|
1.11.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 285/8 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1980
tal-31 ta' Ottubru 2017
li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 2074/2005 rigward il-metodu għas-sejbien tal-velenu paralitiku tal-frott tal-baħar (PSP)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b'mod partikolari l-punt (4) tal-Artikolu 11 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b'mod partikolari l-punt 13(a) tal-Artikolu 18 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali u r-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi ċerti rekwiżiti speċifiċi dwar regoli ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali. Il-miżuri ta' implimentazzjoni għal dawk ir-Regolamenti rigward il-metodi ta' ttestjar rikonoxxuti għall-bijotossini marini huma stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 (3). |
|
(2) |
Il-punt 2 tal-Kapitolu I tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 2074/2005 jipprevedi li jekk ir-riżultati tal-metodu għas-sejbien tal-velenu paralitiku tal-frott tal-baħar (PSP) jiġu kkontestati, il-metodu ta' referenza għandu jkun il-metodu bijoloġiku. |
|
(3) |
Waqt is-sitta u tletin sessjoni tal-Kumitat Codex Alimentarius dwar metodi ta' analiżi u teħid ta' kampjuni (Budapest, l-Ungerija, mit-23 sas-27 ta' Frar 2015) (4), ġie kkonfermat li l-metodu ta' ttestjar bijoloġiku fit-Taqsima I-8.6.2 tal-Codex għandu jibqa' kklassifikat bħala tat-Tip IV (5). |
|
(4) |
Il-metodi kollha tal-Codex, inklużi l-metodi tat-Tip IV, jistgħu jintużaw biss għall-kontroll, l-ispezzjoni u r-regolamentazzjoni (Principles for the establishment of methods of analysis), u jekk il-partijiet jaqblu dwar dan, għar-riżoluzzjoni tat-tilwim (Guidelines for Settling Disputes on Analytical (Test) Results (CAC/GL 70-2009), iżda mhux bħala metodi ta' referenza. |
|
(5) |
Meta jitqies li metodu tat-Tip IV ma jistax jintuża bħala metodu ta' referenza, huwa importanti li r-regoli attwali tal-Unjoni jiġu adattati għall-istandards internazzjonali. |
|
(6) |
Meta jitqies li l-hekk imsejjaħ metodu Lawrence, kif ippubblikat fil-Metodu Uffiċjali 2005.06 tal-AOAC (Paralytic Shellfish Poisoning Toxins in Shellfish), attwalment qed jintuża għas-sejbien tal-kontenut ta' velenu paralitiku tal-frott tal-baħar (PSP) fil-partijiet tal-molluski li jittieklu, huwa xieraq li dan il-metodu jintuża bħala l-metodu ta' referenza għas-sejbien ta' dawk it-tossini. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Kapitolu I tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 2074/2005 jiġi emendat skont dan. |
|
(8) |
Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw il-metodi tagħhom għall-metodu kimiku, il-metodu tal-ittestjar bijoloġiku jista' jibqa' jintuża bħala l-metodu ta' referenza sal-31 ta' Diċembru 2018. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-Kapitolu I tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 2074/2005 jiġi sostitwit b'dan li ġej:
“KAPITOLU I
IL-METODU GĦAS-SEJBIEN TAL-VELENU PARALITIKU TAL-FROTT TAL-BAĦAR (PSP)
|
1. |
Il-kontenut ta' velenu paralitiku tal-frott tal-baħar (PSP) fil-partijiet tal-molluski li jittieklu (il-ġisem sħiħ jew kwalunkwe parti tal-ġisem li tittiekel separatament) irid jiġi identifikat skont il-metodu ta' ttestjar bijoloġiku jew kwalunkwe metodu ieħor rikonoxxut internazzjonalment. |
|
2. |
Jekk ir-riżultati jiġu kkontestati, il-metodu ta' referenza għandu jkun l-hekk imsejjaħ metodu Lawrence kif ippubblikat fil-Metodu Uffiċjali 2005.06 tal-AOAC (Paralytic Shellfish Poisoning Toxins in Shellfish).” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.
(2) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għal ċerti prodotti taħt ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 27).
(4) http://www.fao.org/fao-who-codexalimentarius/sh-proxy/en/?lnk=1&url=https%253A%252F%252Fworkspace.fao.org%252Fsites%252Fcodex%252FMeetings%252FCX-715-36%252FREP15_MASe.pdf
(5) Il-paragrafu 56 tar-Rapport.