6.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/22


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1794

tal-5 ta' Ottubru 2017

li jistabbilixxi r-rati tal-imgħax li jridu jintużaw biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż għall-finanzjament tal-miżuri ta' intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet għas-sena fiskali tal-2018 tal-FAEG

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) u (4) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 (2) jistipula li n-nefqa relatata mal-ispejjeż finanzjarji mġarrba mill-Istati Membri sabiex jimmobilizzaw fondi biex jixtru l-prodotti għandha tiġi ddeterminata skont il-metodi stabbiliti fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(2)

Il-punt I.1 tal-Anness I tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 906/2014 jistipula li l-kalkolu tal-ispejjeż ta' finanzjament ikkonċernati jrid isir abbażi ta' rata tal-imgħax li tkun l-istess fl-Unjoni kollha u li tkun stabbilita mill-Kummissjoni fil-bidu ta' kull sena fiskali. Din ir-rata tal-imgħax tikkorrispondi għall-medja tar-rati tal-Euribor għal terminu ta' tliet xhur u ta' 12-il xahar, reġistrati matul il-perjodu ta' referenza ta' sitt xhur li jrid jiġi determinat mill-Kummissjoni, qabel in-notifika mingħand l-Istati Membri stipulata fl-ewwel paragrafu tal-punt I.2 ta' dak l-Anness, b'koeffiċjent ta' korrezzjoni ta' terz u żewġ terzi rispettivament.

(3)

Biex jiġu ddeterminati r-rati tal-imgħax applikabbli għal sena finanzjarja partikolari, l-ewwel paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness I tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 906/2014 jistipula li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, meta titlob dan, ir-rata tal-imgħax medja mġarrba minnhom fil-verità matul il-perjodu ta' referenza li hemm referenza għalih fil-punt I.1 ta' dan l-Anness, sa mhux iktar tard mid-data ta' skadenza msemmija f'dik it-talba.

(4)

Barra minn hekk, f'konformità mat-tieni paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness I tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 906/2014, jekk Stat Membru ma jibgħat l-ebda notifika, fil-forma u sad-data tal-iskadenza msemmijin fl-ewwel paragrafu ta' dak il-punt, ir-rata tal-imgħax imġarrba minn dak l-Istat Membru għandha titqies bħala 0 %. Jekk Stat Membru jiddikjara li ma ġarrab l-ebda spiża tal-imgħax għax ma kellux prodotti agrikoli fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta' referenza, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dik ir-rata tal-imgħax skont it-tielet paragrafu ta' dak il-punt.

(5)

Skont il-punt I.3 tal-Anness I tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 906/2014, ir-rata tal-imgħax stabbilita abbażi tal-punt I.2 ta' dak l-Anness għandha titqabbel mar-rata tal-imgħax uniformi stabbilita abbażi tal-punt I.1 ta' dak l-Anness. Ir-rata tal-imgħax applikabbli għal kull Stat Membru għandha tkun l-aktar waħda baxxa minn dawn iż-żewġ rati tal-imgħax. Madankollu, għall-fini tar-rimbors tal-infiq tal-Istati Membri, ir-rati tal-imgħax negattivi ma jistgħux jiġu kkunsidrati.

(6)

Ir-rati tal-imgħax applikabbli għas-sena fiskali tal-2018 tal-FAEG jenħtieġ jiġu stabbiliti billi jitqiesu dawk il-fatturi differenti.

(7)

Sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna ġuridika rigward ir-rata tal-imgħax applikabbli għall-kalkolu tal-ispejjeż ta' finanzjament tal-miżuri ta' intervent, huwa xieraq li r-rata l-ġdida tapplika retroattivament mill-1 ta' Ottubru 2017,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan-nefqa marbuta mal-ispejjeż ta' finanzjament li ġarrbu l-Istati Membri biex jimmobilizzaw il-fondi għax-xiri ta' prodotti li għandhom jitħallsu mis-sena fiskali 2018 tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), ir-rati tal-imgħax previsti fl-Anness I tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 906/2014 skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-istess Regolament, għandhom ikunu stabbiliti għal 0 %.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Ottubru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-infiq b'intervent pubbliku (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 1).