26.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1943

tal-14 ta' Lulju 2016

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-informazzjoni u r-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni tad-ditti tal-investiment

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu valutazzjoni bir-reqqa bħala parti mill-proċess għall-għoti u r-rifjut ta' talbiet għall-awtorizzazzjoni ta' ditti tal-investiment, applikant ikun meħtieġ jissottometti lill-awtorità kompetenti informazzjoni preċiża meta jagħmel it-talba inizjali għal awtorizzazzjoni. L-awtorità kompetenti jeħtiġilha żżomm id-dritt li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikant matul il-proċess tal-valutazzjoni skont il-kriterji u l-iskedi ta' żmien stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE.

(2)

Sabiex ikun żgurat li l-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti tkun ibbażata fuq informazzjoni preċiża, huwa essenzjali li l-applikant jipprovdi kopji tad-dokumenti korporattivi tiegħu, inkluż kopja ċertifikata tal-istrument ta' inkorporazzjoni, digrieti u l-artikoli ta' assoċjazzjoni u kopja tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija fir-reġistru nazzjonali tal-kumpaniji.

(3)

L-applikant għandu jippreżenta informazzjoni dwar is-sorsi tal-kapital disponibbli, inklużi l-mezzi użati għat-trasferiment ta' riżorsi finanzjarji meta jkunu qed jiġi ġġenerat kapital, biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw li r-rekwiżiti rilevanti kollha fil-qasam tal-kriminalità finanzjarja jkunu ġew irrispettati.

(4)

Entitajiet li jkunu għadhom kif ġew stabbiliti, meta jippreżentaw applikazzjoni, jista' jkun li jkunu f'pożizzjoni li jagħtu biss informazzjoni dwar kif se jiġi ġġenerat il-kapital u t-tipi u l-ammont ta' kapital li se jiġi ġġenerat. Madankollu għandha tingħata evidenza ta' kapital azzjonarju mħallas u tipi oħra ta' kapital iġġenerat, flimkien ma' informazzjoni dwar is-sorsi ta' kapital, lill-awtoritajiet kompetenti, bil-għan li tinkiseb awtorizzazzjoni, qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni. Din l-evidenza tista' tinkludi kopji ta' strumenti kapitali rilevanti u rapporti korrispondenti mill-bank.

(5)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw ir-reputazzjoni ta' kwalunkwe persuna li se tidderiġi l-operat tad-ditta tal-investiment, tal-azzjonisti proposti u tal-membri b'parteċipazzjonijiet kwalifikanti huwa importanti li l-applikant jintalab jipprovdi informazzjoni dwar dawn il-persuni.

(6)

Sabiex tiġi vvalutata l-esperjenza ta' kwalunkwe persuna li se tidderieġi l-operat tad-ditta ta' investiment, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu ppreżentati mill-applikant b'informazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali rilevanti u l-esperjenza professjonali tal-membri tal-korp maniġerjali u tal-persuni li effettivament jidderieġu l-operat u tas-setgħat relatati tagħhom u dwar kwalunkwe prokura.

(7)

L-informazzjoni finanzjarja dwar id-ditta tal-investiment għandha tiġi ppreżentata minn applikant lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn ikunu jistgħu jivvalutaw is-sodezza finanzjarja ta' dik id-ditta ta' investiment.

(8)

Peress li, fiż-żmien tal-applikazzjoni, impriżi li jkun għadhom kif ġew stabbiliti jistgħu ma jkunux f'pożizzjoni li jipprovdu informazzjoni dwar l-awdituri; dawk l-applikanti għandhom ikunu eżentati milli jipprovdu din l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti ħlief jekk l-awdituri jkunu diġà ġew maħtura.

(9)

L-informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tal-istruttura organizzazzjonali tad-ditta tal-investiment għandha tinkludi dettalji dwar is-sistema ta' kontroll intern, dwar il-miżuri biex jiġu identifikati l-kunflitti ta' interess, u dwar l-arranġamenti li jissalvagwardjaw l-assi tal-klijenti, sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista' tivvaluta jekk dik id-ditta ta' investiment hix se tkun kapaċi tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/65/UE.

(10)

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw bħala ditta ta' investiment persuna fiżika jew persuna ġuridika mmaniġġjata minn persuna fiżika waħda. Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni applikabbli għall-immaniġġjar tad-ditti tal-investiment li jkunu persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi mmaniġġjati minn persuna fiżika waħda.

(11)

Sabiex ikun hemm ċertezza, ċarezza u prevedibbiltà legali fir-rigward tal-proċess ta' awtorizzazzjoni, huwa xieraq li l-kriterji li fuqhom l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw l-adegwatezza tal-azzjonisti jew tal-membri b'parteċipazzjonijiet kwalifikanti, meta jawtorizzaw ditta ta' investiment, ikunu l-istess kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/65/UE għall-valutazzjoni ta' akkwist propost. B'mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-azzjonisti jew tal-membri b'parteċipazzjonijiet kwalifikanti u s-sodezza finanzjarja ta' ditta filwaqt li jqisu kriterji dwar ir-reputazzjoni u l-esperjenza tal-persuni li jidderieġu l-operat tad-ditta tal-investiment u s-sodezza finanzjarja tad-ditta.

(12)

Sabiex jiġu identifikati l-ostakoli li jistgħu jipprevjenu l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw il-kumplessità u t-trasparenza tal-istruttura tal-grupp tad-ditta tal-investiment, il-post ġeografiku tal-entitajiet tal-grupp u l-attivitajiet li jwettqu l-entitajiet tal-grupp.

(13)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tapplika għall-ipproċessar tad-dejta personali mill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(14)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

(15)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(16)

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 ta' dak ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Informazzjoni ġenerali

Applikant li jitlob għal awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment skont it-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE għandu jippreżenta għand l-awtorità kompetenti applikazzjoni li tinkludi l-informazzjoni ġenerali li ġejja:

(a)

isimha (inkluż l-isem ġuridiku tagħha u kull isem kummerċjali ieħor li jintuża); l-istruttura legali (inkluża informazzjoni dwar jekk hux se tkun persuna ġuridika jew meta dan ikun permess mil-leġislazzjoni nazzjonali, persuna fiżika), l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali u, għal ditti eżistenti, l-uffiċċju reġistrat; dettalji ta' kuntatt; in-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali tagħha, meta disponibbli; kif ukoll:

(i)

għall-fergħat domestiċi: informazzjoni dwar fejn se joperaw il-fergħat;

(ii)

għal aġenti domestiċi marbutin: dettalji dwar l-intenzjoni tagħha li tuża aġenti marbutin;

(b)

il-lista ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment u servizzi anċillari u l-istrumenti finanzjarji li se jiġu pprovduti, u jekk humiex se jinżammu strumenti finanzjarji u fondi tal-klijenti (anki fuq bażi temporanja).

(c)

kopji tad-dokumenti korporattivi u evidenza tar-reġistrazzjoni fir-reġistru nazzjonali tal-kumpaniji, fejn applikabbli.

Artikolu 2

Informazzjoni dwar il-kapital

Applikant li jitlob għal awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment skont it-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti informazzjoni u fejn disponnibbli evidenza dwar is-sorsi tal-kapital għad-dispożizzjoni tiegħu. L-informazzjoni għandha tinkludi:

(a)

dettalji dwar l-użu ta' riżorsi finanzjarji privati, inkluż l-oriġini u d-disponibbiltà ta' dawk il-fondi;

(b)

dettalji dwar l-aċċess għal sorsi ta' kapital u swieq finanzjarji fosthom id-dettalji ta' strumenti finanzjarji emessi jew li se jiġu emessi;

(c)

kwalunkwe ftehim u kuntratt rilevanti rigward il-kapital iġġenerat;

(d)

informazzjoni dwar l-użu jew l-użu mistenni ta' fondi meħuda b'self fosthom isem il-mutwanti u d-dettalji tal-faċilitajiet mogħtija jew li mistennija jingħataw, fosthom maturitajiet, termini, rahan u garanziji, flimkien mal-informazzjoni dwar l-oriġini tal-fondi meħuda b'self (jew il-fondi li mistennija jittieħdu b'self) fejn il-mutwanti ma jkunx istituzzjoni finanzjarja taħt superviżjoni;

(e)

dettalji dwar il-mezzi tat-trasferiment ta' riżorsi finanzjarji lid-ditta inkluż in-netwerk użat għat-trasferiment ta' dawn il-fondi.

Għall-finijiet tal-punt (b), informazzjoni dwar it-tipi ta' kapital iġġenerat għandha tirreferi, fejn rilevanti, għat-tipi ta' kapital speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, speċifikament jekk il-kapital jinkludi elementi tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, tal-Grad 1 Addizzjonali jew tal-Grad 2.

Artikolu 3

Informazzjoni dwar l-azzjonisti

Applikant li jitlob għal awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment skont it-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE għandu jippreżenta għand l-awtorità kompetenti l-informazzjoni li ġejja dwar l-azzjonisti:

(a)

il-lista ta' persuni b'parteċipazzjoni kwalifikanti diretta jew indiretta fid-ditta tal-investiment, u l-ammont ta' dawn il-parteċipazzjonijiet u, għal parteċipazzjonijiet indiretti, isem il-persuna li permezz tagħha tinżamm il-parteċipazzjoni u isem id-detentur finali;

(b)

għal persuni b'parteċipazzjoni kwalifikanti (diretta jew indiretta) fid-ditta tal-investiment id-dokumentazzjoni meħtieġa minn akkwirenti proposti għall-akkwist u ż-żidiet fil-parteċipazzjonijiet kwalifikanti f'ditti tal-investiment f'konformità mal-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1946 tal-11 ta' Lulju 2017 li jissupplimenta d-Direttivi 2004/39/KE u 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal lista eżawrjenti ta' informazzjoni li trid tkun inkluża mill-akkwirenti proposti fin-notifika ta' akkwiżizzjoni proposta ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'ditta tal-investiment (4);

(c)

l-azzjonisti tal-kumpaniji li huma membri ta' grupp, organigramma tal-grupp li tindika l-attivitajiet ewlenin ta' kull ditta fil-grupp, l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe entità regolata fil-grupp u l-ismijiet tal-awtoritajiet superviżorji rilevanti kif ukoll ir-relazzjoni bejn l-entitajiet finanzjarji tal-grupp u entitajiet oħra tal-grupp li mhumiex finanzjarji.

(d)

Għall-finijiet tal-punt (b), meta d-detentur ta' sehem kwalifikanti ma jkunx persuna fiżika, id-dokumentazzjoni għandha tkun ukoll dwar il-membri kollha tal-korp maniġerjali u dwar il-maniġer ġenerali, jew kwalunkwe persuna oħra li twettaq funzjonijiet ekwivalenti.

Artikolu 4

Informazzjoni dwar il-maniġment u l-persuni li jidderieġu l-operat

Applikant li jitlob għal awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment skont it-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

fir-rigward tal-membri tal-korp maniġerjali u l-persuni li effettivament jidderieġu l-operat u s-setgħat relatati tagħhom u kwalunkwe prokura:

(i)

dettalji personali fosthom isem il-persuna, id-data u l-post tat-twelid, in-numru tal-identifikazzjoni nazzjonali personali fejn disponibbli, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt;

(ii)

il-pożizzjoni li l-persuna hija maħtura fiha jew li se tinħatar fiha;

(iii)

curriculum vitae li jsemmi l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali rilevanti, l-esperjenza professjonali, fosthom l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet kollha li ħadmet magħhom il-persuna u n-natura u t-tul ta' żmien tal-funzjonijiet imwettqa, b'mod partikolari għal kull attività fl-ambitu tal-pożizzjoni mixtieqa; għal pożizzjonijiet miżmuma fl-aħħar 10 snin, fid-deskrizzjoni ta' dawn l-attivitajiet, id-dettalji għandhom jinkludu s-setgħat delegati kollha u s-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet interni kollha u l-oqsma tal-operazzjonijiet taħt il-kontroll tagħhom;

(iv)

dokumentazzjoni marbuta mar-reputazzjoni u l-esperjenza tal-persuna, b'mod partikolari lista ta' persuni ta' referenza inkluż l-informazzjoni ta' kuntatt u ittri ta' rakkomandazzjoni;

(v)

rekords kriminali u informazzjoni dwar investigazzjonijiet kriminali u proċedimenti marbuta ma' kawżi ċivili u amministrattivi u azzjonijiet dixxiplinari miftuħa kontriehom (inkluż skwalifika bħala direttur ta' kumpanija, falliment, insolvenza jew proċedimenti simili), notevolment permezz ta' ċertifikat uffiċjali (jekk u sa fejn ikun disponibbli mingħand l-Istat Membru jew il-pajjiż terz rilevanti), jew permezz ta' dokument ekwivalenti ieħor; għal investigazzjonijiet fis-seħħ, l-informazzjoni tista' tingħata permezz ta' dikjarazzjoni tal-unur;

(vi)

informazzjoni dwar rifjut ta' reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja biex twettaq negozju, operat jew professjoni; jew irtirar, revoka jew terminazzjoni ta' tali reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja; jew tkeċċija minn korp regolatorju jew tal-gvern jew minn korp jew assoċjazzjoni professjonali;

(vii)

informazzjoni dwar tkeċċija minn impjieg jew pożizzjoni ta' fiduċja, relazzjoni fiduċjarja jew sitwazzjoni simili;

(viii)

informazzjoni dwar jekk twettqitx diġà valutazzjoni tar-reputazzjoni u l-esperjenza bħala akkwirent jew bħala persuna li tidderieġi operat (inkluż id-data tal-valutazzjoni, l-identità ta' dik l-awtorità u l-evidenza dwar l-eżitu tal-valutazzjoni);

(ix)

deskrizzjoni dwar l-interessi finanzjarji u mhux finanzjarji jew relazzjonijiet tal-persuna u / jew tal-qraba stretti tagħha mal-membri tal-korp maniġerjali u ma' persuni f'karigi b'funzjonijiet ewlenin fl-istess istituzzjoni, fl-istituzzjoni prinċipali u fis-sussidjarji u fl-azzjonisti;

(x)

id-dettalji tar-riżultat ta' kwalunkwe valutazzjoni tal-idoneità tal-membri tal-korp maniġerjali, imwettqa mill-applikant innifsu;

(xi)

informazzjoni dwar iż-żmien minimu li se jiġi ddedikat għat-twettiq tal-funzjonijiet tal-persuna fid-ditta (annwali u ta' kull xahar);

(xii)

informazzjoni dwar ir-riżorsi umani u finanzjarji dedikati għat-trawwim u t-taħriġ tal-membri (indikazzjonijiet annwali);

(xiii)

il-lista ta' karigi ta' direttur eżekuttiv u mhux eżekuttiv miżmuma mill-persuna fil-preżent.

Għall-finijiet tal-punt (ix) tal-punt (a), l-interessi finanzjarji jinkludu interessi bħal operazzjonijiet ta' kreditu, garanziji u rahan, filwaqt li l-interessi mhux finanzjarji jistgħu jinkludu interessi bħall-familja jew relazzjonijiet mill-qrib.

(b)

Il-persunal tal-maniġment intern u tal-korpi ta' kontroll.

Artikolu 5

Informazzjoni finanzjarja

Applikant li jitlob għal awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment skont it-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni li ġejja dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu:

(a)

informazzjoni dwar it-tbassir fil-livell individwali u, fejn applikabbli, fil-livell ta' grupp konsolidat jew subkonsolidat, inkluż:

(i)

tbassir tal-pjanijiet kontabilistiċi għall-ewwel tliet snin ta' operat inkluż:

tbassir tal-karti tal-bilanċ;

tbassir tal-kontijiet tal-profitt u t-telf jew tar-rapporti tal-introjtu;

(ii)

suppożizzjonijiet tal-ippjanar għat-tbassir t'hawn fuq kif ukoll spjegazzjonijiet taċ-ċifri, inkluż l-għadd u t-tip ta' konsumaturi mistennija, il-volum ta' tranżazzjonijiet/ordnijiet mistennija, l-assi mmaniġġjati mistennija;

(iii)

fejn applikabbli, il-kalkoli mbassra tar-rekwiżiti kapitali u tar-rekwiżiti tal-likwidità tad-ditta skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u t-tbassir tal-proporzjon tas-solvenza għall-ewwel sena;

(b)

għal kumpaniji li diġà huma attivi, rapporti finanzjarji statutorji, f'livell individwali u, fejn applikabbli, fil-livell tal-grupp konsolidat u subkonsolidat għall-aħħar tliet perjodi finanzjarji, approvati, meta r-rapporti finanzjarji jiġu awditjati, mill-awditur estern, inkluż:

(i)

il-karta tal-bilanċ;

(ii)

il-kontijiet tal-profit u t-telf jew ir-rapporti tal-introjtu;

(iii)

rapporti annwali u l-annessi finanzjarji u kwalunkwe dokument ieħor reġistrat fir-reġistru jew mal-awtorità rilevanti f'territorju partikolari rilevanti għar-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji u, fejn applikabbli rapport mill-awditur tal-kumpanija tal-aħħar tliet snin jew mill-bidu tal-attività;

(c)

analiżi tal-ambitu tas-superviżjoni konsolidata skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż dettalji dwar liema entitajiet tal-grupp ser ikunu inklużi fl-ambitu tar-rekwiżiti tas-superviżjoni konsolidata wara l-awtorizzazzjoni u f'liema livell fil-grupp se japplikaw dawn ir-rekwiżiti fuq bażi sħiħa jew subkonsolidata.

Artikolu 6

Informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tad-ditta

Applikant li jitlob għal awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment skont it-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni li ġejja dwar l-organizzazzjoni tiegħu:

(a)

programm ta' operazzjonijiet inizjali għat-tliet snin ta' wara, inkluża informazzjoni dwar attivitajiet regolati u mhux regolati ppjanati, informazzjoni dettaljata dwar it-tqassim ġeografiku u l-attivitajiet li se jitwettqu mid-ditta tal-investiment. L-informazzjoni rilevanti fil-programm tal-operazzjonijiet għandha tinkludi:

(i)

id-domiċilju tal-konsumaturi prospettivi u tal-investituri fil-mira;

(ii)

il-kummerċjalizzazzjoni u l-attività u l-arranġamenti promozzjonali, inklużi l-lingwi tad-dokumenti tal-offerta u dawk promozzjonali; identifikazzjoni tal-Istati Membri fejn ir-reklamar huwa l-aktar viżibbli u l-aktar frekwenti; it-tip tad-dokumenti promozzjonali (sabiex jiġi vvalutat fejn effettivament il-kummerċjalizzazzjoni se tkun prominenti l-aktar);

(iii)

l-identità tal-professjonist tal-kummerċjalizzazzjoni dirett, tal-konsulenti u tad-distributuri finanzjarji tal-investiment, il-lokalità ġeografika tal-attività tagħhom;

(b)

dettalji tal-awdituri tal-kumpanija, meta jkunu disponibbli fil-mument tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni;

(c)

l-istruttura organizzazzjonali u s-sistemi ta' kontroll interni tal-kumpanija, inkluż:

(i)

id-dettalji personali tal-kapijiet tal-funzjonijiet interni (maniġment u superviżjoni), inkluż curriculum vitae dettaljat li jsemmi l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali rilevanti, l-esperjenza professjonali;

(ii)

id-deskrizzjoni tar-riżorsi (b'mod partikolari r-riżorsi umani u tekniċi) allokati għad-diversi attivitajiet ippjanati;

(iii)

fir-rigward taż-żamma ta' strumenti finanzjarji u fondi ta' klijenti, informazzjoni li tispeċifika kwalunkwe arranġament tas-salvagwardja tal-assi tal-klijenti (b'mod partikolari, fejn l-istrumenti finanzjarji u l-fondi jkunu miżmuma għand kustodju, isem il-kustodju u l-kuntratti relatati);

(iv)

spjegazzjoni ta' kif id-ditta se tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali u ta' kondotta.

(d)

informazzjoni dwar l-istatus tal-applikazzjoni mid-ditta tal-investiment biex issir membru fl-iskema ta' kumpens għall-investitur fl-Istat Membru tad-Domiċilju jew evidenza ta' sħubija fi skema ta' kumpens għall-investitur, fejn disponibbli;

(e)

lista tal-funzjonijiet, servizzi jew attivitajiet esternalizzati (jew dawk li hemm il-ħsieb li jiġu esternalizzati) u lista tal-kuntratti konklużi jew previsti ma' fornituri u riżorsi esterni (b'mod partikolari umani u tekniċi, u s-sistema ta' kontroll intern) allokat għall-kontroll tal-funzjonijiet, tas-servizzi jew tal-attivitajiet esternalizzati;

(f)

miżuri biex jiġu identifikati u evitati jew immaniġjati l-konflitti ta' interess li jinqalgħu waqt il-provvediment ta' servizzi ta' investiment u anċillari u deskrizzjoni tal-arranġamenti ta' governanza tal-prodott;

(g)

deskrizzjoni tas-sistemi għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tad-ditta, inkluż sistemi ta' riżerva, fejn disponibbli u l-kontrolli tas-sistemi u tar-riskji fejn id-ditta tixtieq timpenja ruħha f'negozjar algoritmiku u/jew tipprovdi aċċess elettroniku dirett;

(h)

informazzjoni dwar il-konformità, il-kontroll intern u s-sistemi tal-immaniġġjar tar-riskju (sistema ta' monitoraġġ, awditjar intern u funzjonijiet ta' konsulenza u ta' assistenza).

(i)

dettalji dwar is-sistemi għall-valutazzjoni u tal-immaniġġjar tar-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu;

(j)

pjanijiet ta' kontinwità tal-operat, inkluż sistemi u riżorsi umani (persunal ewlieni);

(k)

immaniġjar tar-rekords, il-manutenzjoni tar-rekords u ż-żamma tar-rekords;

(l)

deskrizzjoni tal-manwal tal-proċeduri tad-ditta.

Artikolu 7

Rekwiżiti ġenerali

1.   L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, kif stabbilit fl-Artikoli 1 u 6, għandha tirreferi kemm għall-uffiċċju prinċipali tad-ditta kif ukoll għall-fergħat u l-aġenti marbuta.

2.   L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, kif stabbilit fl-Artikoli 2 u 5, għandha tirreferi għall-uffiċċju prinċipali tad-ditta.

Artikolu 8

Rekwiżiti applikabbli għall-immaniġġjar tad-ditti tal-investiment li huma persuni fiżiċi jew tad-ditti tal-investiment li huma persuni ġuridiċi mmaniġġjati minn persuna fiżika waħda

1.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jawtorizzaw biss bħala ditta ta' investiment persuna fiżika jew persuna ġuridika applikanti mmaniġġjata minn persuna fiżika waħda jekk:

(a)

il-persuna fiżika tkun tista' tintlaħaq faċilment fi żmien qasir mill-awtoritajiet kompetenti;

(b)

il-persuna fiżika tiddedika biżżejjed ħin għal din il-funzjoni;

(c)

il-korpi governattivi jew id-digriei tad-ditta tal-investiment jagħtu s-setgħa lil persuna biex tissostitwixxi maniġer immedjatament u taqdi d-dmirijiet tiegħu kollha jekk dan tal-aħħar ma jkunx jista' jwettaqhom;

(d)

il-persuna mogħtiha s-setgħa skont il-punt preċedenti għandha tkun ta' reputazzjoni tajba biżżejjed u jkollha esperjenza biżżejjed biex tissostitwixxi maniġer tul iż-żmien ta' assenza, jew sakemm jinħatar maniġer ġdid, sabiex tiżgura mmaniġġjar sod u prudenti tad-ditta tal-investiment. Il-persuna mogħtija s-setgħa għal ditti tal-investiment li huma persuni fiżiċi, għandha tkun disponibbli wkoll biex tassisti lill-prattikanti tal-insolvenza u lill-awtoritajiet relevanti f'każ ta' likwidazzjoni tad-ditta. Din il-persuna għandu jkollha d-disponibbiltà meħtieġa għal din il-funzjoni.

2.   Bħala parti mill-proċess tal-awtorizzazzjoni tagħha, ditta tal-investiment applikanti li hija persuna fiżika jew persuna ġuridika mmaniġġjata minn persuna fiżika waħda, għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 4(1)(a), (c), (d), (e) u (f) fir-rigward tal-persuna mogħtija s-setgħa skont il-paragrafu 1(d) ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Rekwiżiti applikabbli għall-azzjonisti u l-membri b'parteċipazzjonijiet kwalifikanti

L-awtorità kompetenti għandha tivverifika li t-talba ta' applikant għal awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment, skont it-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE, toffri garanziji suffiċjenti għall-immaniġġjar soda u prudenti tal-entità billi tivvalutaw l-adegwatezza tal-azzjonisti u tal-membri b'parteċipazzjonijiet kwalifikanti proposti, wara li tikkunsidra l-influwenza probabbli fuq id-ditta tal-investiment ta' kull azzjonist jew membru b'parteċipazzjonijiet kwalifikanti propost, skont dawn il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

ir-reputazzjoni u l-esperjenza ta' kwalunkwe persuna li se tidderieġi l-operat tad-ditta tal-investiment;

(b)

ir-reputazzjoni tal-azzjonisti u tal-membri b'parteċipazzjonijiet kwalifikanti;

(c)

is-solidità finanzjarja tal-azzjonisti u tal-membri b'parteċipazzjoni kwalifikanti proposti, b'mod partikolari fir-rigward tat-tip ta' negozju li jsir u li huwa previst fid-ditta tal-investiment;

(d)

jekk id-ditta ta' investiment hix se tkun kapaċi tikkonforma u tkompli tikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali stipulati fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/65/UE u, fejn applikabbli, id-Direttivi 2002/87/KE (6) u 2013/36/UE (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b'mod partikolari, jekk il-grupp li minnu se ssir parti għandux struttura li tagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata superviżjoni effikaċi, li b'mod effikaċi tiġi skambjata informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u li tiġi ddeterminata l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet fost l-awtoritajiet kompetenti;

(e)

jekk hemmx raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta li f'rabta mal-awtorizzazzjoni tad-ditta tal-investiment qiegħed jitwettaq jew ġie mwettaq jew kemm hemm tentattiv biex isir ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jew li l-awtorizzazzjoni tad-ditta tal-investiment tista' żżid ir-riskju għal dan.

Artikolu 10

Eżerċizzju effikaċi tal-funzjonijiet superviżorji

Struttura ta' grupp li se topera li fih id-ditta tal-investiment, għandha titqies bħala ostaklu għall-eżerċizzju tal-funzjoni superviżorja tal-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2014/65/UE fi kwalunkwe każ minn dawn:

(a)

tkun kumplessa u mhux trasparenti biżżejjed;

(b)

ikollha post ġeografiku tal-entitajiet tal-grupp;

(c)

tinkludi attivitajiet li jwettqu mill-entitajiet tal-grupp li jistgħu jipprevjenu lill-awtorità kompetenti milli tivvaluta b'mod effikaċi l-adattabbiltà tal-azzjonisti jew tal-membri b'parteċipazzjonijiet kwalifikanti jew l-influwenza ta' rabtiet mill-qrib mad-ditta tal-investiment.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jibda japplika mid-data li tidher fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84)

(4)  Ara l-paġna 32 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu dwar impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(8)  Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).