|
26.10.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 276/12 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1944
tat-13 ta' Ġunju 2017
li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' forom, formoli u proċeduri standard għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti fir-rigward tan-notifika ta' akkwiżizzjoni proposta ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'ditta tal-investiment konformi mad-Direttivi 2004/39/KE u 2014/65/UE u tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (1), u b'mod partikolari s-sitt subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(9) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti forom, formoli u proċeduri standard biex jiżguraw il-valutazzjoni preċiża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tan-notifiki ta' akkwiżizzjonijiet proposti jew taż-żidiet ta' parteċipazzjonijiet kwalifikanti f'ditta ta' investiment. F'dawn il-każijiet, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jeħtieġ li jikkonsultaw ma' xulxin u jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni essenzjali jew rilevanti. |
|
(2) |
Sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejniethom u jiżguraw effiċjenza fl-iskambju ta' informazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti nnominati skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/39/KE jeħtieġ li jinnominaw persuni ta' kuntatt speċifikament għall-fini tal-proċess ta' konsultazzjoni previst fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2004/39/KE u jeħtieġ li tinżamm lista ċentralizzata ta' dawk il-persuni ta' kuntatt mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). |
|
(3) |
Jeħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri ta' konsultazzjoni li fihom restrizzjonijiet ta' ħin ċari sabiex jiżguraw kooperazzjoni fil-ħin u effiċjenti bejn l-awtoritajiet kompetenti. Proċedura ta' kooperazzjoni ċara jeħtieġ li tinkludi avviż preliminari li għandu jintbagħat mill-awtorità rikjedenti lill-awtorità li ssirilha t-talba, biex jinforma lill-awtorità li ssirilha t-talba dwar il-valutazzjoni li tkun tinsab għaddejja. |
|
(4) |
Jeħtieġ li l-proċeduri jimmiraw ukoll biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw u jaħdmu lejn it-titjib tal-proċess billi jippromwovu l-iskambju ta' feedback dwar il-kwalità u r-rilevanza tal-informazzjoni rċevuta. |
|
(5) |
Kull skambju jew trażmissjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, u awtoritajiet, korpi jew persuni oħra jeħtieġ li jkun skont ir-regoli dwar id-dejta personali kif stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(6) |
Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) japplika għall-ipproċessar ta' dejta personali mill-ESMA fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
|
(7) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni abbozzati mressqa mill-ESMA lill-Kummissjoni. |
|
(8) |
L-ESMA ma kkonsultatx pubblikament jew analizzat l-ispejjeż potenzjali relatati u l-benefiċċji tal-introduzzjoni tal-forom, formoli u proċeduri standard għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, peress li dan kien ikkunsidrat sproporzjonat fir-rigward tal-ambitu u l-impatt tagħhom. |
|
(9) |
Id-Direttiva 2014/65/UE daħlet fis-seħħ fit-2 ta' Lulju 2014. L-Artikolu 12(9) tad-Direttiva 2014/65/UE jieħu post l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2004/39/KE u jagħti setgħat lill-ESMA għall-iżvilupp ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni li huma identiċi għal dawk previsti skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2004/39/KE. Barra minn hekk, il-kontenut tal-Artikoli 10b(4) u l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2004/39/KE huwa wkoll identiku għall-kontenut tal-Artikolu 13(4) u l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2014/65/UE. F'konformità mal-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, id-Direttiva 2004/39/KE se titħassar b'effett mit-3 ta' Jannar 2017. L-adozzjoni ta' standards tekniċi mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2004/39/KE jeħtieġ ukoll titqies f'konformità mal-Artikolu 12(8) tad-Direttiva 2014/65/UE bil-konsegwenza li l-istandard tekniku se jkompli japplika wara t-3 ta' Jannar 2018, mingħajr il-bżonn ta' aktar emendi, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-forom, il-formoli u l-proċeduri standard għall-iskambju ta' informazzjoni waqt il-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira (l-“awtorità rikjedenti”), u l-awtorità kompetenti tal-akkwirent propost jew ta' entità awtorizzata li tkun jew sussidjarja tal-akkwirent propost jew inkella kontrollata minnu (l-“awtorità li ssirilha t-talba”)
Artikolu 2
Persuni ta' kuntatt innominati
1. L-awtoritajiet kompetenti nnominati skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/39/KE għandhom jinnominaw persuni ta' kuntatt għall-komunikazzjoni għall-finijiet tar-Regolament u għandhom jinnotifikaw lill-ESMA dwar dawk il-persuni.
2. L-ESMA għandha żżomm u taġġorna l-lista ta' persuni ta' kuntatt innominati għall-użu mill-awtoritajiet kompetenti kif imsemmi fil-paragrafu 1.
Artikolu 3
Avviż preliminari
1. Awtorità rikjedenti għandha tibgħat avviż preliminari lill-awtorità li ssirilha t-talba fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mir-riċevuta tan-notifika mill-akkwirent propost konformi mal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2004/39/KE.
2. L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat avviż preliminari billi timla l-formola stipulata fl-Anness I u għandha tinkludi l-informazzjoni kollha stipulata fiha.
Artikolu 4
Avviż ta' konsultazzjoni
1. L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat avviż ta' konsultazzjoni lill-awtorità li ssirilha t-talba mill-aktar fis possibbli wara li tasal in-notifika mill-akkwirent propost konformi mal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2004/39/KE u mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara li tkun waslet tali notifika.
2. L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat l-avviż ta' konsultazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 bil-miktub bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniku sigur, u tindirizzah lill-persuna ta' kuntatt innominata tal-awtorità rikjedenti sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-awtorità li ssirilha t-talba fit-tweġiba tagħha għall-avviż preliminari msemmi fl-Artikolu 3.
3. L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat l-avviż ta' konsultazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 billi timla l-formola stipulata fl-Anness II, filwaqt li tidentifika b'mod partikolari kwistjonijiet relatati ma' kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jistgħu jinkisbu mill-awtorità rikjedenti u tispeċifika dettalji tal-informazzjoni rilevanti li l-awtorità rikjedenti titlob mill-awtorità li ssirilha t-talba.
Artikolu 5
Konferma tar-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni
L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tibgħat konferma tar-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni, fi żmien jumejn tax-xogħol minn meta tirċevih, li tinkludi kwalunkwe dettall tal-kuntatt addizzjonali tal-persuna ta' kuntatt nnominata u, fejn ikun possibbli, stima tad-data tat-tweġiba.
Artikolu 6
Tweġiba minn awtorità li ssirilha t-talba
1. It-tweġiba għal avviż ta' konsultazzjoni għandha ssir bil-miktub bil-posta, bil-faks jew permezz ta' mezz elettroniku sigur. Għandha tiġi indirizzata lill-persuni ta' kuntatt innominati sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-awtorità rikjedenti.
2. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti bl-informazzjoni li ġejja mill-aktar fis possibbli u mhux aktar minn 20 jum tax-xogħol mir-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni:
|
(a) |
l-informazzjoni rilevanti mitluba fl-avviż ta' konsultazzjoni, inkluża kwalunkwe opinjoni jew riżerva fir-rigward tal-akkwiżizzjoni mill-akkwirent propost; |
|
(b) |
kwalunkwe informazzjoni essenzjali li tista' taffettwa l-valutazzjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess. |
3. Meta l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista' tissodisfa l-limitu taż-żmien stabbilit fil-paragrafu 2, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti dwar din iċ-ċirkostanza, filwaqt li tindika r-raġunijiet għal dan id-dewmien u stima tad-data tat-tweġiba. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi feedback regolari dwar il-progress li sar biex tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba.
4. Meta tipprovdi l-informazzjoni skont il-paragrafu 2, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tuża l-formola stabbilita fl-Anness III.
Artikolu 7
Proċeduri ta' konsultazzjoni
1. L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkomunikaw fir-rigward ta' avviż ta' konsultazzjoni u tat-tweġiba billi jużaw il-mezz l-aktar espedjenti minn fost dawk stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(1), filwaqt li jittieħed kont dovut tal-kunsiderazzjonijiet ta' kunfidenzjalità, tal-volum ta' materjal li għandu jiġi kkomunikat u tal-faċilità ta' aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità rikjedenti. L-awtorità rikjedenti għandha twieġeb fil-pront għal kwalunkwe kjarifika mitluba mill-awtorità li ssirilha t-talba.
2. Meta l-informazzjoni mitluba tkun jew tista' tkun miżmuma minn awtorità tal-istess Stat Membru li ma tkunx l-awtorità li ssirilha t-talba, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tiġbor l-informazzjoni minnufih u tittrażmettiha lill-awtorità rikjedenti skont l-Artikolu 6.
3. L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jikkooperaw biex jirriżolvu kwalunkwe diffikultà li tista' toriġina fl-eżekuzzjoni ta' talba, inkluż li tiġi riżolta kwalunkwe kwistjoni ta' kostijiet jekk jiġi stmat li l-kostijiet għall-għoti tal-assistenza jkunu eċċessivi għall-awtorità li ssirilha t-talba.
4. Meta jkun hemm informazzjoni ġdida jew il-ħtieġa għal aktar informazzjoni waqt il-perjodu ta' valutazzjoni, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li l-informazzjoni addizzjonali rilevanti kollha tiġi skambjata f'konformità ma' dan ir-Regolament.
5. Permezz ta' deroga mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 6(1), meta l-informazzjoni tkun qed tiġi skambjata fi żmien l-aħħar 15-il jum tax-xogħol qabel tmiem il-perjodu ta' valutazzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, din tista' tiġi pprovduta verbalment. F'dawn il-każijiet, din l-informazzjoni għandha tiġi kkonfermata sussegwentement skont l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(1) ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti involuti jiddeċiedu mod ieħor.
6. L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jipprovdu feedback lil xulxin dwar l-eżitu tal-valutazzjoni li dwarha tkun saret il-konsultazzjoni u, fejn ikun adegwat, dwar l-utilità tal-informazzjoni jew għajnuna oħra rċevuta jew kwalunkwe problema li tinqala' fl-għoti ta' tali għajnuna jew informazzjoni.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.
(2) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(3) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data, (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
ANNESS I
Mudell ta' notifika preliminari
[L-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1944]
ANNESS II
Mudell ta' notifika ta' konsulta
[L-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1944]
ANNESS III
Mudell għat-tweġiba mill-awtorità li ssirilha t-talba
[L-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1944]