9.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/63


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1987

tal-31 ta' Ottubru 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 15

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2), ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fit-12 ta' April 2016, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika emendi għal Standard Internazzjonali ta' Rappurtaġġ Finanzjarju (International Financial Reporting Standard, IFRS) 15 ġdid Dħul minn Kuntratti mal-Klijenti. L-emendi għandhom l-għan li jiċċaraw xi rekwiżiti u jipprovdu għajnuna tranżitorja addizzjonali għal kumpaniji li jimplimentaw l-istandard.

(3)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju tikkonferma li l-emendi għall-IFRS 15 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 15 Dħul minn Kuntratti mal-Klijenti huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data ta' bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2018 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1)


ANNESS

Kjarifiki għall-IFRS 15

Dħul minn Kuntratti mal-Klijenti

Emendi għall-

IFRS 15 Dħul minn Kuntratti mal-Klijenti

Il-paragrafi 26, 27 u 29 huma emendati. Il-paragrafi 28 u 30 ma ġewx emendati iżda huma inklużi għall-ħeffa ta' referenza.

Oġġetti jew servizzi distinti

26.

Skont il-kuntratt, oġġetti jew servizzi mwiegħda jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, dawn li ġejjin:

(a)

il-bejgħ ta' oġġetti prodotti minn entità (pereżempju, inventarju ta' manifattur);

(b)

il-bejgħ mill-ġdid ta' oġġetti mixtrija minn entità (pereżempju, merkanzija ta' bejjiegħ bl-imnut);

(c)

il-bejgħ mill-ġdid ta' oġġetti jew servizzi mixtrija minn entità (pereżempju, biljett mibjugħ mill-ġdid minn entità li taġixxi bħala prinċipal, kif deskritt fil-paragrafi B34–B38);

(d)

it-twettiq ta' kompitu (jew kompiti) li ntlaħaq qbil dwaru b'kuntratt għal klijent;

(e)

il-forniment ta' servizz fejn ikun lest li jipprovdi oġġetti jew servizzi (pereżempju, aġġornamenti fis-softwer mhux speċifikati li jiġu pprovduti fuq bażi ta' meta u jekk ikunu disponibbli) jew biex oġġetti jew servizzi jitqiegħdu disponibbli għal klijent biex jintużaw kif u meta jiddeċiedi l-klijent;

(f)

il-forniment ta' servizz fejn isir arranġament sabiex parti oħra tittrasferixxi oġġetti jew servizzi lil klijent (pereżempju, taġixxi bħala aġent ta' parti oħra, kif deskritt fil-paragrafi B34–B38);

(g)

l-għoti ta' drittijiet għal oġġetti jew servizzi li għandhom jiġu pprovduti fil-futur li klijent jista' jbigħ mill-ġdid jew jipprovdi lill-klijent tiegħu (pereżempju, entità li tbigħ prodott lil bejjiegħ bl-imnut twiegħed li tittrasferixxi oġġett jew servizz addizzjonali lil individwu li jixtri l-prodott mingħand il-bejjiegħ bl-imnut);

(h)

il-kostruzzjoni, il-manifattura jew l-iżvilupp ta' assi f'isem klijent;

(i)

l-għoti ta' liċenzji (ara l-paragrafi B52–B63B); kif ukoll

(j)

l-għoti ta' għażliet ta' xiri ta' oġġetti jew servizzi addizzjonali (meta dawk l-għażliet jipprovdu lil klijent dritt materjali, kif deskritt fil-paragrafi B39–B43).

27.

Oġġett jew servizz li huwa mwiegħed lil klijent huwa distint jekk ikunu ssodisfati ż-żewġ kriterji li ġejjin:

(a)

il-klijent jista' jibbenefika mill-oġġett jew is-servizz kemm waħdu jew flimkien ma' riżorsi oħrajn li huma faċilment disponibbli għall-klijent (jiġifieri l-oġġett jew is-servizz jista' jkun distint); kif ukoll

(b)

il-wegħda tal-entità li tittrasferixxi l-oġġett jew is-servizz lill-klijent hija identifikabbli b'mod separat minn wegħdiet oħrajn fil-kuntratt (jiġifieri l-wegħda ta' trasferiment tal-oġġett jew is-servizz tkun distinta fil-kuntest tal-kuntratt).

28.

Klijent jista' jibbenefika minn oġġett jew servizz skont il-paragrafu 27(a) jekk l-oġġett jew is-servizz jista' jintuża, jiġi kkunsmat, mibjugħ għal ammont li huwa akbar mill-valur tar-ruttam jew miżmumin mod ieħor b'mod li jiġġenera benefiċċji ekonomiċi. Għal ċerti oġġetti jew servizzi, klijent jista' jibbenefika minn oġġett jew servizz waħdu. Għal oġġetti jew servizzi oħrajn, klijent jista' jibbenefika minn oġġett jew servizz biss flimkien ma' riżorsi oħrajn faċilment disponibbli. Riżors faċilment disponibbli huwa oġġett jew servizz li jinbigħ separatament (mill-entità jew entità oħra) jew riżors li l-klijent diġà kiseb mingħand l-entità (inklużi oġġetti jew servizzi li l-entità tkun diġà trasferiet lill-klijent taħt il-kuntratt) jew minn tranżazzjonijiet jew avvenimenti oħrajn. Diversi fatturi jistgħu jipprovdu evidenza li l-klijent jista' jibbenefika minn oġġett jew servizz kemm waħdu kif ukoll flimkien ma' riżorsi oħrajn faċilment disponibbli. Pereżempju, il-fatt li l-entità tbigħ regolarment oġġett jew servizz b'mod separat jindika li klijent jista' jibbenefika mill-oġġett jew servizz waħdu jew b'riżorsi oħrajn faċilment disponibbli.

29.

Fil-valutazzjoni ta' jekk wegħdiet ta' entità li tittrasferixxi oġġetti jew servizzi lill-klijent humiex identifikabbli separatament skont il-paragrafu 27(b), l-għan huwa li jiġi ddeterminat jekk in-natura tal-wegħda, fil-kuntest tal-kuntratt, hijiex it-trasferiment ta' kull wieħed minn dawn il-prodotti jew servizzi b'mod individwali jew, minflok, li tittrasferixxi oġġett(i) kombinati li għalihom l-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda huma inputs. Fatturi li jindikaw li żewġ wegħdiet jew iktar li jiġi trasferit oġġett jew servizz lil klijent mhumiex identifikabbli b'mod separat jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, dawn li ġejjin:

(a)

l-entità tipprovdi servizz sinifikanti ta' integrazzjoni tal-oġġetti jew tas-servizzi ma' oġġetti jew servizzi oħrajn imwiegħda fil-kuntratt f'pakkett ta' oġġetti jew servizzi li jirrappreżentaw il-prodott ikkombinat li għalih il-klijent għamel kuntratt. Fi kliem ieħor, l-entità qed tuża l-oġġetti jew is-servizzi bħala input sabiex tipproduċi jew twassal il-prodott(i) ikkombinat(i) speċifikat(i) mill-klijent. Prodott(i) ikkombinat(i) jistgħu jinkludu aktar minn fażi, komponent jew unità waħda.

(b)

prodott jew servizz wieħed jew aktar ibiddel jew jippersonalizza b'mod sinifikanti, jew huma modifikati jew personalizzati b'mod sinifikanti minn, wieħed jew aktar prodotti jew servizzi mwiegħda fil-kuntratt.

(c)

il-prodotti jew is-servizzi huma ferm interdipendenti jew interrelatati. Fi kliem ieħor, kull prodott jew servizz jiġi affettwat b'mod sinifikanti minn wieħed jew aktar oġġetti jew servizzi oħra fil-kuntratt. Pereżempju, f'xi każijiet, tnejn jew iktar oġġetti jew servizzi huma affettwati b'mod sinifikanti minn xulxin minħabba li l-entità ma tkunx tista' twettaq il-wegħda tagħha permezz tat-trasferiment ta' kull wieħed mill-oġġetti jew mis-servizzi b'mod indipendenti.

30.

Jekk oġġett jew servizz imwiegħed ma jkunx distint, entità għandha tgħaqqad dak l-oġġett jew servizz ma' oġġetti jew servizzi mwiegħda oħrajn sakemm tidentifika pakkett ta' oġġetti jew servizzi li huwa distint. F'ċerti każijiet, dan iwassal biex l-entità tikkunsidra l-oġġetti jew is-servizzi kollha mwiegħda f'kuntratt bħala obbligu ta' prestazzjoni wieħed.

Fl-Appendiċi B, il-paragrafi B1, B34-B38, B52-B53 u B58 huma emendati u l-paragrafi B34 A, B35a, B35B, B37 A, B59 A, B63 A u B63B huma miżjuda. Il-paragrafu B57 huwa mħassar. Il-paragrafi B54–B56, B59 u B60–B63 ma ġewx emendati iżda huma inklużi għall-ħeffa ta' referenza.

Appendiċi B

Gwida għall-Applikazzjoni

B1

Din il-gwida għall-applikazzjoni hija organizzata f'dawn il-kategoriji li ġejjin:

(a)

(i)

ħruġ ta' liċenzji (il-paragrafi B52–B63B);

(j)

Entità prinċipali jew li taġixxi bħala aġent

B34

Meta parti oħra tkun involuta fil-forniment ta' oġġetti jew servizzi lil klijent, l-entità għandha tiddetermina jekk in-natura tal-wegħda tagħha hijiex obbligu ta' prestazzjoni li tipprovdi l-oġġetti jew is-servizzi speċifikati hija stess (jiġifieri l-entità hija prinċipal) jew li tirranġa għall-parti l-oħra li tipprovdi dawk l-oġġetti jew servizzi (jiġifieri l-entità hija aġent). Entità tiddetermina jekk hijiex prinċipal jew aġent għal kull prodott jew servizz speċifikat imwiegħed lill-klijent. Oġġett jew servizz speċifikat huwa oġġett jew servizz distint (jew grupp ta' prodotti jew servizzi distinti) li għandu jiġi pprovdut lill-klijent (ara l-paragrafi 27–30). Jekk kuntratt ma' klijent jinkludi aktar minn tip wieħed ta' oġġett jew servizz speċifikat, entità tista' tkun dik prinċipali għal xi oġġetti jew servizzi speċifikati u aġent għal oħrajn.

B34 A

Biex tiġi determinata n-natura tal-wegħda tagħha (kif deskritt fil-paragrafu B34), l-entità għandha:

(a)

tidentifika l-oġġetti jew is-servizzi speċifikati li għandhom jiġu pprovduti lill-klijent (li, pereżempju, jista' jkun dritt għal kull oġġett jew servizz li għandu jiġi pprovdut minn parti oħra (ara l-paragrafu 26)); kif ukoll

(b)

tivvaluta jekk tikkontrollax (kif deskritt fil-paragrafu 33) kull oġġett jew servizz speċifikat qabel ma dan l-oġġett jew servizz jiġi trasferit lill-klijent.

B35

Entità hija prinċipali jekk tikkontrolla l-oġġett jew servizz speċifikat qabel ma dan l-oġġett jew servizz jiġi trasferit lill-klijent. Madankollu, entità mhux neċessarjament tikkontrolla oġġett speċifikat jekk l-entità tikseb titolu legali għal dan l-oġġett għal perjodu temporanju biss qabel ma t-titolu legali jiġi trasferit lil klijent. Entità li hija prinċipali tista' tissodisfa l-obbligu tagħha ta' prestazzjoni biex tipprovdi l-oġġett jew is-servizz speċifikat hija nnisifha jew tista' tqabbad parti oħra (pereżempju, sottokuntrattur) sabiex tissodisfa xi ftit mill-obbligu ta' prestazzjoni jew l-obbligu kollu f'isimha.

B35 A

Meta parti oħra tkun involuta fil-forniment ta' oġġetti jew servizzi lil klijent, entità li tkun prinċipali li tikseb kontroll ta' kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

oġġett jew assi ieħor mill-parti l-oħra li hija mbagħad tittrasferixxi lill-klijent.

(b)

dritt għal servizz li għandu jitwettaq mill-parti l-oħra, li jagħti lill-entità l-kapaċità li tidderieġi lil dik il-parti biex tipprovdi servizz lill-klijent f'isem tal-entità.

(c)

oġġett jew servizz mill-parti l-oħra li hija mbagħad tikkombina flimkien ma' oġġetti jew servizzi oħrajn li jipprovdu l-oġġett jew is-servizz speċifikat lill-klijent. Pereżempju, jekk entità tagħti servizz sinifikanti ta' integrazzjoni ta' oġġetti jew servizzi (ara l-paragrafu 29(a)) provduti minn parti oħra fl-oġġett jew servizz speċifikat li għalih il-konsumatur ikun ikkuntratta, l-entità tikkontrolla l-oġġett jew is-servizz speċifikat qabel ma dan il-prodott jew servizz jiġi trasferit lill-klijent. Dan għaliex l-entità l-ewwel tikseb kontroll tal-inputs għall-oġġett jew servizz speċifikat (li jinkludi prodotti jew servizzi minn partijiet oħra) u tidderieġi l-użu tagħhom biex toħloq il-prodott kombinat li huwa l-oġġett jew is-servizz speċifikat.

B35B

Meta (jew billi) entità li hija prinċipali tissodisfa obbligu ta' prestazzjoni, l-entità tirrikonoxxi dħul fl-ammont gross tal-korrispettiv li tistenna li tkun intitolata għalih għal dawk l-oġġetti jew servizzi trasferiti speċifikati.

B36

Entità tkun aġent jekk l-obbligu ta' prestazzjoni tal-entità jkun li tirranġa għall-forniment tal-oġġett jew servizz speċifikat minn parti oħra. Entità li hija aġent ma tikkontrollax l-oġġett jew servizz speċifikat minn parti oħra qabel dan l-oġġett jew servizz jiġi trasferit lill-klijent. Meta (jew billi) entità li hija aġent tissodisfa obbligu ta' prestazzjoni, l-entità tirrikonoxxi d-dħul fl-ammont ta' kwalunkwe tariffa jew kummissjoni li hija tistenna li tkun intitolata għaliha bi skambju tal-koordinazzjoni biex il-parti l-oħra tipprovdi l-oġġetti jew is-servizzi. It-tariffa jew il-kummissjoni ta' entità tista' tkun l-ammont nett ta' korrispettiv li l-entità żżomm wara li tkun ħallset lill-parti l-oħra l-korrispettiv irċevut bi skambju għall-oġġetti jew is-servizzi li għandhom ikunu pprovduti minn dik il-parti.

B37

Indikaturi li entità tikkontrolla l-oġġett jew is-servizz speċifikat qabel ma jiġi trasferit lill-klijent (u għalhekk hija prinċipali (ara l-paragrafu B35)) jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, dawn li ġejjin:

(a)

l-entità hija primarjament responsabbli biex twettaq il-wegħda li tipprovdi l-oġġett jew is-servizz speċifikat. Tipikament, dan jinkludi r-responsabbiltà għall-aċċettabbiltà tal-oġġett jew is-servizz speċifikat (pereżempju, ir-responsabbiltà primarja li l-oġġett jew is-servizz jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-klijent). Jekk l-entità hija primarjament responsabbli biex twettaq il-wegħda li tipprovdi l-oġġett jew is-servizz speċifikat, dan jista' jindika li l-parti l-oħra involuta fil-forniment tal-oġġett jew is-servizz speċifikat tkun qed taġixxi f'isem l-entità.

(b)

l-entità jkollha riskju tal-inventarju qabel ma l-oġġett jew is-servizz speċifikat jiġi trasferit lil klijent jew wara trasferiment tal-kontroll lill-klijent (pereżempju, jekk il-klijent għandu dritt li jibdel). Pereżempju, jekk l-entità tikseb, jew timpenja ruħha li tikseb, l-oġġett jew is-servizz speċifikat qabel ma tikseb kuntratt ma' klijent, dan jista' jindika li l-entità jkollha l-ħila li tidderieġi l-użu ta', u li tikseb b'mod sostanzjali l-benefiċċji kollha li jifdal minn, l-oġġett jew is-servizz qabel ma jiġi trasferit lill-klijent.

(c)

l-entità tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali fil-mod kif jiġi stabbilit il-prezz għall-oġġett jew is-servizz speċifikat. L-istabbiliment tal-prezz li l-klijent iħallas għall-oġġett jew is-servizz speċifikat jista' jindika li l-entità għandha l-ħila li tidderieġi l-użu ta' dak il-prodott jew servizz u tikseb sostanzjalment il-benefiċċji kollha li jkun fadal. Madankollu, aġent jista' jkollu setgħa diskrezzjonali fl-istabbiliment tal-prezzijiet f'xi każijiet. Pereżempju, aġent jista' jkollu ftit flessibbiltà fl-istabbiliment tal-prezzijiet sabiex jiġi ġġenerat dħul addizzjonali mis-servizz tiegħu li jikkoordina biex l-oġġetti jew is-servizzi jiġu pprovduti minn partijiet oħra lill-klijenti.

B37 A

L-indikaturi fil-paragrafu B37 jistgħu jkunu xi ftit jew wisq rilevanti għall-valutazzjoni tal-kontroll skont in-natura tal-oġġett jew is-servizz speċifikat u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Barra minn hekk, indikaturi differenti jistgħu jipprovdu aktar evidenza konvinċenti f'kuntratti differenti.

B38

Jekk entità oħra tassumi l-obbligi ta' prestazzjoni u d-drittijiet kuntrattwali fil-kuntratt tal-entità b'mod li l-entità ma tibqax obbligata li tissodisfa l-obbligu ta' prestazzjoni li tittrasferixxi l-oġġett jew is-servizz speċifikat lill-klijent (jiġifieri l-entità ma għadhiex taġixxi bħala prinċipali), l-entità m'għandhiex tirrikonoxxi dħul għal dak l-obbligu ta' prestazzjoni. Minflok, l-entità għandha tevalwa jekk tirrikonoxxix dħul għall-issodisfar ta' obbligu ta' prestazzjoni sabiex tikseb kuntratt għall-parti l-oħra (jiġifieri jekk l-entità hijiex taġixxi bħala aġent).

Għoti ta' liċenzji

B52

Liċenzja tistabbilixxi d-drittijiet tal-klijent għall-proprjetà intellettwali ta' entità. Il-liċenzji ta' proprjetà intellettwali jistgħu jinkludu, iżda mhumiex biss limitati għal, liċenzji ta' kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

softwer u teknoloġija;

(b)

films, mużika u forom oħrajn ta' midja u divertiment;

(c)

frankiġji; kif ukoll

(d)

privattivi, marki kummerċjali u drittijiet tal-awtur.

B53

Minbarra mill-wegħda li tagħti liċenzja (jew liċenzji) lil klijent, entità tista' wkoll twiegħed li tittrasferixxi oġġetti jew servizzi oħrajn lill-klijent. Dawk il-wegħdiet jistgħu jkunu ddikjarati b'mod espliċitu fil-kuntratt jew implikati mill-prattiki tan-negozju konswetudinarji, politiki ppubblikati jew dikjarazzjonijiet speċifiċi ta' entità (ara l-paragrafu 24). Bħal fil-każ ta' tipi oħrajn ta' kuntratti, meta kuntratt ma' klijent jinkludi wegħda li tingħata liċenzja (jew liċenzji) minbarra oġġetti jew servizzi mwiegħda oħrajn, entità għandha tapplika l-paragrafi 22–30 sabiex tidentifika kull obbligu ta' prestazzjoni fil-kuntratt.

B54

Jekk il-wegħda li tingħata liċenzja mhijiex separata minn oġġetti jew servizzi mwiegħda oħrajn fil-kuntratt skont il-paragrafi 26–30, entità għandha tikkunsidra l-wegħda li tagħti liċenzja u dawk l-oġġetti jew is-servizzi mwiegħda l-oħrajn flimkien bħala obbligu ta' prestazzjoni wieħed. Eżempji ta' liċenzji li mhumiex separati minn oġġetti jew servizzi oħrajn imwiegħda fil-kuntratt jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

liċenzja li tifforma komponent ta' oġġett tanġibbli u li hija integrali għall-funzjonalità tal-oġġett; kif ukoll

(b)

liċenzja li l-klijent jista' jibbenefika minnha biss flimkien ma' servizz relatat (bħal servizz online ipprovdut mill-entità li jippermetti, bl-għoti ta' liċenzja, lill-klijent jaċċessa kontenut).

B55

Jekk il-liċenzja ma tkunx separata, entità għandha tapplika l-paragrafi 31–38 sabiex tiddetermina jekk l-obbligu ta' prestazzjoni (li jinkludi l-liċenzja mwiegħda) huwiex obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat maż-żmien jew issodisfat f'punt speċifiku taż-żmien.

B56

Jekk il-wegħda li tingħata liċenzja hija separata mill-oġġetti jew is-servizzi l-oħrajn imwiegħda fil-kuntratt u, allura, il-wegħda li tingħata l-liċenzja hija obbligu ta' prestazzjoni separata, entità għandha tiddetermina jekk il-liċenzja tittrasferixxix lil klijent f'punt partikolari taż-żmien jew maż-żmien. Meta tkun qiegħda tiddetermina dan, entità għandha tikkunsidra jekk in-natura tal-wegħda tal-entità tal-għoti tal-liċenzja lil klijent hijiex li tipprovdi lill-klijent bi:

(a)

dritt għall-aċċess għall-proprjetà intellettwali tal-entità kif teżisti matul il-perjodu tal-liċenzja; jew

(b)

dritt li juża l-proprjetà intellettwali tal-entità kif teżisti fil-punt speċifiku taż-żmien li fih tingħata l-liċenzja.

Id-determinazzjoni tan-natura tal-wegħda tal-entità

B57

[Imħassra]

B58

In-natura tal-wegħda ta' entità fl-għoti ta' liċenzja hija wegħda li tipprovdi dritt għall-aċċess għall-proprjetà intellettwali tal-entità jekk dawn il-kriterji kollha li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

il-kuntratt jeħtieġ, jew il-klijent raġonevolment jistenna, li l-entità ser twettaq attivitajiet li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-proprjetà intellettwali li l-klijent għandu dritt għaliha (ara l-paragrafi B59 u B59 A);

(b)

id-drittijiet mogħtija mil-liċenzja jesponu direttament lill-klijent għal kwalunkwe effett pożittiv jew negattiv tal-attivitajiet tal-entità identifikati fil-paragrafu B58(a); kif ukoll

(c)

dawk l-attivitajiet ma jirriżultawx fit-trasferiment ta' oġġett jew servizz lill-klijent waqt li jkunu qegħdin iseħħu dawk l-attivitajiet (ara l-paragrafu 25).

B59

Fatturi li jistgħu jindikaw li klijent jista' raġonevolment jistenna li entità ser twettaq attivitajiet li jaffettwaw b'mod sinifikanti l-proprjetà intellettwali jinkludu l-prattiki ta' negozju konswetudinarji, il-politiki ppubblikati jew dikjarazzjonijiet speċifiċi tal-entità. Għalkemm mhux determinanti, l-eżistenza ta' interess ekonomiku kondiviż (pereżempju, dritt ibbażat fuq il-bejgħ) bejn l-entità u l-klijent relatat mal-proprjetà intellettwali li għaliha l-klijent għandu dritt tista' wkoll tindika li l-klijent jista' raġonevolment jistenna li l-entità ser twettaq dawn l-attivitajiet.

B59 A

L-attivitajiet ta' entità jaffettwaw b'mod sinifikanti l-proprjetà intellettwali li l-klijent ikollu drittijiet għaliha meta jew:

(a)

dawk l-attivitajiet huma mistennija li jibdlu b'mod sinifikanti l-għamla (pereżempju, id-disinn jew il-kontenut) jew il-funzjonalità (pereżempju, il-kapaċità li jaqdu funzjoni jew kompitu) tal-proprjetà intellettwali; jew

(b)

il-kapaċità tal-klijent li jikseb benefiċċju mill-proprjetà intellettwali hija sostanzjalment derivata minn, jew dipendenti minn, dawk l-attivitajiet. Pereżempju, il-benefiċċju minn marka kummerċjali ta' spiss huwa derivat minn, jew dipendenti fuq, l-attivitajiet attwali tal-entità li jsostnu jew iżommu l-valur tal-proprjetà intellettwali.

Għaldaqstant, jekk il-proprjetà intelletwali li l-klijent ikollu drittijiet għaliha għandha funzjonalità awtonoma sinifikanti, porzjon sostanzjali tal-benefiċċju ta' din il-proprjetà intellettwali hija derivata minn din il-funzjonalità. Konsegwentement, il-kapaċità tal-klijent li jikseb benefiċċju minn dik il-proprjetà intellettwali ma tkunx affettwata b'mod sinifikanti mill-attivitajiet tal-entità sakemm dawn l-attivitajiet ma jibdlux b'mod sinifikanti l-forma jew il-funzjonalità tagħha. Tipi ta' proprjetà intellettwali li spiss ikollhom funzjonalità awtonoma sinifikanti jinkludu softwer, komposti bijoloġiċi jew formoli tad-droga, u kontenut tal-midja komplut (pereżempju, films, programmi televiżivi u reġistrazzjonijiet mużikali).

B60

Jekk il-kriterji fil-paragrafu B58 ikunu ssodisfati, entità għandha tikkunsidra l-wegħda li tagħti liċenzja bħala obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat maż-żmien peress li l-klijent ser jirċievi u jikkonsma fl-istess ħin il-benefiċċju mill-prestazzjoni tal-entità li tipprovdi aċċess għall-proprjetà intellettwali tagħha waqt li sseħħ il-prestazzjoni (ara l-paragrafu 35(a)). Entità għandha tapplika l-paragrafi 39–45 sabiex tagħżel metodu xieraq biex tkejjel il-progress tagħha lejn l-issodisfar sħiħ ta' dak l-obbligu ta' prestazzjoni li tipprovdi aċċess.

B61

Jekk il-kriterji fil-paragrafu B58 ma jkunux issodisfati, in-natura tal-wegħda ta' entità hija li tipprovdi dritt li wieħed juża l-proprjetà intellettwali tal-entità waqt li dik il-proprjetà intellettwali tkun teżisti (f'termini ta' forma u funzjonalità) fil-punt speċifiku taż-żmien li fih il-liċenzja tingħata lill-klijent. Dan ifisser li l-klijent jista' jidderieġi l-użu tal-liċenzja, u jikseb sostanzjalment il-bqija tal-benefiċċji kollha li jifdal minnha, fil-punt taż-żmien li fih tiġi trasferita l-liċenzja. Entità għandha tikkunsidra l-wegħda li tagħti dritt għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-entità bħala obbligu ta' prestazzjoni ssodisfat f'punt speċifiku taż-żmien. Entità għandha tapplika l-paragrafu 38 sabiex tiddetermina l-punt taż-żmien li fih il-liċenzja tiġi trasferita lill-klijent. Madankollu, ma jistax jiġi rikonoxxut dħul għal liċenzja li tagħti dritt li tintuża l-proprjetà intellettwali tal-entità qabel il-bidu tal-perjodu li fih il-klijent jista' juża u jgawdi l-liċenzja. Pereżempju, jekk perjodu ta' liċenzja ta' softwer jibda qabel entità tipprovdi (jew tagħmel disponibbli mod ieħor) lill-klijent kodiċi li jippermetti lill-klijent li juża minnufih is-softwer, l-entità ma tirrikonoxxix dħul qabel dak il-kodiċi jkun ingħata (jew magħmul disponibbli mod ieħor).

B62

Entità għandha tinjora l-fatturi li ġejjin meta tiddetermina jekk liċenzja tagħtix dritt għall-aċċess għall-proprjetà intellettwali tal-entità jew dritt għall-użu tal-proprjetà intellettwali tal-entità:

(a)

Restrizzjonijiet ta' żmien, reġjun jew użu ġeografiku — dawk ir-restrizzjonijiet jiddefinixxu l-attributi tal-liċenzja mwiegħda, aktar milli jiddefinixxu jekk l-entità tissodisfax l-obbligu ta' prestazzjoni tagħha f'punt speċifiku taż-żmien jew maż-żmien.

(b)

Garanziji pprovduti mill-entità li għandha privattiv validu għall-proprjetà intellettwali u li ser tħares dak il-privattiv minn użu mhux awtorizzat—wegħda ta' ħarsien ta' dritt ta' privattiv mhijiex obbligu ta' prestazzjoni peress li l-azzjoni ta' ħarsien ta' privattiv tipproteġi l-valur tal-assi tal-proprjetà intellettwali tal-entità u tagħti assigurazzjoni lill-klijent li l-liċenzja trasferita tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-liċenzja mwiegħda fil-kuntratt.

Drittijiet ibbażati fuq il-bejgħ jew fuq l-użu

B63

Minkejja r-rekwiżiti fil-paragrafi 56–59, entità għandha tirrikonoxxi dħul għal dritt ibbażat fuq il-bejgħ jew fuq l-użu mwiegħed bi skambju għal liċenzja ta' proprjetà intellettwali biss meta (jew waqt li) iseħħ l-aħħar wieħed minn dawn l-avvenimenti li ġejjin:

(a)

iseħħ il-bejgħ jew l-użu sussegwenti; kif ukoll

(b)

l-obbligu ta' prestazzjoni li d-dritt ibbażat fuq il-bejgħ jew l-użu kollu jew parti minnu jkun ġie allokat għalih ikun ġie ssodisfat (jew parzjalment issodisfat).

B63 A

Ir-rekwiżit għal dritt ibbażat fuq il-bejgħ jew fuq l-użu fil-paragrafu B63 japplika meta d-dritt jirrigwarda biss liċenzja ta' proprjetà intelletwali jew meta liċenzja tal-proprjetà intellettwali hija l-oġġett predominanti li għalih jirrelata d-dritt (pereżempju, il-liċenzja ta' proprjetà intellettwali tista' tkun l-oġġett predominanti li lilu jirrigwarda d-dritt meta l-entità jkollha aspettattiva raġonevoli li l-klijent ma attribwixxiex b'mod sinifikanti aktar valur lill-liċenzja milli lill-oġġetti jew is-servizzi l-oħra li lilhom jirrigwarda d-dritt).

B63B

Meta r-rekwiżit fil-paragrafu B63 A huwa ssodisfat, dħul minn dritt ibbażat fuq il-bejgħ jew fuq l-użu għandu jiġi rikonoxxut b'mod totali skont il-paragrafu B63. Meta r-rekwiżit fil-paragrafu B63 A ma jkunx issodisfat, ir-rekwiżiti dwar korrispettiv varjabbli fil-paragrafi 50–59 japplikaw fuq id-dritt ibbażat fuq il-bejgħ jew fuq l-użu.

Fl-Appendiċi C, il-paragrafi C2, C5 u C7 huma emendati u l-paragrafi C1B, C7 A u C8 A huma miżjuda. Il-paragrafi C3 u C6 ma ġewx emendati iżda huma inklużi għall-ħeffa ta' referenza.

DATA EFFETTIVA

C1B

Kjarifiki lill-IFRS 15 Dħul minn Kuntratti ma' Klijenti, maħruġ f'April 2016, emenda l-paragrafi 26, 27, 29, B1, B34 — B38, B52 — B53, B58, C2, C5 u C7, ħassar il-paragrafu B57 u żied il-paragrafi B34 A, B35 A, B35B, B37 A, B59 A, B63 A, B63B, C7 A u C8 A. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi ta' rappurtar annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2018, jew wara. Applikazzjoni qabel din id-data hija permessa. Jekk entità tapplika dawn l-emendi għal perjodu preċedenti, għandha tiżvela dan il-fatt.

TRANŻIZZJONI

C2

Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni fil-paragrafi C3–C8 A:

(a)

id-data tal-ewwel applikazzjoni hija l-bidu tal-perjodu ta' rappurtar li fih entità tapplika dan l-Istandard għall-ewwel darba; kif ukoll

(b)

kuntratt komplut huwa kuntratt li għalih l-entità tkun ittrasferiet l-oġġetti jew is-servizzi kollha identifikati skont l-IAS 11 Kuntratti ta' Kostruzzjoni, l-IAS 18 Dħul u Interpretazzjonijiet relatati.

C3

Entità għandha tapplika dan l-Istandard billi tuża wieħed miż-żewġ metodi li ġejjin:

(a)

b'mod retrospettiv għal kull perjodu ta' rappurtar preċedenti ppreżentat skont l-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji, soġġett għall-espedjenti fil-paragrafu C5; jew

(b)

b'mod retrospettiv bl-effett kumulattiv tal-applikazzjoni mill-bidu ta' dan l-Istandard rikonoxxut fid-data tal-ewwel applikazzjoni skont il-paragrafi C7–C8.

C5

Entità tista' tuża espedjent prattiku wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin meta tapplika dan l-Istandard b'mod retrospettiv skont il-paragrafu C3(a):

(a)

għal kuntratti mitmuma, entità m'għandhiex għalfejn terġa' tiddikjara kuntratti li:

(i)

jibda u jispiċċa fl-istess perjodu ta' rappurtar annwali; jew

(ii)

ikunu kuntratti mitmuma fil-bidu tal-aktar perjodu kmieni ppreżentat.

(b)

għall-kuntratti mitmuma li għandhom korrispettiv varjabbli, entità tista' tuża l-prezz tat-tranżazzjoni fid-data li l-kuntratt ikun intemm minflok tistma ammonti ta' korrispettiv varjabbli fil-perjodi ta' rappurtar komparattiv;

(c)

għal kuntratti li ġew modifikati qabel il-bidu tal-aktar perjodu kmieni ppreżentat, entità m'għandhiex għalfejn retrospettivament tiddikjara mill-ġdid il-kuntratt għal dawk il-modifiki tal-kuntratt skont il-paragrafi 20–21. Minflok, l-entità għandha tirrifletti l-effett totali tal-modifiki kollha li seħħew qabel il-bidu tal-aktar perjodu kmieni ppreżentat meta:

(i)

tidentifika l-obbligi ta' prestazzjoni ssodisfati u mhux issodisfati;

(ii)

tistabbilixxi l-prezz tat-tranżazzjoni; kif ukoll

(iii)

talloka l-prezz tat-tranżazzjoni lill-obbligi ta' prestazzjoni ssodisfati u mhux issodisfati.

(d)

għall-perjodi kollha ta' rappurtar ippreżentati qabel id-data tal-ewwel applikazzjoni, entità m'għandhiex għalfejn tiżvela l-ammont tal-prezz tat-tranżazzjoni allokat lill-bqija tal-obbligi ta' prestazzjoni u spjegazzjoni ta' meta l-entità tistenna li tirrikonoxxi dak l-ammont bħala dħul (ara l-paragrafu 120).

C6

Għal kwalunkwe wieħed mill-espedjenti prattiċi fil-paragrafu C5 li entità tuża, l-entità għandha tapplika dak l-espedjent b'mod konsistenti għall-kuntratti kollha fil-perjodi kollha ta' rappurtar ippreżentati. Barra minn hekk, l-entità għandha tiżvela l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

l-espedjenti li ntużaw; kif ukoll

(b)

sa fejn ikun raġonevolment possibbli, valutazzjoni kwalitattiva tal-effett stmat tal-applikazzjoni ta' kull wieħed minn dawk l-espedjenti.

C7

Jekk entità tagħżel li tapplika dan l-Istandard b'mod retrospettiv skont il-paragrafu C3(b), l-entità għandha tirrikonoxxi l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni inizjali ta' dan l-Istandard bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ tal-qligħ imfaddal (jew komponent ieħor ta' ekwità, kif xieraq) tal-perjodu ta' rappurtar annwali li jinkludi d-data tal-ewwel applikazzjoni. Taħt dan il-metodu ta' tranżizzjoni, entità tista' tagħżel li tapplika dan l-Istandard b'mod retrospettiv biss għal kuntratti li mhumiex kuntratti mitmuma fid-data tal-ewwel applikazzjoni (pereżempju, l-1 ta' Jannar 2018 għal entità li bħala tmiem is-sena għandha l-31 ta' Diċembru).

C7 A

Entità li tapplika dan l-Istandard retrospettivament skont il-paragrafu C3(b) tista' wkoll tuża l-espedjent prattiku deskritt fil-paragrafu C5(c), jew:

(a)

għall-modifiki kuntrattwali kollha li jseħħu qabel il-bidu tal-aktar perjodu kmieni ppreżentat; jew

(b)

għall-modifiki kuntrattwali kollha li jseħħu qabel id-data tal-applikazzjoni inizjali.

Jekk entità tuża dan l-espedjent prattiku, l-entità għandha tapplika l-espedjent għall-kuntratti kollha b'mod konsistenti u tiżvela l-informazzjoni mitluba mill-paragrafu C6.

C8 A

Entità għandha tapplika Kjarifiki lill-IFRS 15 (ara l-paragrafu C1B) b'mod retrospettiv skont l-IAS 8. Meta tapplika l-emendi retrospettivament, entità għandha tapplika l-emendi daqslikieku kienu inklużi fl-IFRS 15 fid-data tal-applikazzjoni inizjali. Għalhekk, entità m'għandhiex tapplika l-emendi għal perjodi ta' rappurtar jew għal kuntratti li għalihom ir-rekwiżiti tal-IFRS 15 ma jiġux applikati f'konformità mal-paragrafi C2 — C8. Pereżempju, jekk entità tapplika l-IFRS 15 skont il-paragrafu C3(b) biss għal kuntratti li ma jkunux kuntratti mitmuma fid-data tal-applikazzjoni inizjali, l-entità ma terġax tiddikjara l-kuntratti mitmuma fid-data tal-applikazzjoni inizjali tal-IFRS 15 għall-effetti ta' dawn l-emendi.