31.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/12


REGOLAMENT (UE) 2017/1952 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Ottubru 2017

li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 2888/2000 u (KE) Nru 685/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkonfermaw l-impenn konġunt tagħhom biex jaġġornaw u jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3).

(2)

Sabiex jindaf u jitnaqqas il-volum tal-acquis, huwa meħtieġ li dan jiġi analizzat regolarment sabiex tiġi identifikata l-leġiżlazzjoni obsoleta. It-tħassir tal-leġiżlazzjoni obsoleta huwa utli sabiex il-qafas leġiżlattiv jinżamm trasparenti, ċar u faċli biex jintuża mill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, f'dan il-każ is-setturi tal-passaġġi fuq l-ilma interni u dak tat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

(3)

Fl-1989, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 1101/89 (4). Għaxar snin wara, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 718/1999 (5) sabiex jiġi żgurat li l-għodod adatti jibqgħu jkunu għad-dispożizzjoni tas-settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni u għall-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta. Ir-Regolament (KE) Nru 718/1999 ikopri l-istess suġġett bħal dak tar-Regolament (KEE) Nru 1101/89, mingħajr ma jħassru.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 8(6) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport ta' Merkanzija u Passiġġieri permezz tal-Linji tal-Ferroviji u tat-Triq (6), il-vetturi kollha li jissodisfaw l-istandards tekniċi stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (7) ġew eżentati minn kwalunkwe kwota jew arranġament ta' awtorizzazzjoni mill-1 ta' Jannar 2005. Ir-Regolament (KE) Nru 2888/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), dwar it-tqassim ta' permessi għal vetturi li jġorru tagħbijiet tqal u li jivvjaġġaw fl-Iżvizzera, jenħtieġ għalhekk li jitqies bħala obsolet.

(5)

Wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni fl-1 ta' Jannar 2007, ir-Regolament (KE) Nru 685/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) ma għadux meħtieġ għaliex dawn l-Istati Membri mhumiex aktar meħtieġa li jiksbu l-awtorizzazzjoni għat-trasport ta' merkanzija bit-triq u għall-promozzjoni tat-trasport ikkombinat.

(6)

B'konsegwenza ta' dan, jenħtieġ li r-Regolamenti (KEE) Nru 1101/89, (KE) Nru 2888/2000 u (KE) Nru 685/2001 jitħassru,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1101/89, (KE) Nru 2888/2000 u (KE) Nru 685/2001 huma b'dan imħassra.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Ottubru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)   ĠU C 209, 30.6.2017, p. 58.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Settembru 2017 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2017.

(3)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89 tas-27 ta' April 1989 dwar titjib strutturali fit-trasport bil-passaġġi tal-ilma interni (Traduzzjoni mhux disponibbli bil-Malti) (ĠU L 116, 28.4.1989, p. 25).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 tad-29 ta' Marzu 1999 dwar il-politika ta' kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 90, 2.4.1999, p. 1).

(6)   ĠU L 114, 30.4.2002, p. 91.

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta' Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 2888/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar it-tqassim ta' permessi għal vetturi li jġorru tagħbijiet tqal u li jivvjaġġaw fl-Isvizzera (ĠU L 336, 30.12.2000, p. 9).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 685/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 li jirrigwarda t-tqassim tal-awtorizzazzjonijiet fost l-Istati Membri rċevuti permezz tal-Ftehimiet li jistabbilixxu ċerti kondizzjonijiet għat-trasport tal-merkanzija bit-triq u l-promozzjoni tat-trasport magħqud bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija (ĠU L 108, 18.4.2001, p. 1).