16.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2093

tal-15 ta' Novembru 2017

li jtemm l-investigazzjoni dwar il-possibilità ta' evażjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1331/2011 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina minn importazzjonijiet mibgħuta mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u kemm jekk le, u li jtemm ir-reġistrazzjoni imposta fuq it-tali importazzjonijiet mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/272

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

Skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1331/2011 (2), (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv ta' 71,9 % fuq importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi (“SSSPT”) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) għall-kumpaniji l-oħrajn kollha ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2) u fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(2)

Dawn il-miżuri minn issa 'l quddiem se jissejħu “l-miżuri fis-seħħ” u l-investigazzjoni li wasslet biex jiġu imposti l-miżuri mir-Regolament oriġinali minn issa 'l quddiem se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”.

1.2.   Bidu wara talba

(3)

Fit-3 ta' Jannar 2017 il-Kumitat tad-Difiża tal-industrija tat-tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi tal-Unjoni Ewropea (“l-applikant”) ressaq talba lill-Kummissjoni Ewropea għal investigazzjoni kontra l-evażjoni, fejn indika li l-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi li joriġinaw fir-RPĊ kienu qiegħdin jiġu evitati billi jgħaddu mill-Indja.

(4)

It-talba pprovdiet evidenza prima facie li, wara l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ, seħħet bidla sinifikanti fit-tendenza tal-kummerċ li kienet tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-RPĊ u l-Indja lejn l-Unjoni, u dan kien donnu riżultat tal-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Allegatament ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni biżżejjed għajr l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ għal din il-bidla.

(5)

Barra minn hekk, l-evidenza enfasizzat il-fatt li l-effetti ta' rimedju tal-miżuri fis-seħħ kienu qed jiġu mhedda kemm f'termini ta' kwantità kif ukoll ta' prezz. L-evidenza wriet li ż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Indja saret bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz li ma jikkawżax dannu stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(6)

Fl-aħħar nett, kien hemm evidenza li l-SSSPT kkonsenjati mill-Indja kienu oġġett ta' dumping f'dak li għandu x'jaqsam mal-valur normali stabbilit għall-prodott simili matul l-investigazzjoni oriġinali.

(7)

Hekk kif iddeterminat, wara li ġew infurmati l-Istati Membri, li hemm biżżejjed evidenza prima facie għall-bidu ta' investigazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/272 (3) (“ir-Regolament ta' tnedija”).

(8)

Minbarra l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ir-Regolament ta' tnedija kien jeħtieġ ukoll li l-awtoritajiet tad-dwana fl-Unjoni jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-SSSPT kkonsenjati mill-Indja.

1.3.   Investigazzjoni

(9)

Il-Kummissjoni avżat bil-ftuħ tal-investigazzjoni lill-awtoritajiet tar-RPĊ u tal-Indja, lill-produtturi esportaturi u lin-negozjanti f'dawk il-pajjiżi, lill-importaturi fl-Unjoni magħrufin li huma kkonċernati u lill-industrija tal-Unjoni. Intbagħtu kwestjonarji lill-produtturi/esportaturi fir-RPĊ u fl-Indja li taf bihom il-Kummissjoni jew li kienu ppreżentaw ruħhom qabel l-iskadenzi stabbiliti fil-premessa (15) tar-Regolament tat-tnedija. Il-kwestjonarji ntbagħtu wkoll lill-importaturi fl-Unjoni.

(10)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ skont iż-żmien stipulat fir-Regolament tat-tnedija. Seħħew diversi seduti ta' smigħ mal-applikant, inkluż seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti tal-kummerċ.

(11)

Disgħa u għoxrin kumpanija mill-Indja, kumpanija waħda mir-RPĊ, disa' importaturi mhux relatati, żewġ importaturi relatati, aġent u ħames produtturi tal-industrija fl-Unjoni ppreżentaw lilhom infushom.

(12)

Wieħed u għoxrin kumpanija fl-Indja wieġbu għall-kwestjonarju u talbu eżenzjoni mill-possibbiltà li l-miżuri jiġu estiżi skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(13)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talbiet għal eżenzjoni kollha individwalment. Iż-żjarat ta' verifika saru f'14-il kumpanija li kienu jew esportaturi sinifikanti lejn l-Unjoni jew li skont analiżi inizjali tat-tweġiba tagħhom kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex ikunu eliġibbli għal eżenzjoni potenzjali skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(14)

Wieġbu għall-kwestjonarju erba' importaturi mhux relatati fl-Unjoni u produttur esportatur Ċiniż mhux relatat ma xi ħadd mill-produtturi Indjani.

(15)

Iż-żjarat ta' verifika saru fil-bini tal-kumpaniji fl-Indja li ġejjin:

Arvind Pipes & Fittings Industries Private Limited;

ASR Mettech Private Limited;

Chandan Steel Limited;

Heavy Metal and Tubes Limited;

Krystal Steel Manufacturing Private Limited;

Maxim Tubes Company Private Limited;

MBM Tubes Private Limited;

Patels Airflow Limited;

Ratnamani Metals & Tubes Limited;

Remi Edelstahl Tubulars Limited;

Sandvik Asia Private Limited;

Suraj Limited;

Tubacex Prakash India Private Limited;

Universal Stainless.

1.4.   Perjodu ta' investigazzjoni

(16)

L-investigazzjoni dwar id-dumping kopriet il-perjodu li dam mill-1 ta' April 2009 sat-30 ta' Settembru 2016 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). Għall-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2015 sat-30 ta' Settembru 2016 (“il-perjodu ta' rapportar”) inġabret data aktar dettaljata sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà ta' indeboliment tal-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ u l-eżistenza ta' dumping.

2.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(17)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta' evażjoni saret billi ġie analizzat suċċessivament:

jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi (l-Indja u RPĊ) u l-Unjoni;

jekk din il-bidla nibtitx minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju;

jekk kienx hemm evidenza ta' dannu jew jekk l-effetti rimedjali tad-dazju kinux qed jiġu mhedda f'termini ta' prezzijiet u/jew ta' kwantitajiet tal-prodott simili, u;

u jekk kienx hemm evidenza ta' dumping b'rabta mal-valuri normali stabbiliti qabel għall-prodott simili, jekk neċessarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

2.2.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

(18)

Il-prodott ikkonċernat mill-evażjoni potenzjali huwa “SSSPT”: ċerti pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi (għajr il-pajpijiet u tubi simili bit-tagħmir, tajbin għat-twassil ta' gassijiet jew likwidi għal użu f'inġenji tal-ajru ċivili) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”). Il-prodott attwalment jaqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 7304 11 00, ex 7304 22 00, ex 7304 24 00, ex 7304 41 00, ex 7304 49 10, ex 7304 49 93, ex 7304 49 95, ex 7304 49 99 u ex 7304 90 00. Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri fis-seħħ bħalissa.

(19)

Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal “prodott ikkonċernat” iddefinit fil-premessa preċedenti, iżda mibgħut mill-Indja, sew jekk ikun iddikjarat li joriġina mill-Indja u sew jekk le, u li bħalissa jaqa' taħt l-istess kodiċijiet NM bħall-prodott ikkonċernat.

(20)

L-investigazzjoni wriet illi l-SSSPT esportati lejn il-Komunità mir-RPĊ u l-SSSPT ikkonsenjati mill-Indja lejn l-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użijiet, u għaldaqstant għandhom jitqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Livell ta' kooperazzjoni

(21)

Hemm livell ta' kooperazzjoni għoli ħafna mill-produtturi esportaturi Indjani. Il-21 produtturi li qed jikkooperaw jammontaw għal 92 % tal-importazzjonijiet totali mill-Indja ta' SSSPT lejn l-Unjoni fil-perjodu ta' rapportar.

(22)

L-erbatax-il kumpanija vverifikati jirrappreżentaw 91 % tal-esportazzjonijiet totali tal-kumpaniji li qegħdin jikkooperaw u 84 % tal-importazzjonijiet totali ta' SSSPT mill-Indja għall-Unjoni.

(23)

L-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku ġie applikat fir-rigward ta' produttur esportatur Indjan li qiegħed jikkoopera fejn ma pprovdiex l-informazzjoni meħtieġa għal valutazzjoni xierqa tal-attivitajiet tal-kumpaniji relatati tiegħu. Għalhekk, intużaw l-aħjar fatti disponibbli biex jissupplimentaw id-data pprovduta mill-kumpanija sabiex il-Kummissjoni seta' jkollha data affidabbli biex tivvaluta l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni.

(24)

Fir-RPĊ kien hemm livell baxx ta' kooperazzjoni mill-produtturi/esportaturi, bi produttur esportatur wieħed biss li ssottometta tweġiba għall-kwestjonarju. Għalhekk ir-riżultati fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-SSSPT mir-RPĊ lejn l-Unjoni, u mir-RPĊ għall-Indja, jridu jsiru abbażi tad-data tal-Eurostat u l-istatistika tal-kummerċ Ċiniż.

2.4.   In-natura tal-prattika, proċess jew ħidma allegatament għal skopijiet ta' evażjoni

(25)

L-allegata prattika ta' evażjoni kif deskritta fit-talba tmur lura għall-proċess ta' produzzjoni. Hemm żewġ stadji ewlenin fil-produzzjoni tal-SSSPT: iffurmar bit-tkessiħ u ffurmar bis-sħana.

(26)

Hemm żewġ metodi komuni biex isir l-ewwel stadju ta' ffurmar bis-sħana: jew bi proċess ta' estrużjoni tikwi jew b'proċess ta' titqib jikwi.

(27)

It-tubu ffurmat bis-sħana li joħroġ minn dawn il-proċessi huwa prodott intermedjarju, li jeħtieġ aktar ipproċċessar qabel l-użu finali tiegħu, bl-eċċezzjoni ta' xi tubi ffurmati bis-sħana mmanifatturati bil-proċess ta' estrużjoni tikwi.

(28)

L-applikant jgħid li l-SSSPT esportat mir-RPĊ lejn l-Indja kienu diġa' tubi ffurmati bit-tkessiħ. Din id-dikjarazzjoni kienet ikkonfermata mill-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża u mill-preżunzjoni li l-produtturi fir-RPĊ jużaw proċess ta' titqib jikwi fejn wara t-tubi jridu jiġu pproċessati bil-kesħa immedjatament u obbligatorjament.

(29)

Filwaqt li huwa minnu li l-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża turi li kważi l-SSSPT kollha esportati kienu ddikjarati bħala ffurmati bit-tkessiħ, mal-importazzjoni fl-Indja 2 % biss ġew iddikjarati bħala ffurmati bit-tkessiħ.

(30)

Id-diskrepanza tista' tiġi spjegata mill-iskema ta' rimborż tal-VAT applikata mir-RPĊ, fejn l-SSSPT iffurmati bit-tkessiħ jibbenefikaw minn 13 % rimborż tal-VAT meta' mqabbla mar-rimborż ta' 9 % għat-tubi ffurmati bis-sħana.

(31)

Il-verifiki kkonfermaw li l-produtturi Indjani kienu xtraw kważi b'mod esklussiv it-tubi ffurmati bis-sħana u wettqu l-iffurmar bit-tkessiħ fl-Indja.

(32)

L-investigazzjoni kkonfermat ukoll li t-tubi ffurmati bis-sħana jistgħu jiġu ttrasportati faċilment qabel ma jgħaddu mill-iffurmar bit-tkessiħ.

(33)

L-investigazzjoni wriet ukoll li l-iffurmar bit-tkessiħ, li jsir fl-Indja, sostanzjalment jittrasforma l-prodott u jbiddillu b'mod irriversibbli l-karatteristiċi essenzjali tiegħu. Matul il-proċess il-prodott ibiddel id-dimensjonijiet tiegħu u l-propjetajiet fiżiċi, mekkaniċi u metallurġiċi tiegħu.

2.5.   Bidla fit-tendenza tal-kummerċ

(34)

It-tabella 1 turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet SSSPT mir-RPĊ u l-Indja lejn l-Unjoni u l-iżvilupp ta' importazzjonijiet Indjani mir-RPĊ fil-perjodu ta' investigazzjoni:

Tabella 1

Importazzjonijiet ta' SSSPT fil-perjodu ta' investigazzjoni (tunnellati metriċi)

 

Sena kalendarja

2009

2010

2011

2012

2013

2014

2015

Perjodu ta' Rapportar

L-importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ

17 094

20 841

15 279

4 181

2 437

1 804

1 951

2 317

L-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-Indja

5 173

6 401

7 601

11 572

13 531

17 230

18 911

19 845

L-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Indja

23 555

35 454

37 824

41 505

40 146

49 039

43 364

44 129

Sors: Eurostat (COMEXT), Statistika dwar il-kummerċ Ċiniż.

(35)

L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn l-Unjoni naqqsu sostanzjalment matul il-perjodu ta' investigazzjoni, fejn wrew tnaqqis kbir wara l-impożizzjoni ta' miżuri fis-seħħ fl-2011.

(36)

Dan it-tnaqqis fl-importazzjonijiet mir-RPĊ wara l-impożizzjoni tal-miżuri ġie assorbit b'mod konsistenti miż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Indja fis-snin sussegwenti.

(37)

Dawn il-bidliet fil-flussi tal-kummerċ jikkostitwixxu bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi msemmija hawn fuq u l-Unjoni. L-iżvilupp ta' importazzjonijiet Indjani mir-RPĊ żdied b'pass stabbli matul il-perjodu ta' investigazzjoni, fejn wera l-biċċa l-kbira taż-żieda qabel l-impożizzjoni tal-miżuri.

(38)

Id-data hawn fuq turi li wara l-bidu tal-investigazzjoni oriġinali fl-2010, u l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ f'Diċembru 2011, l-importazzjonijiet ta' SSSPT mill-Indja ssostitwew fil-biċċa l-kbira tagħhom l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn l-Unjoni.

2.6.   Nuqqas ta' raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika, ħlief l-impożizzjoni tad-dazju antidumping

(39)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk, kif allegat, il-bidla fit-tendenza tal-kummerċ tkunx nibtet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika biżżejjed għajr l-impożizzjoni tad-dazju.

2.6.1.   Analiżi tal-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Indja

(40)

It-tabella li ġejja turi l-importazzjonijiet tal-kumpaniji Indjani li qiegħdin jikkooperaw mir-RPĊ, meta mqabbla mal-bejgħ u esportazzjonijiet totali tagħhom lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni tinnota li dik id-data tikkonċerna kumpaniji li jesportaw l-akbar numru ta' SSSPT Indjani lejn l-Unjoni kif spjegat fil-premessa 21 hawn fuq.

(41)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li din id-data tirrappreżenta b'mod suffiċjenti l-industrija Indjana rilevanti f'dak li jirrigwarda l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni.

Tabella 2

Importazzjonijiet Indjani mir-RPĊ (kumpaniji li qiegħdin jikkooperaw) kontra l-bejgħ totali Indjan (tunnellati metriċi)

 

Sena finanzjarja tal-Indja

2009

2010

2011

2012

2013

2014

2015

Perjodu ta' Rapportar

Bejgħ totali Indjan (A)

19 367

27 431

32 684

32 547

36 881

42 217

36 245

39 061

L-importazzjonijiet Indjani mir-RPĊ (B)

7 852

15 146

14 284

17 465

18 246

21 914

17 313

19 640

Proporzjoni ta' importazzjonijiet Indjani mir-RPĊ/Bejgħ totali Indjan (C = B/A)

41 %

55 %

44 %

54 %

49 %

52 %

48 %

50 %

Esportazzjonijiet Indjani lejn l-Unjoni (D)

4 252

6 631

9 697

12 759

14 715

19 090

16 825

18 581

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-kumpaniji li qegħdin jikkooperaw.

(42)

Iż-żieda fl-importazzjonijiet Indjani mir-RPĊ hija sinifikatament aktar baxxa miż-żieda fl-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-Indja. Bejn is-sena ta' tnedija tal-investigazzjoni oriġinali fl-2010 u l-perjodu ta' rappurtar, il-produtturi esportaturi Indjani li qiegħdin jikkooperaw żiedu l-importazzjonijiet tagħhom mir-RPĊ minn 15,1 għal 19,6 elf tunnellata (+ 29 %) u l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni minn 6,6 għal 18,6 elf tunnellata (+ 180 %).

(43)

L-investigazzjoni wriet li l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet mir-RPĊ hija aktar marbuta mill-qrib mal-evoluzzjoni tal-bejgħ totali milli mal-evoluzzjoni tal-esportazzjonijiet Indjani lejn l-Unjoni.

(44)

Meta l-esportazzjonijiet Indjani lejn l-Unjoni jibdew ikunu xprunatur ewlieni tal-bejgħ, loġikament jikkorrelaw maż-żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi. Madankollu kien jiġri l-istess kieku l-bejgħ żviluppa fuq is-suq tal-esportazzjonijiet domestiċi jew oħrajn.

(45)

Minkejja l-fatt li s-sehem tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fuq il-bejgħ totali żdied minn 25 % fl-2009–2010 għal 51 % fil-perjodu ta' rappurtar, il-proporzjon ta' importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-bejgħ totali Indjan baqgħet stabbli għal madwar 50 %.

(46)

Dan juri biċ-ċar li l-produtturi Indjani kienu qegħdin jużaw b'mod konsistenti t-taħlita ta' materjal prim mir-RPĊ u minn sorsi oħra u l-impożizzjoni tad-dazju oriġinali ma kellhiex impatt sinifikanti fuq dan.

2.6.2.   L-analiżi tal-mudell kummerċjali

(47)

Il-mudell kummerċjali tal-kumpaniji li huma responsabbli mill-biċċa l-kbira tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ma nbidilx minn meta seħħet l-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika konċernata bdiet qabel it-tnedija tal-investigazzjoni oriġinali kontra r-RPĊ f'Settembru 2010.

(48)

Ġustifikazzjoni ekonomika xierqa għal din il-prattika kienet teżisti matul il-perjodu ta' investigazzjoni, murija mill-fatt li dawn il-kumpaniji setgħu jagħmlu profitt qabel il-bidu tal-investigazzjoni inizjali u baqgħu hekk sakemm u nkluż il-perjodu ta' rappurtar.

(49)

Huwa mportanti li jiġi nnutat li din il-kapaċità ta' produzzjoni tat-tubi ffurmati bit-tkessiħ teħtieġ investiment sinifikanti f'assi fissi, fejn dawn imbagħad jitilfu l-valur fuq diversi snin. Il-maġġoranza tal-kumpaniji kienu diġà mgħammra bl-assi fissi neċessarji qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali.

2.6.3.   L-effett tal-miżuri fis-seħħ fuq l-esportazzjonijiet Ċiniżi fuq l-esportazzjonijiet Indjani lejn l-Unjoni

(50)

Il-prezz medju tal-SSSPT Indjani esportati lejn l-Unjoni qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali kien 10 % inqas mill-prezz tal-SSSPT impurtati mir-RPĊ. Wara l-impożizzjoni ta' dazju wara l-investigazzjoni oriġinali, l-importazzjonijiet Indjani baqgħu l-aktar sors irħis ta' importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tinnota li minħabba l-istruttura potenzjalment differenti tat-taħlita tal-prodott il-prezzijiet medji ma jistgħux jitqabblu direttament. Madankollu jagħtu indikazzjoni tajba tal-livelli tal-prezzijiet.

(51)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri u ż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi, id-domanda tal-Unjoni naturalment fetħet l-opportunità għal pajjiżi esportaturi oħra, li l-prodotti Indjani b'prezzijiet kompetittivi setgħu faċilment jisfruttaw.

(52)

Anke meta s-sehem tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni żdied matul il-perjodu ta' investigazzjoni, is-suq tal-Unjoni kien diġà destinazzjoni importanti għall-esportazzjoni għall-produtturi Indjani qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali.

(53)

Għalhekk, ġie konkluż li kien hemm raġunijiet ekonomiċi raġonevoli, barra l-impożizzjoni tad-dazju fuq l-importazzjonijiet tal-SSSPT li joriġinaw fir-RPĊ, għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ imsemmija fil-Kapitolu 2.3.3 hawn fuq.

3.   ŻVELAR

(54)

Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq u ġew mistiedna biex jikkummentaw. L-applikant ippreżenta informazzjoni addizzjonali fil-kummenti tiegħu dwar l-iżvelar finali.

(55)

L-applikant sfida d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tivverifikax l-uniku produttur Ċiniż li kkoopera. Il-Kummissjoni ma vverifikatx id-data mogħtija mill-produttur Ċiniż li kkoopera għaliex l-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-Indja rrapreżentaw sehem negliġibbli tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Indja u ma ġabu l-ebda valur miżjud lill-investigazzjoni. Bħala konsegwenza, din it-talba ġiet rifjutata.

(56)

L-applikant allega li l-Kummissjoni ċaħdet il-fatt li l-maġġoranza tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Istati Uniti jiġu ddikjarati bħala prodotti iffurmati bit-tkessiħ. Il-Kummissjoni tikkonferma li l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Istati Uniti ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni tagħha u ma tara l-ebda rilevanza tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Istati Uniti għall-każ preżenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

(57)

L-applikant qal ukoll li t-tagħmir tal-produzzjoni użati minn xi produtturi Indjani jippermettilhom li jipproduċu l-prodott taħt investigazzjoni ibda minn tubi ffurmati bit-tkessiħ biss. Il-verifika tal-faċilitajiet ta' produzzjoni tal-produtturi esportaturi Indjani wriet li huma kapaċi jipproduċu l-SSSPT li esportaw lejn l-Unjoni minn tubi ffurmati bis-sħana. Bħala konsegwenza, din it-talba ġiet rifjutata.

(58)

L-applikant ikkontesta wkoll il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-mudell ta' negozju mhux mibdula tal-produtturi esportaturi li huma responsabbli għall-maġġoranza kbira ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba peress li l-kumpaniji vverifikati kollha li jesportaw lejn l-Unjoni fil-perjodu tar-rappurtar (bl-eċċezzjoni ta' produttur wieħed li biegħ kwantità insinifikanti lejn l-Unjoni) bdew din il-prattika inkwistjoni, jiġifieri impurtaw it-tubi ffurmati bis-sħana mir-RPĊ u pproduċew u biegħu l-SSSPT domestikament u għall-esportazzjoni, qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali.

(59)

L-applikant stqarr ukoll li l-Kummissjoni bbażat ir-riżultati tagħha fuq il-klassifikazzjoni tal-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Indja kif ġie rrapportat minn data ta' importazzjoni Indjana, minflok ikkunsidrat il-klassifikazzjoni rrappurtata skont l-istatistika tal-esportazzjonijiet Ċiniżi. Kif stabbilit hawn fuq, l-istatistika Ċiniża turi esportazzjoni ta' tubi iffurmati bit-tkessiħ, filwaqt li l-istatistika Indjana turi l-importazzjoni ta' tubi iffurmati bis-sħana. L-applikant argumenta wkoll li jekk il-Kummissjoni kellha tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq l-istatistika tal-importazzjonijiet Indjana, allura l-Kummissjoni kien imissha kkonstatat li hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-seħħ, minħabba li 45 % tal-prodotti simili importati mir-RPĊ lejn l-Indja fl-2015 ġew iddikjarati bħala pajpijiet dritti. Skont l-applikant, l-ebda proċessar li seta' jsir l-Indja ma seta' jbiddel l-oriġini ta' dawk il-pajpijiet mill-oriġini Ċiniża. Fl-aħħar nett, l-applikant innota li ma saret l-ebda riċerka ulterjuri jew konklużjoni milħuqa fir-rigward tal-preċiżjoni tad-data tal-istatistika tal-importazzjonijiet Indjana.

(60)

Minħabba d-data kontraddittorja mogħtija mill-istatistika Ċiniża dwar l-esportazzjoni u l-istatistika Indjana dwar l-importazzjoni, il-Kummissjoni ma bbażatx is-sejbiet tagħha fuq din id-data statistika. Fil-fatt, minħabba l-livell għoli ħafna ta' kooperazzjoni, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq l-informazzjoni verifikata mogħtija mill-produtturi Indjani li kkooperaw. L-investigazzjoni ffukat fuq id-data attwali speċifika għall-kumpanija, li kkonfermat in-natura tal-prodotti nofshom lesti li jidħlu f'fabbriki Indjani, il-livell ta' pproċessar tagħhom f'dawk l-imtieħen u l-ġustifikazzjoni ekonomika għal din l-attività.

(61)

Fir-rigward tal-leġislazzjoni doganali dwar ir-regoli tal-oriġini, il-Kummissjoni nnutat li investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni tqis iżda ma tiddependix esklussivament fuq il-leġiżlazzjoni doganali biex tiddetermina jekk hix qed iseħħ iċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-seħħ. Barra minn hekk, l-applikant jirreferi biss għall-importazzjonijiet tal-pajp tal-linja mir-RPĊ lejn l-Indja. Tassew, il-volum ta' esportazzjoni ta' pajpijiet tal-linja mill-Indja lejn l-Unjoni huwa kważi 90 % iktar baxx mill-importazzjonijiet ta' pajpijiet tal-linja mir-RPĊ lejn l-Indja allegat mir-applikanti. Madankollu, l-investigazzjoni ma sabet l-ebda evidenza li dawn l-esportazzjonijiet limitati ta' pajpijiet tal-linja mill-Indja lejn l-Unjoni kienu ġew evitati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, dawn l-allegazzjonijiet ġew miċħuda.

(62)

Ir-applikant issuġġerixxa li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-produtturi Indjani akkwistaw b'mod kważi esklussiv it-tubi ffurmati bis-sħana intlaħqet esklużivament fuq il-bażi tal-ordnijiet ta' xiri tagħhom. Il-Kummissjoni ma laqgħetx din l-affermazzjoni, għaliex waslet għall-konklużjonijiet tagħha fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha, mhux biss fuq il-bażi tal-ordnijiet ta' xiri. Matul il-verifika fl-Indja l-Kummissjoni eżaminat il-materjal ta' input nofsu lest kif ukoll il-proċess tal-produzzjoni u tal-prodott lest ta' kull produttur Indjan ivverifikat. Bħala konsegwenza, din it-talba ġiet rifjutata.

(63)

Ir-applikant sostna wkoll li l-Kummissjoni ma sabet l-ebda prova li l-produtturi Ċiniżi ma pprovdewx tubi imtaqqba bis-sħana li kienu suġġetti l-ewwel għal iffurmar bil-kiesaħ fir-RPĊ, u r-applikant isostni li l-proċess sussegwenti fl-Indja imbagħad ikun insuffiċjenti biex jikkonferixxi l-oriġini. Minħabba li kien hemm kważi nuqqas totali ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni għamlet is-sejbiet tagħha rigward l-istadju ta' tlestija tal-prodotti nofshom lesti mir-RPĊ mill-produtturi Indjani fuq il-bażi tal-informazzjoni vverifikata tal-produtturi Indjani. Il-Kummissjoni ma sabet ebda evidenza li dawn diġà ġew ipproċessati bit-tkessiħ fir-RPĊ. Barra minn hekk, in-natura tal-proċess ta' produzzjoni Indjan ivverifikat (inkluż il-kapaċità ta' ffurmar bit-tkessiħ) u r-rieda tal-produtturi Ċiniżi biex jipprovdu t-tubi ffurmati bis-sħana nofshom lesti lejn l-Indja, tikkontradixxi l-allegazzjoni tar-applikant.

(64)

Barra minn hekk, anke jekk it-talba tar-applikant li tgħid li ċerti tubi nofshom lesti mwassla fl-Indja kienu għaddew minn livell limitat ta' pproċessar bil-kesħa fir-RPĊ kienet sostanzjata, dan l-ipproċessar kien ikollu effett limitat fuq ix-xogħol imwettaq fl-Indja. Tabilħaqq, kif imsemmi aktar 'il fuq, il-Kummissjoni stabbiliet li l-produtturi esportaturi vverifikati kollha fl-Indja wettqu trasformazzjoni sostanzjali fl-Indja, u stabbilew ġustifikazzjoni ekonomika għal din l-attività. Għalhekk il-Kummissjoni tirrifjuta dawk it-talbiet.

(65)

Barra minn hekk, ir-applikant ipprovda rapport rigward produttur Indjan fejn qal li ċerti pajpjiet importati minn dan il-produttur mir-RPĊ bħala ffurmati bis-sħana kienu ġew iffurmati ulterjorment bit-tkessiħ, għaliex ma jistgħux jiġu prodotti b'proċess bis-sħana permezz ta' cross roll piercing mill. Ir-rapport huwa bbażat fuq rapport dettaljat tal-importazzjonijiet mir-RPĊ minn dan il-produttur Indjan waħdieni.

(66)

Il-Kummissjoni osservat li t-talba hija limitata għat-tubi miksuba minn proċess ta' titqib bis-sħana. Madankollu, kemm il-proċess ta' estrużjoni u titqib bis-sħana huma użati mill-produtturi Ċiniżi. Barra minn hekk, l-investigazzjoni stabbiliet illi l-produtturi esportaturi Indjani importaw kemm it-tubi estrużi u mtaqqba. Għalhekk, din it-talba ma tindirizzax il-possibbiltà li l-pajpijiet importati minn din il-mitħna Indjana partikolari kienu estrużi bis-sħana. Barra minn hekk, l-istatistika tal-importazzjoni għal dan il-produttur partikolari ġiet sottomessa lill-Kummissjoni biss wara l-iżvelar finali u għalhekk ma setgħetx tiġi verifikata. Għaldaqstant, din it-talba ġiet irrifjutata.

(67)

Ir-applikant ipprovda email ta' konferma mingħand żewġ esportaturi magħżula fir-RPĊ, li rrifjutaw li jikkonsenjaw tubi mtaqqba bis-sħana u li kienu lesti joffru biss pajpijiet iffurmati bit-tkessiħ.

(68)

L-ewwel nett, tenut kont tan-numru sinifikanti ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ, (fl-investigazzjoni oriġinali kkooperaw 31 grupp ta' produtturi esportaturi), ma tista' ssir l-ebda konklużjoni mill-informazzjoni mogħtija minn tnejn minnhom. It-tieni nett, il-Kummissjoni nnutat li dan ma jindirizzax il-kwistjoni tal-produtturi esportaturi Indjani li huma kapaċi jipproduċu l-prodott li jesportaw lejn l-Unjoni, iżda sempliċiment tiżvela l-politika ta' bejgħ ta' dawk iż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

(69)

Ir-applikant jgħid li ma hemmx mitħna li ttaqqab fl-Indja li kapaċi tipproduċi tubi mtaqqba bit-tisħin b'dijametru ta' aktar minn 4 pulzieri u tinnota li dan ma ġiex analizzat mill-Kummissjoni.

(70)

Il-Kummissjoni tinnota li l-SSSPT esportati mill-produtturi esportaturi Indjani lejn l-Unjoni jistgħu jiġu prodotti mill-pajpijiet iffurmati bis-sħana li joriġinaw fl-Indja u fir-RPĊ. It-tagħmir disponibbli għall-produtturi esportaturi Indjani iħallihom jipproċessaw bit-tkessiħ it-tubi ffurmati bis-sħana Ċiniżi tal-pajpijiet b'dijametru ta' aktar minn 4 pulzieri. Għaldaqstant, din it-talba ġiet irrifjutata.

(71)

Ir-applikant saqsa dwar il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar it-trasformazzjoni sostanzjali fil-premessa (33) msemmija hawn fuq, fejn il-Kummissjoni spjegat li l-formazzjoni bil-kesħa tikkawża tibdil irriversibbli fil-karatteristiċi essenzjali tal-prodott u sostniet li l-ispejjeż tat-trasformazzjoni mhumiex sostanzjali.

(72)

Il-Kummissjoni l-ewwel innotat li r-applikant ma kkontestax li matul il-proċess ta' ffurmar bit-tkessiħ il-prodott ibiddel id-dimensjonijiet tiegħu u l-proprjetajiet fiżiċi, mekkaniċi u metallurġiċi tiegħu. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni nnutat li s-sejba ta' non-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku kienet ibbażata f'dan il-każ fuq l-eżistenza ta' kawża dovuta suffiċjenti u ġustifikazzjoni ekonomika għall-attivitajiet ta' pproċessar imwettqa fl-Indja. Għalhekk, ma kienx neċessarju li ssir evalwazzjoni kwantitattiva tal-ispejjeż ta' trasformazzjoni. Bħala konsegwenza, din it-talba ġiet rifjutata.

(73)

Ir-applikant indika li l-Kummissjoni ma qisitx li l-maġġoranza tal-importazzjonijiet tal-Unjoni mill-Indja qabel l-impożizzjoni tal-miżuri kontra r-RPĊ saru minn sussidjarja ta' produttur tal-Unjoni u ppropona li l-Kummissjoni taddatta t-Tabella 1 billi tnaqqas dawk l-importazzjonijiet, li jirriżultaw f'żieda qawwija fl-importazzjonijiet mill-Indja wara l-impożizzjoni tal-miżuri. Ir-applikant qal ukoll li jekk il-Kummissjoni teskludi dawk l-esportazzjonijiet, allura l-Unjoni ma tistax tiġi kkunsidrata suq tal-esportazzjoni importanti għal produtturi esportaturi Indjani qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali.

(74)

Anke jekk l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-imsemmija sussidjarja tal-produttur tal-Unjoni fl-Indja, li kienu relattivament stabbli matul il-perjodu ta' investigazzjoni kienu esklużi, dan ma jbiddilx il-valutazzjoni taż-żieda tal-esportazzjonijiet mill-Indja lejn l-Unjoni. Tabilħaqq, l-esportazzjonijiet Indjani lejn l-Unjoni baqgħu sinifikanti, bir-riżultat li kien hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ spjegat fil-premessi (36) u (37) aktar 'il fuq. F'dak li jirrigwarda l-attraenza tas-Suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni tirreferri għall-analiżi li saret matul l-investigazzjoni oriġinali.

(75)

Ir-applikant qal ukoll li kuntrarjament għal dak li sabet il-Kummissjoni li l-maġġoranza taż-żieda fl-importazzjonijiet Indjani mir-RPĊ seħħet qabel l-impożizzjoni tal-miżuri, iż-żieda fl-importazzjonijiet Indjani mir-RPĊ ħabtet mal-ftuħ tal-investigazzjoni.

(76)

L-investigazzjoni oriġinali bdiet fit-30 ta' Settembru 2010. Peress li l-SSSPT isiru tipikament fuq ordni u mhux mibjugħa mill-ħażniet, u tenut kont li ż-żmien għat-tbaħħir ta' merkanzija lejn l-Indja mir-RPĊ permezz ta' trasport bil-baħar, x'aktarx mhux minnu li ż-żieda fl-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Indja fl-2009 u 2010 seħħet wara d-data tal-bidu. F'kull każ, dan ma jbiddilx il-konklużjoni tal-Kummissjoni li ż-żieda fl-importazzjonijiet Indjani miċ-Ċina seħħet ħafna qabel l-impożizzjoni tal-miżuri u lanqas il-konklużjoni tagħha fil-premessi (37) u (38) li hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ, fejn il-Kummissjoni taqbel mar-applikant.

(77)

Ir-applikant isostni wkoll li l-proporzjon ta' esportazzjonijiet Indjani lejn l-Unjoni kontra l-importazzjonijiet Indjani mill-PRC żdiedu matul il-perjodu ta' investigazzjoni. B'referenza għall-informazzjoni fit-Tabella 2 hawn fuq, tabilħaqq dan il-proporzjon (D/B) żdied minn 54 % għal 95 %. Madankollu, kuntrarjament għall-allegazzjoni tal-applikant, dan ma jurix bidla fil-mudell kummerċjali tal-produtturi Indjani, iżda juri biss l-importanza dejjem tikber tas-suq tal-Unjoni għall-produtturi Indjani.

(78)

Sabiex jiġi stabbilit jekk il-mudell kummerċjali tal-produtturi Indjani nbidilx, kien meħtieġ li jiġu analizzati l-operazzjonijiet tagħhom kollha kemm huma, minflok l-analiżi tiġi limitata għall-bejgħ tagħhom lejn l-Unjoni. Sabiex tanalizza dan, il-Kummissjoni użat it-tqabbil tal-importazzjonijiet Indjani mir-RPĊ fuq it-total tal-bejgħ Indjan tal-kumpaniji Indjani li kkooperaw. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat din it-talba.

(79)

Ir-applikant sostna wkoll li l-ġbid bil-kiesaħ mhux proċess li jeħtieġ investimenti sinifikanti f'assi fissi u saqsa lill-Kummissjoni jekk ivverifikatx l-użu tal-kapaċità qabel il-bidu tal-perjodu ta' investigazzjoni sal-perjodu ta' investigazzjoni.

(80)

Il-Kummissjoni vverifikat li l-użu tal-kapaċità tal-produtturi esportaturi Indjani li kkooperaw, u sabet li l-użu tal-kapaċità ġeneralment qabeż il-kwota ta' produzzjoni attwali matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dan isostni s-sejba li l-maġġoranza tal-kumpaniji kienu diġà mgħammra bl-assi fissi neċessarji qabel il-bidu tal-investigazzjoni oriġinali, kif intqal fil-premessa (49) aktar 'il fuq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li l-produtturi esportaturi vverifikati li esportaw lejn l-Unjoni fil-perjodu ta' rappurtar kienu mgħammra minn u kienu qed jużaw mtieħen pilger. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx it-talba u saħqet l-konstatazzjoni tagħha dwar ir-rekwiżit ta' investimenti sinifikanti kif iddikjarat fil-premessa (49) aktar 'il fuq.

(81)

Fil-kummenti tagħha dwar is-sejbiet stabbiliti fil-premessa (50), ir-applikant qabbel id-data tal-Eurostat u skopra li l-prezz Indjan medju tal-importazzjonijiet mill-Indja kien ogħla mill-prezz tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ sas-sena 2014.

(82)

Fil-premessa (50) il-Kummissjoni wettqet paragun tal-prezzijiet medji fl-2009 skont l-istatistika ppubblikata fit-tabelli 4 u 17 tar-Regolament Kummissjoni (UE) Nru 627/2011 (4), li turi prezz aktar baxx għall-Indja. F'kull każ, ir-applikant ma jinnegax il-fatt li l-importazzjonijiet Indjani saru l-irħas sors ta' importazzjonijiet fuq is-suq tal-Unjoni wara l-impożizzjoni tad-dazju kontra d-dumping kontra r-RPĊ. Bħala konsegwenza, din it-talba wkoll ġiet rifjutata.

4.   TMIEM L-INVESTIGAZZJONI

(83)

Minħabba s-sejbiet li saru hawn fuq, l-investigazzjoni dwar evażjoni potenzjali għandha tintemm.

(84)

L-investigazzjoni wriet li l-ipproċessar bit-tkessiħ jirrappreżenta trasformazzjoni sostanzjali tal-prodott u li hemm raġuni xierqa u ġustifikazzjoni ekonomika li mhix l-evażjoni tad-dazju għal kull bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ, l-Indja u l-Unjoni.

(85)

Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) għall-eżistenza ta' evażjoni għalhekk ma ġewx sodisfatti u l-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġinaw fir-RPĊ ma għandhomx jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott mibgħut permezz tal-Indja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Indja jew le.

(86)

Ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni kkunsinjat mill-Indja, jekk iddikjarat li joriġina mill-Indja jew le, kif introdott mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/272 ma għandhiex titkompla.

(87)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma tax opinjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-investigazzjoni mibdija mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/272 dwar il-possibilità ta' evażjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1331/2011 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi tal-azzar inossidabbli mingħajr saldaturi, li attwalment jaqgħu taħt il-Kodiċijiet NM ex 7304 11 00, ex 7304 22 00, ex 7304 24 00, ex 7304 41 00, 7304 49 10, ex 7304 49 93, ex 7304 49 95, ex 7304 49 99 u ex 7304 90 00 (kodiċijiet TARIC: 7304110011, 7304110019, 7304220021, 7304220029, 7304240021, 7304240029, 7304410091, 7304491091, 7304499391, 7304499591, 7304499991 u 7304900091) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina minn importazzjonijiet mibgħuta mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u kemm jekk le, u li jagħmel lit-tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni hija b'dan itterminata.

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali huma ordnati li ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/272.

Artikolu 3

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/272 huwa b'dan revokat.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 336, 20.12.2011, p. 6.

(3)  ĠU L 40, 17.2.2017, p. 64.

(4)  ĠU L 169, 29.6.2011, p. 1.