|
31.10.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 281/14 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1972
tat-30 ta' Ottubru 2017
li jemenda l-Annessi I u III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' programm ta' monitoraġġ għall-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev fl-Estonja, fil-Finlandja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja u fl-Iżvezja u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/182/KE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatiji sponġiformi li tinxtered (TSE) f'annimali bovini, ovini u kaprini. Dan ir-Regolament japplika għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' annimali ħajjin u ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u, f'ċerti każijiet speċifiċi, għall-esportazzjonijiet tagħhom. |
|
(2) |
Il-marda tat-tnewwin kroniku (CWD) hija TSE li taffettwa ċ-ċriev, mifruxa fl-Amerika ta' Fuq. Sal-lum, is-CWD ma ġietx irrappurtata fit-territorju tal-Unjoni; madankollu f'April 2016 ġiet identifikata għall-ewwel darba fir-renna fin-Norveġja. In-Norveġja sussegwentement intensifikat il-programm ta' monitoraġġ għas-CWD fiċ-ċriev u identifikat għadd ta' każijiet oħra tas-CWD fir-renni u fil-moose. |
|
(3) |
Fit-2 ta' Diċembru 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni xjentifika dwar il-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev (“opinjoni tal-EFSA”) (2). L-opinjoni tal-EFSA tipprevedi rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD fiċ-ċriev fl-Estonja, fil-Finlandja, fl-Iżlanda, fil-Latvja, fil-Litwanja, fin-Norveġja, fil-Polonja u fl-Iżvezja, li huma l-Unjoni u l-pajjiżi taż-ŻEE li għandhom popolazzjoni tar-renni u/jew tal-moose. L-opinjoni tal-EFSA tisħaq li l-għanijiet ta' programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD bħal dan għandhom jikkonfermaw jew jeskludu l-preżenza tas-CWD f'pajjiżi fejn qatt ma tkun instabet din il-marda u f'pajjiżi fejn is-CWD ġiet osservata (in-Norveġja biss s'issa), sabiex tiġi stmata l-prevalenza u l-firxa ġeografika tas-CWD. |
|
(4) |
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li kull Stat Membru għandu jwettaq programm ta' monitoraġġ annwali għat-TSEs ibbażat fuq il-monitoraġġ attiv u passiv skont l-Anness III ta' dak ir-Regolament. |
|
(5) |
Ir-rekwiżiti għal programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD fl-Estonja, fil-Finlandja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja u fl-Iżvezja għandhom għalhekk jiżdiedu fil-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fl-opinjoni tal-EFSA. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jitqiesu bħala rekwiżiti minimi li għandhom jitħarsu mill-Istati Membri kkonċernati. Dawn l-Istati Membri madankollu jistgħu jirfinaw il-programm ta' monitoraġġ għas-CWD biex jaddattaw għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom. |
|
(6) |
Barra minn hekk, il-laboratorju, il-protokolli u l-metodi tal-ittestjar li għandhom jintużaw għall-programm ta' monitoraġġ għas-CWD kif ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu wara l-ittestjar għas-CWD għandhom jiġu ċċarati fil-Parti III tal-Kapitolu A tal-Anness III. |
|
(7) |
Kif ġie rrakkomandat fl-opinjoni tal-EFSA, il-programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD għandu jiffoka, minn naħa, fuq iċ-ċriev imrobbija u miżmuma fil-magħluq, u min-naħa l-oħra, fuq iċ-ċriev selvaġġi u semidomestikati. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, id-definizzjonijiet ta' “ċriev imrobbija u miżmuma fil-magħluq”, “ċriev selvaġġi” u “ċriev semidomestikati” għandhom jiddaħħlu fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 999/2001. |
|
(8) |
L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' monitoraġġ tat-TSE tagħhom. Il-Parti I(A) tal-Kapitolu B tal-Anness III ta' dak ir-Regolament tistipula t-tagħrif li l-Istati Membri għandhom jinkludu fir-rapport annwali tagħhom, permezz ta' sottomissjonijiet regolari fid-database tal-UE tat-TSE u/jew inklużjoni fir-rapport annwali. Il-Parti II ta' dan il-Kapitolu tipprevedi li l-EFSA għandha tanalizza l-informazzjoni inkluża mill-Istati Membri fir-rapport annwali tagħha u tippubblika rapport annwali dwar it-tendenzi u s-sorsi tat-TSE fl-Unjoni. Ir-rekwiżiti tar-rappurtar li jkopru l-programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD għandhom jiddaħħlu fil-Parti I(A) tal-Kapitolu B tal-Anness III sabiex jiġi żgurat li d-dejta miksuba minn dan il-programm tiġi sottomessa mill-Istati Membri kkonċernati fid-database tal-UE tat-TSE u b'hekk tippermetti l-inklużjoni tagħhom u l-analiżi fir-rapport sommarju annwali tal-UE għall-monitoraġġ tat-TSE, li għandu jsir mill-EFSA skont il-Parti II ta' dak il-Kapitolu. |
|
(9) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/182/KE (3) tistipula rekwiżiti għal stħarriġ dwar is-CWD fiċ-ċriev li twettaq mill-2007 sal-2010. Peress li dan l-istħarriġ tlesta, u sabiex jiġi evitat li jkun hemm definizzjonijiet diverġenti rilevanti għall-monitoraġġ għas-CWD bejn dawk stipulati fl-Anness I għal dik id-Deċiżjoni, u dawk stabbiliti b'dan ir-Regolament, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2007/182/KE titħassar. Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi I u III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni 2007/182/KE tħassret.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.
(2) Scientific Opinion on Chronic wasting disease (CWD) in cervids, The EFSA Journal (2017);15(1):46.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/182/KE tad-19 ta' Marzu 2007 dwar stħarriġ għall-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev (ĠU L 84, 24.3.2007, p. 37).
ANNESS
L-Annessi I u III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġej:
|
1. |
Fl-Anness I, dan li ġej jiżdied mal-punt 2:
|
|
2. |
L-Anness III huwa emendat kif ġej:
|