7.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/2


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1992

tas-6 ta' Novembru 2017

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (“Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” (IĠP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(1) u 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Kroazja biex tirreġistra d-denominazzjoni “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Fil-11 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta' oppożizzjoni mis-Slovenja. Il-Kummissjoni rċeviet id-dikjarazzjoni motivata ta' oppożizzjoni relatata ma' dan fis-7 ta' April 2016.

(3)

Billi din l-oppożizzjoni setgħet tintlaqa', il-Kummissjoni stiednet lill-Kroazja u lis-Slovenja, bl-ittra tat-13 ta' Mejju 2016, biex jipparteċipaw f'konsultazzjonijiet xierqa għal perjodu ta' tliet xhur biex jilħqu qbil bejniethom, skont il-proċeduri interni tagħhom.

(4)

Ma ntlaħaq l-ebda qbil bejn il-partijiet. L-informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet xierqa li seħħew bejn il-Kroazja u s-Slovenja twasslet kif xieraq lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li tqis ir-riżultati ta' dawn il-konsultazzjonijiet.

(5)

Il-Kummissjoni evalwat l-argumenti mogħtija fid-dikjarazzjoni motivata ta' oppożizzjoni u fl-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni dwar il-konsultazzjonijiet bejn il-partijiet interessati u kkonkludiet li d-denominazzjoni “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” għandha tiġi rreġistrata bħala IĠP.

(6)

Skont l-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-parti opponenti allegat li r-reġistrazzjoni ta' “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta, tipperikola l-eżistenza ta' denominazzjoni ta' prodott identiku li ilu legalment fis-suq għal aktar minn ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 50(2).

(7)

Skont il-parti opponenti, il-produttur Sloven, Celjske mesnine d.d., ilu jipproduċi u jikkumerċjalizza s-Slavonski kulen b'mod leġittimu għal aktar minn 25 sena, bi produzzjoni annwali medja ta' madwar 70 tunnellata. Is-Slavonski kulen magħmul fis-Slovenja, idaħħal madwar EUR 450 000 f'bejgħ kull sena, u minħabba l-kwalità għolja tiegħu, il-produzzjoni qed tiżdied. Ingħatat evidenza li s-Slavonski kulen magħmul fis-Slovenja, ġie kkummerċjalizzat fis-Slovenja u f'postijiet oħra fl-UE (l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja, il-Kroazja) u f'pajjiżi terzi (is-Serbja, il-Bożnija-Ħerzegovina) matul dawn l-aħħar għaxar snin.

(8)

Il-parti opponenti tisħaq, u ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza kuntrarja, li l-użu tad-denominazzjoni “Slavonski kulen” fis-Slovenja qatt ma kien maħsub biex tiġi sfruttata r-reputazzjoni tad-denominazzjoni kif hemm referenza għaliha fil-prodott Kroat, u l-konsumaturi qatt ma ġew żgwidati dwar l-oriġini tal-prodott.

(9)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” bħala IĠP, u l-projbizzjoni li tirriżulta fuq l-użu tad-denominazzjoni, tista' tipperikola l-eżistenza ta' denominazzjoni ta' prodott identiku utilizzata minn Celjske mesnine. Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” (IĠP) ma ġewx ikkontestati. Għaldaqstant, dik id-denominazzjoni tikkwalifika għar-reġistrazzjoni bħala IĠP.

(10)

Madankollu, fid-dawl tal-informazzjoni inkluża fl-oppożizzjoni Slovena, li tagħti evidenza li s-Slavonski kulen magħmul fis-Slovenja ilu jiġi kkummerċjalizzat legalment b'dik d-denominazzjoni għal aktar minn ħames (5) snin iżda mhux aktar minn 25 sena, huwa xieraq li jingħata perjodu tranżitorju ta' ħames (5) snin lil kumpanija Slovena Celjske mesnine d.d., u titħalla tibqa' tuża d-denominazzjoni ipperikolata bir-reġistrazzjoni filwaqt li taġġusta l-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni tiegħu fis-suq.

(11)

Filwaqt li tingħata protezzjoni lit-terminu “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” b'mod ġenerali, il-komponent li mhuwiex ġeografiku ta' dak it-terminu, “kulen”/“kulin”, li jiddefinixxi tip ta' zalzett, jista' jkompli jintuża, anke fit-traduzzjoni, fl-Unjoni kollha, sakemm jitħarsu l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tal-Unjoni.

(12)

Fid-dawl ta' dan kollu, d-denominazzjoni “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” għandha tiddaħħal fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” (IĠP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-Klassi 1.2 — Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

It-terminu “kulen”/“kulin” jista' jkompli jintuża, anke fit-traduzzjoni, madwar l-Unjoni Ewropea kollha, sakemm jitħarsu l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Il-kumpanija Slovena Celjske mesnine d.d. tista' tkompli tuża t-terminu “Slavonski kulen” biex tirreferi għal prodott li ma jikkonformax mal-ispeċifikazzjoni tas-“Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” (IĠP) għal perjodu ta' ħames (5) snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU C 375, 12.11.2015, p. 9.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).