13.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 264/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1846

tat-12 ta' Ottubru 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1272 fir-rigward tal-livelli massimi tal-baġit għall-2017 applikabbli għal ċerti skemi ta' appoġġ dirett fil-Portugall

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) u l-Artikolu 42(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1272 (2) stabbilixxa l-livelli massimi nazzjonali annwali għal ċerti skemi ta' pagament dirett fl-2017.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1272 jistabbilixxi livell massimu għall-pagament ridistributtiv fil-Portugall b'konformità mad-deċiżjoni tal-Portugall li tapplika l-pagament ridistributtiv sa mis-sena tat-talba, jiġifieri l-2017. Sussegwentement, ġie nnutat li l-allokazzjoni finanzjarja notifikata mill-Portugal ħalliet barra parti min-nefqa b'rabta ma' dik l-iskema. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan tal-iskema li jiżdied l-appoġġ għall-ewwel ettari ta' azjenda, l-allokazzjoni finanzjarja għall-pagament ridistributtiv fil-Portugall fl-2017 għandha tiżdied.

(3)

Bħala konsegwenza, skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-livell massimu għall-iskema ta' pagament bażiku fil-Portugall fl-2017 għandu jitnaqqas kif xieraq.

(4)

Għalhekk, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1272 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Billi l-emenda li qed issir permezz ta' dan ir-Regolament taffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1272, li japplika mill-1 ta' Jannar 2017, anki dan ir-Regolament għandu japplika mill-istess data.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1272

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1272 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-punt I, l-entrata għall-Portugall tinbidel b'dan li ġej:

“Il-Portugall

267 437 ”

(2)

Fil-punt III, l-entrata għall-Portugall tinbidel b'dan li ġej:

“Il-Portugall

23 050 ”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1272 tal-14 ta' Lulju 2017 li jistabbilixxi l-livelli massimi tal-baġit għall-2017 applikabbli għal ċerti skemi diretti ta' appoġġ previsti fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 184, 15.7.2017, p. 5).