verifiki bir-reqqa mad-dħul skont l-Artikoli 8(3)(a) u (b) u l-verifiki bir-reqqa mal-ħruġ skont l-Artikolu 8(3)(g) għandhom jinkludu wkoll il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu aċċess validu għall-programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali.

Il-gwardji tal-fruntiera jistgħu jwettqu l-verifiki taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali mad-dħul skont l-Artikoli 8(3)(a) u (b) u mal-ħruġ skont l-Artikolu 8(3)(g) mingħajr ma l-bijometrija titqabbel elettronikament iżda billi titqabbel immaġni tal-wiċċ meħuda miċ-ċippa u l-immaġni tal-wiċċ tal-fajl individwali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-EES mal-wiċċ ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Verifika sħiħa għandha ssir b’mod aleatorju u abbażi ta’ analiżi tar-riskju.

7.   L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jirrevokaw immedjatament l-aċċess li jkun ingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz għall-programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali: jekk ikun evidenti li l-kondizzjonijiet għall-għoti tal-aċċess għal dak il-programm ma kinux sodisfatti, jew ma għadhomx jiġu sodisfatti.

8.   Meta jkun qed jiġi vverifikat f’konformità mal-paragrafu 3 jekk l-applikant jissodisfax l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4, għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari biex jiġi vvalutat jekk l-applikant jippreżentax riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għas-sigurtà ta’ kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri, u jekk l-applikant ikollux l-intenzjoni li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri matul is-soġġorn awtorizzat.

Il-mezzi ta’ sussistenza għas-soġġorni intenzjonati għandhom jiġu vvalutati skont it-tul u l-iskop tas-soġġorn previst jew soġġorni previsti u b’referenza għall-prezzijiet medji fl-Istati Membri kkonċernati għall-ikel u l-irqad f’akkomodazzjoni rħisa, abbażi tal-ammonti ta’ referenza stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 39(1)(c). Prova ta’ sponsorizzazzjoni, akkomodazzjoni privata, jew it-tnejn, jistgħu jikkostitwixxu wkoll evidenza ta’ mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza.

L-eżami ta’ applikazzjoni għandu jkun ibbażat, b’mod partikolari, fuq l-awtentiċità u l-affidabbiltà tad-dokumenti ppreżentati u fuq il-veraċità u l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-applikant. Jekk Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni jkollu xi dubji dwar l-applikant, l-istqarrijiet tal-applikant jew dwar id-dokumenti ta’ prova li jkunu ġew ipprovduti, dan jista’ jikkonsulta ma’ Stati Membri oħra qabel ma jieħu xi deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

9.   Żewġ Stati Membri jew aktar li jkunu stabbilixxew il-programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali proprji tagħhom skont dan l-Artikolu jistgħu jikkonkludu ftehim bejniethom sabiex jassiguraw li l-benefiċjarji tal-programmi ta’ faċilitazzjoni nazzjonali tagħhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-faċilitazzjonijiet rikonoxxuti minn programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali ieħor. Fi żmien xahar wara li jiġi konkluż il-ftehim, għandha tintbagħat kopja tal-ftehim lill-Kummissjoni.

10.   Meta jkun qed jiġi stabbilit programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema tagħhom li topera l-programm tissodisfa l-istandards tas-sigurtà tad-data stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2017/2226. L-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni tar-riskju adatta tas-sigurtà tal-informazzjoni u r-responsabbiltajiet ta’ sigurtà għandhom, għall-istadji kollha tal-proċess, jiġu magħmula ċari.

11.   Il-Kummissjoni għandha, qabel tmiem it-tielet sena tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, tittrasmetti l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi it-twaqqif ta’ programm tal-Unjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi frekwenti u skrutinizzati minn qabel.”.

(6)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Anke jekk il-verifiki jillaxkaw, il-gwardja tal-fruntiera għandha ddaħħal id-data fl-EES, f’konformità mal-Artikolu 6a. Meta d-data ma tkunx tista’ tiddaħħal elettronikament, din għandha tiddaħħal manwalment.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Fejn ikun teknikament impossibbli li tiddaħħal id-data fis-Sistema Ċentrali tal-EES jew fil-każ ta’ ħsara fis-Sistema Ċentrali tal-EES, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

b’deroga mill-Artikolu 6a ta’ dan ir-Regolament, id-data msemmija fl-Artikoli, 16, sa 20 tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandha tinħażen temporanjament fl-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi kif definit fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament. Fejn dan ma jkunx possibbli, id-data għandha tinħażen lokalment b’mod temporanju f’format elettroniku. Fiż-żewġ każijiet, id-data għandha tiddaħħal fis-Sistema Ċentrali tal-EES hekk kif l-impossibbiltà teknika jew il-ħsara jitranġaw. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa u jużaw l-infrastruttura, it-tagħmir u r-riżorsi meħtieġa biex jassiguraw li tali ħżin lokali temporanju ikun jista’ jitwettaq fi kwalunkwe ħin u għal kwalunkwe wieħed mill-punti ta’ qsim tal-fruntiera tagħhom.

Mingħajr preġudizzju għall-obbligu li twettaq verifiki fuq il-fruntieri skont dan ir-Regolament, fis-sitwazzjoni eċċezzjonali li jkun teknikament impossibbli li tiddaħħal data fis-Sistema Ċentrali tal-EES u fl-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi, u jkun teknikament impossibbli li tinħażen temporanjament id-data lokalment f’format elettroniku, il-gwardja tal-fruntiera għandha taħżen manwalment data tad-dħul/tal-ħruġ f’konformità mal-Artikoli 16, sa 20 tar-Regolament (UE) 2017/2226, bl-eċċezzjoni ta’ data bijometrika, u għandha tagħmel timbru ta’ dħul jew ta’ ħruġ fid-dokument tal-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Dik id-data għandha tiddaħħal fis-Sistema Ċentrali tal-EES hekk kif ikun teknikament possibbli.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226, dwar l-ittimbrar ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar fil-każ tas-sitwazzjonijiet eċċezzjonali msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-punt.;

(ii)

b’deroga mill-Artikolu 8(3)(a)(iii) u (g)(iv) ta’ dan ir-Regolament, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom viża msemmija fl-Artikolu 6(1)(b), meta jkun teknikament possibbli, il-verifika tal-identità tad-detentur tal-viża għandha titwettaq billi tiġi kkonsultata direttament il-VIS f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.”;

(7)

fl-Artikolu 10, jiddaħħlu il-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jużaw e-gates, sistemi self-service, jew sistemi awtomatizzati ta’ kontroll fuq il-fruntiera, huma għandhom jużaw it-tabelli previsti fil-parti D tal-Anness III biex jidentifikaw il-korsiji rispettivi.

3b.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 8d, huma jistgħu jiddeċiedu li jużaw korsiji speċifiċi għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn tali programm ta’ faċilitazzjoni nazzjonali. Huma għandhom jużaw it-tabelli previsti fil-parti E tal-Anness III biex jiġu identifikati l-korsiji rispettivi.”;

(8)

l-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Ittimbrar tad-dokumenti tal-ivvjaġġar

1.   Meta previst espliċitament mil-liġi nazzjonali tiegħu, Stat Membru jista’, mad-dħul u l-ħruġ, jittimbra d-dokument tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ residenza jew viża ta’ soġġorn twil maħruġa minn dak l-Istat Membru.

2.   Id-dokument tal-ivvjaġġar ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa detentur ta’ Dokument ta’ Transitu Faċilitat bil-Ferroviji maħruġ f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 693/2003 għandu jiġi ttimbrat mad-dħul u mal-ħruġ. Barra minn hekk, id-dokument tal-ivvjaġġar ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa detentur ta’ Dokument ta’ Transitu Faċilitat maħruġ f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 693/2003 u li jittranżita bil-ferrovija u li ma jiżbarkax fit-territorju ta’ Stat Membru għandu jiġi ttimbrat mad-dħul u mal-ħruġ.

3.   Id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu jew joħorġu, abbażi ta’ viża nazzjonali għal soġġorn qasir maħruġ għal dħul wieħed jew għal żewġ daħliet, mit-territorju ta’ Stat Membru li għadu ma applikax b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen iżda li jopera l-EES għandhom jiġu ttimbrati mad-dħul u mal-ħruġ.

4.   L-arranġamenti prattiċi għall-ittimbrar jinsabu fl-Anness IV.”;

(9)

l-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Preżunzjoni fir-rigward tat-twettiq tal-kondizzjonijiet tat-tul ta’ soġġorn qasir

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12a, jekk ma jkun ġie maħluq ebda fajl individwali fl-EES għal ċittadin ta’ pajjiż terz preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru jew jekk ir-rekord tad-dħul/ħruġ ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx jinkludi data tal-ħruġ wara d-data ta’ meta jagħlaq iż-żmien mogħti tas-soġġorn awtorizzat, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippreżumu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx jissodisfa, jew ma jkunx għadu jissodisfa, il-kondizzjonijiet tat-tul ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri.

2.   Il-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tapplika għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jista’ jipprovdi, bi kwalunkwe mezz, evidenza kredibbli li hu jew hi tgawdi mid-dritt ta’ moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni jew li hu jew hi għandha permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn twil. Fejn rilevanti, għandu jiġi applikat l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2017/2226.

3.   Il-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi kkonfutata meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jipprovdi, bi kwalunkwe mezz, provi kredibbli, bħal biljetti tat-trasport jew prova tal-preżenza barra mit-territorju tal-Istati Membri jew tad-data ta’ skadenza ta’ permess ta’ residenza jew ta’ viża għal soġġorn twil preċedenti, li juru li hu jew hi rrispettat il-kondizzjonijiet relatati mat-tul ta’ soġġorn qasir.

Fil-każ ta’ konfutazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħolqu fajl individwali fl-EES jekk ikun meħtieġ jew jindikaw fl-EES id-data li fiha, u l-post fejn, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qasam il-fruntiera esterna ta’ wieħed mill-Istati Membri jew il-fruntiera interna ta’ Stat Membru li għadu ma applikax b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2017/2226.

4.   Fejn il-preżunzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tiġix ikkonfutata, ċittadin ta’ pajjiż terz preżenti fit-territorju tal-Istati Membru jista’ jintbagħat lura f’konformità mad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7).

Ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi mid-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni jista’ biss jintbagħat lura f’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE.

(10)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 12a

Perijodu transitorju u miżuri transitorji

1.   Għal perijodu ta’ 180 jum wara li tibda titħaddem l-EES, sabiex jiġi vverifikat mad-dħul u mal-ħruġ, li persuni ammessi għal soġġorn qasir ma jkunux qabżu t-tul tas-soġġorn massimu awtorizzat bil-viża u, fejn ikun rilevanti, sabiex jiġi vverifikat mad-dħul li persuni ma jkunux qabżu l-għadd ta’ daħliet awtorizzati mill-viża għal soġġorn qasir maħruġa għal dħul wieħed jew għal żewġ daħliet, il-gwardji tal-fruntiera għandhom iqisu s-soġġorni fit-territorju tal-Istati Membri matul il-180 jum ta’ qabel id-dħul jew il-ħruġ billi jiċċekkjaw it-timbri fid-dokumenti tal-ivvjaġġar flimkien mad-data tad-dħul/tal-ħruġ irreġistrata fl-EES.

2.   Meta persuna tkun daħlet fit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tkun bdiet titħaddem l-EES u toħroġ wara li tkun bdiet titħaddem l-EES, mal-ħruġ għandu jinħoloq fajl individwali fl-EES u d-data ta’ dak id-dħul għandha tiddaħħal fir-rekord tad-dħul/ħruġ f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226. L-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu m’għandhiex tkun limitata għall-perijodu ta’ 180 jum wara li l-EES tkun bdiet titħaddem kif imsemmi fil-paragrafu 1. Fil-każ ta’ diskrepanza bejn id-data tat-timbru tad-dħul u d-data rreġistrata fl-EES, għandha tipprevali d-data tat-timbru tad-dħul.”;

(11)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Id-data dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dħul tagħhom għal soġġorn qasir ikun ġie miċħud, għandha tiġi rreġistrata fl-EES f’konformità mal-Artikolu 6a(2) ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2226.”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kumpens mogħti skont il-liġi nazzjonali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu, jekk l-appell jikkonkludi li d-deċiżjoni biex jiġi miċħud id-dħul ma kellhiex bażi, ikun intitolat għall-korrezzjoni tad-data mdaħħla fl-EES jew tat-timbru tad-dħul ikkanċellat, jew it-tnejn, u l-korrezzjoni ta’ kwalunkwe kanċellazzjoni jew addizzjoni li tkun saret, mill-Istat Membru li jkun ċaħad id-dħul..”;

(12)

fl-Artikolu 20, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Kapijiet ta’ Stat, Kapijiet ta’ Gvern u membri ta’ gvern nazzjonali akkumpanjati mill-konjuġi tagħhom, u membri tad-delegazzjoni uffiċjali tagħhom, u sovrani u membri għolja oħra ta’ familja rjali;”;

(13)

jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 42a

Miżuri transitorji għall-Istati Membri li għadhom mhumiex joperaw l-EES

1.   Id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 66 (3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandhom ikunu ttimbrati sistematikament mad-dħul u l-ħruġ.

Id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi imsemmija fl-Artikolu 6a (1) (b) u (c) ta’ dan ir-Regolament li jaqsmu l-fruntieri tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 66 (3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandhom ikunu ttimbrati sistematikament mad-dħul u l-ħruġ.

Dawn l-obbligi tal-ittimbrar għandhom japplikaw ukoll meta l-verifiki fuq il-fruntiera jkunu mnaqqsa f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ma għandu jsir l-ebda timbru fuq id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 6a(3)(a), (b), u (f), l-Artikolu 6a(3)(g)(i), (ii), (iii) u (vii) u l-Artikolu 6a(3)(j).

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mad-data tad-dħul/ħruġ irreġistrata fl-EES u mal-assenza ta’ data bħal din fl-EES, b’mod partikolari l-Artikolu 8(3)(a)(iiia), u (g) (iv), l-Artikolu 8d(4)(d) u l-Artikolu 12, għandhom japplikaw mutatis mutandis għat-timbri tad-dħul u tal-ħruġ.

4.   Meta preżunzjoni fir-rigward tat-twettiq tal-kondizzjonijiet tat-tul tas-soġġorn tiġi kkonfutata f’konformità mal-Artikolu 12(2), iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru li għadu mhux qed jopera l-EES għandu jkun intitolat li jkollu indikazzjoni mdaħħla fuq id-dokument tal-ivvjaġġar tiegħu jew tagħha dwar id-data meta, u l-post fejn, huwa jew hija qasmet il-fruntiera esterna jew il-fruntiera interna ta’ dak l-Istat Membru. Formola kif tidher fl-Anness VIII tista’ wkoll tingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

5.   Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar l-ittimbrar li huma stabbiliti fl-Anness IV.

6.   L-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 66 (3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandhom jittimbraw id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dħul tagħhom għal soġġorn qasir ikun ġie miċħud fil-fruntiera tagħhom. L-ittimbrar għandu jitwettaq f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness V, il-Parti A, il-punt 1(d).

7.   L-obbligi tal-ittimbrar skont il-paragrafi 1 sa 6 għandhom japplikaw sad-data tal-bidu tat-tħaddim tal-EES fl-Istat Membru kkonċernat.”;

(14)

l-Annessi III, IV, V u VII jiġu emendati f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data li fiha tibda titħaddem l-EES, kif stabbilit mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2017/2226.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dan ir-Regolament għandu, mid-data tal-konnessjoni tagħhom mal-EES f’konformità mal-Artikolu 66(3) ta’ dak ir-Regolament, japplika għal dawk l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 66 (3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 li għadhom mhumiex qed joperaw l-EES. Sakemm issir il-konnessjoni tagħhom mal-EES, id-dispożizzjonijiet transitorji li jikkonċernaw l-ittimbrar tad-dokumenti tal-ivvjaġġar stabbiliti fl-Artikolu 42a tar-Regolament (UE) 2016/399 għandhom japplikaw għal dawk l-Istati Membri.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 66.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2017.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016) p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi reġistrata d-dejta dwar id-dħul u l-ħruġ u d-dejta dwar ir-rifjut ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (Ara paġna xxx tal-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5).

(6)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(11)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(13)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(15)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi reġistrata d-dejta dwar id-dħul u l-ħruġ u d-dejta dwar ir-rifjut ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).”;

(*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).”;

(*3)  Id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fil-qafas ta’ trasferiment intra-azjendali (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 1).

(*4)  Id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 21).

(*5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (ĠU L 405 tat-30.12.2006, p. 1).

(*6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 693/2003 tal-14 ta’ April 2003 li jistabbilixxi Dokument speċifiku ta’ Transitu Faċilitat (FTD), Dokument ta’ Transitu Faċilitat bil-Ferroviji (FRTD) u jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni u l-Ktieb tal-Istruzzjonijiet Komuni (ĠU L 99, 17.4.2003, p. 8).”;

(*7)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).”;


ANNESS

L-Annessi għar-Regolament (UE) 2016/399 huma emendati kif ġej:

1.

fl-Anness III jiżdiedu l-Partijiet li ġejjin:

“PARTI D

Parti D1: Korsiji ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera għaċ-ċittadini tal-UE/ŻEE/CH

Image Image

Ma hemmx għalfejn jintużaw l-istilel għall-Iżvizzera, għal-Liechtenstein, għan-Norveġja u għall-Iżlanda

Parti D2: Korsiji ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi

Image Image

Parti D3: Korsiji ta’ kontroll awtomatizzat fil-fruntiera għall-passaporti kollha

Image Image

Parti E: Korsiji għall-Vjaġġaturi Reġistrati

Image ”.

2.

L-Anness IV huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Id-dokument tal-ivvjaġġar ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun detentur ta’ Dokument ta’ Transitu Faċilitat bil-Ferroviji maħruġ f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 693/2003 għandu jiġi ttimbrat mad-dħul u mal-ħruġ. Id-dokument tal-ivvjaġġar ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun detentur ta’ Dokument ta’ Transitu Faċilitat maħruġ f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 693/2003 u li jagħmel it-transitu tiegħu bil-ferrovija u li ma jiżbarkax fit-territorju ta’ Stat Membru għandu jiġi ttimbrat ukoll mad-dħul u mal-ħruġ. Barra minn hekk, meta previst espliċitament mil-liġi nazzjonali tiegħu, Stat Membru jista’ jittimbra mad-dħul u mal-ħruġ id-dokument tal-ivvjaġġar ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn twil maħruġa minn dak l-istess Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament.

Id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jidħol jew joħroġ, abbażi ta’ viża nazzjonali għal soġġorn qasir maħruġa għal dħul wieħed jew għal żewġ daħliet, mit-territorju ta’ Stat Membru li għadu ma applikax b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen iżda li jopera l-EES għandhom jiġu ttimbrati mad-dħul u mal-ħruġ.”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“1a.

L-ispeċifikazzjonijiet ta’ dawn it-timbri huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta’ Schengen SCH/COM-EX (94) 16 rev u SCH/Gem-Handb (93) 15 (KUNFIDENZJALI).”;

(c)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“2a.

Meta ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li għandhom l-obbligu li jkollhom viża u l-obbligu tal-ittimbrar, jidħlu u joħorġu, it-timbru għandu jsir fuq il-paġna faċċata ta’ dik li fuqha jkun hemm imwaħħla l-viża. Madankollu, jekk dik il-paġna ma tistax tintuża, it-timbru għandu jiddaħħal fuq il-paġna li jmiss. Il-parti li tinqara mill-magna m’għandhiex tiġi ttimbrata.”;

(d)

il-punt 3 huwa mħassar.

3.

L-Anness V, huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Parti A hija emendata kif ġej:

(i)

il-punt (b) tal-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dħul għal soġġorn qasir ġie miċħud, tiġi rreġistrata fl-EES id-data dwar iċ-ċaħda tad-dħul f’konformità mal-Artikolu 6a(2) ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2226;”;

(ii)

il-punt (d) tal-punt 1 jinbidel b’dan li ġej:

“(d)

għal ċittadin ta’ pajjiż terz li r-rifjut tad-dħul tiegħu m’għandux ikun irreġistrat fl-EES, għandu jitwaħħal timbru tad-dħul fuq il-passaport, maqtugħ b’salib b’linka sewda li ma titħassarx, u biswitu fuq in-naħa tal-lemin, ukoll b’linka li ma titħassarx, tinkiteb/jinkitbu l-ittra/ittri li tikkorrispondi/jikkorrispondu għar-raġuni(jiet) għar-rifjut ta’ dħul, li l-lista tagħhom hija mogħtija fuq il-formola standard għal dħul miċħud kif tidher fil-Parti B ta’ dan l-Anness. Barra minn hekk, għal dawn il-kategoriji ta’ persuni, il-gwardja tal-fruntiera għandha tniżżel kull ċaħda tad-dħul f’reġistru jew f’lista fejn tiddikjara l-identità u n-nazzjonalità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, ir-referenzi tad-dokument li jawtorizza liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz biex jaqsam il-fruntiera u r-raġuni għaliex inċaħad id-dħul, u d-data ta’ tali ċaħda.”;

(iii)

fil-punt 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-arranġamenti prattiċi għall-ittimbrar jinstabu fl-Anness IV.”;

(b)

fil-parti B, il-formola Standard għaċ-ċaħda ta’ dħul fil-fruntiera, hija emendata kif ġej:

(i)

wara l-ittra (I), jiżdied it-test li ġej:

“(J)

irrifjutat li tipprovdi data bijometrika, jekk inhi meħtieġa

għall-ħolqien tal-fajl individwali fis-sistema ta’ Dħul/Ħruġ

biex jitwettqu l-verifiki fuq il-fruntiera.”;

(ii)

Fit-taqsima intitolata “Kummenti”, it-test li ġej jiżdied taħt il-kelma “Kummenti”:

“

(trid tiġi mmarkata mill-gwardja tal-fruntiera jekk id-data tiġi maħżuna fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ)

“Il-persuna kkonċernata hija b’dan infurmata li d-data personali tagħha u informazzjoni dwar dan ir-rifjut tad-dħul jiddaħħlu fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ skont l-Artikolu 18 tar-[Regolament (UE) 2017/2226.

F’konmformità mal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tikseb id-data li għandha x’taqsam magħha li tkun irreġistrata fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u tista’ titlob li d-data li għandha x’taqsam magħha li ma tkunx eżatta tiġi rettifikata u li d-data rreġistrata illegalment titħassar.”

4.

il-punt 1 tal-Anness VII huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Kapijiet ta’ Stat, Kapijiet ta’ Gvern u membri ta’ gvern nazzjonali akkumpanjati mill-konjuġi tagħhom, u membri tad-delegazzjoni uffiċjali tagħhom, u sovrani u membri għolja oħra ta’ familja rjali.

B’deroga mill-Artikolu 6 u l-Artikoli 8 sa 14, Kapijiet ta’ Stat, Kapijiet ta’ Gvern u membri tal-gvern nazzjonali akkumpanjati mill-konjuġi tagħhom u membri tad-delegazzjoni uffiċjali tagħhom, u sovrani u membri għolja oħra ta’ familja rjali, mistiedna mill-gvernijiet tal-Istati Membri jew mill-organizzazzjonijiet internazzjonali għal skop uffiċjali u li l-wasla u t-tluq tagħhom ikunu ġew imħabbra uffiċjalment permezz ta’ mezzi diplomatiċi, ma għandhomx ikunu soġġetti għal verifiki fuq il-fruntiera.”.