29.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/1770

tat-28 ta' Settembru 2017

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 tat-28 ta' Settembru 2017 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fit-28 ta' Settembru 2017, il-Kunsill adotta Deċiżjoni (PESK) 2017/1775 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali u li timplimenta r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNCSR) 2374 (2017). Dawk il-miżuri jipprovdu għal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni ddeżinjati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“il-Kunsill tas-Sigurtà”) jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti bħala responsabbli għal, kompliċi fi, jew li kienu involuti, direttament jew indirettament, f'azzjonijiet jew politiki li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Mali. Dawk il-persuni huma elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775.

(2)

Ċerti miżuri previsti fil-UNSCR 2374 (2017) jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, bil-għan, b'mod partikolari, li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati.

(3)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari,i d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi applikat skont dawk id-drittijiet.

(4)

Jenħtieġ li s-setgħa li jiġu emendati l-listi fl-Anness I għal dan ir-Regolament tiġi eżerċitata mill-Kunsill, fid-dawl tat-theddida speċifika għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali rappreżentata mil-Mali, u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-emendar u r-reviżjoni tal-Annessi għad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1775.

(5)

Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq ċertezza legali massima fl-Unjoni, l-ismijiet u dejta oħra rilevanti li jikkonċernaw lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom ikollhom jiġu ffriżati f'konformità ma' dan ir-Regolament għandhom isiru pubbliċi. Kull ipproċessar tad-data personali għandu jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeċiedu l-penali applikabbli għal ksur ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-penali previsti jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“pretensjoni” tfisser kull talba, kemm jekk asserita bi proċeduri legali kif ukoll jekk le, magħmula qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont jew b'rabta ma' kuntratt jew tranżazzjoni, u b'mod partikolari tinkludi:

(i)

pretensjoni għall-eżekuzzjoni ta' kull obbligu li jirriżulta skont jew b'rabta ma' kuntratt jew tranżazzjoni;

(ii)

pretensjoni għall-estensjoni jew għall-pagament ta' bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta' kull forma;

(iii)

pretensjoni għall-kumpens fir-rigward ta' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)

kontropretensjoni;

(v)

talba għar-rikonoxximent jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, deċiżjoni arbitrali jew deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn issir jew tingħata;

(b)

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta' liema forma tkun u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, kemm jekk tikkonsisti f'kuntratt wieħed jew aktar jew f'obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew differenti; għal dak l-iskop, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennità, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennità finanzjarja, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti kif ukoll jekk le, kif ukoll kull dispożizzjoni relatata li taqa' taħt it-tranżazzjoni jew b'konnessjoni magħha;

(c)

“awtoritajiet kompetenti” tirriferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II;

(d)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kull xorta, kemm dawk tanġibbli kif ukoll dawk intanġibbli, mobbli u immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(e)

“iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta' fondi, prodotti jew servizzi b'kull mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-użu tagħhom bħala ipoteka;

(f)

“iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', jew negozjar ta' fondi b'kull mod li jirriżulta f'kull bidla fil-volum, l-ammont, il-post, is-sjieda, il-pussess, in-natura, id-destinazzjoni tagħhom jew kull bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż il-ġestjoni ta' portafolli;

(g)

“fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta' kull xorta, li jinkludu lil dawn li ġejjin, iżda mhumiex limitati għalihom:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, ordnijiet ta' flus u strumenti oħra ta' ħlas;

(ii)

depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

(iii)

titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi l-istokks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

(iv)

imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew valur li jirriżulta minnhom jew li huwa ġġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija, poloz ta' bejgħ; kif ukoll

(vii)

dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

(h)

“Il-Kumitat tas-Sanzjonijiet” tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit skont il-paragrafu 9 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2374 (2017);

(i)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom;

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll, b'mod dirett jew indirett, ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, għall-beneficċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I.

3.   L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi u persuni u entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, u entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala:

(a)

involuti f'ostilitajiet bi ksur tal-Ftehim dwar il-Paċi u Rikonċiljazzjoni fil-Mali (il-“Ftehim”);

(b)

li jieħdu azzjonijiet li jfixklu, jew li jfixklu għax idewmu għal żmien mhux dovut, jew li jipperikolaw l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(c)

li jaġixxu għal jew f'isem, jew taħt id-direzzjoni ta', jew li b'xi mod ieħor jappoġġjaw jew jiffinanzjaw individwi u entitajiet identifikati fil-punti (a) u (b), inkluż permezz tar-rikavat mill-kriminalità organizzata, inkluż il-produzzjoni u t-traffikar ta' drogi narkotiċi u l-prekursuri tagħhom li joriġinaw fil-Mali jew li jkunu fi tranżitu minnu, it-traffikar ta' persuni u l-kuntrabandu tal-migranti, il-kuntrabandu u t-traffikar ta' armamenti kif ukoll it-traffikar tal-proprjetà kulturali;

(d)

li huma involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorizzazzjoni jew it-tmexxija ta' attakki kontra;

(i)

id-diversi entitajiet li ssir referenza għalihom fil-Ftehim, inkluż istituzzjonijiet lokali, reġjonali, u tal-istat, pattulji konġunti u l-forzi tas-Sigurtà u d-Difiża tal-Mali;

(ii)

il-forza taż-żamma tal-paċi tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni Integrata Multidimensjonali tan-Nazzjonijiet Uniti (MINUSMA) kif ukoll persunal assoċjat ieħor tan-NU, inklużi membri tal-Grupp ta' Esperti;

(iii)

preżenzi ta' sigurtà internazzjonali, inkluża l-Force Conjointe des Etats du G5 Sahel (FC-G5S), il-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-forzi Franċiżi;

(e)

li jostakolaw l-għoti ta' għajnuna umanitarja lill-Mali, jew l-aċċess jew distribuzzjoni fir-rigward tal-għajnuna umanitarja fil-Mali;

(f)

li jippjanaw id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti fil-Mali li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż dawk li jinvolvu l-immirar lejn persuni ċivili, inklużi nisa u tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż il-qtil, l-inkapaċità, it-tortura, jew l-istupru jew xi vjolenza sesswali oħra), il-ħtif, l-għibien furzat, l-ispustjar furzat jew l-attakki kontra skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi jew postijiet fejn persuni ċivili jkunu qegħdin ifittxu kenn;

(g)

li jużaw jew jirreklutaw tfal minn gruppi armati jew mill-forzi armati bi ksir tal-liġi internazzjonali applikabbli, fil-kuntest tal-kunflitt armat fil-Mali;

(h)

li jiffaċilitaw, b'mod intenzjonali, l-ivvjaġġar ta' persuna elenkata bi ksur tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar;

4.   L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni, entitajiet u korpi kkonċernati.

5.   L-Anness I għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post ta' twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaporti u tal-karti tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 3

1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, b'dawk il-kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

(a)

neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi elenkati fl-Anness I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta' dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlas għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u spejjeż ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż marbutin mal-għoti ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklussivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti għal servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati. jew

sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tkun innotifikat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar dik il-konstatazzjoni u dwar il-ħsieb tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni, u fin-nuqqas ta' deċiżjonji negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol għal din in-notifika.

2.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, b'dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma meħtieġa minħabba spejjeż straordinarji, u dejjem jekk tali determinazzjoni tkun ġiet innotifikata lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u li d-determinazzjoni tkun ġiet approvata minn dak il-Kumitat.

3.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, b'dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, dment li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddetermina, skont il-każ, li tali deroga tiffaċilita l-objettivi ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Mali u l-istabbiltà fir-reġjun.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu.

Artikolu 4

1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta' deċiżjoni ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna, entità jew korp fiżiku jew ġuridiku, imsemmi fl-Artikolu 2 ġie inkluż fl-Anness I, jew ta' garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi se jintużaw esklużivament sabiex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet iggarantiti minn deċiżjoni msemmija fil-punt (a) jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti minn liġijiet u regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni jew garanzija ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I;

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni jew tal-garanzija ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat. kif ukoll

(e)

il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru bis-sentenza jew bil-garanzija.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 5

1.   B'deroga mill-Artikolu 2 u bil-kundizzjoni li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat, qabel id-data ta' meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness I, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu adattati, ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew ta' riżorsi ekonomiċi, dejjem jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I;

(b)

il-pagament ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 2(2); u

(c)

il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru relevanti dwar l-intenzjoni li jagħti awtorizzazzjoni, għaxart (10) ijiem ta' xogħol bil-quddiem.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

Artikolu 6

1.   L-Artikolu 2(2) ma għandux jwaqqaf l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont tal-persuna fiżika jew ġuridika, tal-entità jew tal-korp elenkati, dejjem jekk kull żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti b'kull tranżazzjoni bħal din, mingħajr dewmien.

2.   L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 2 jkunu ġew inklużi fl-Anness I;

dment li kull tali imgħax, dħul ieħor u ħlasijiet ikunu ffriżati skont l-Artikolu 2.

Artikolu 7

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

ifornu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti biex din l-informazzjoni tiġi vverifikata b'kull mod.

2.   Kull informazzjoni addizzjonali riċevuta direttament mill-Kummissjoni għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri.

3.   Kull informazzjoni mogħtija jew milqugħa skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ngħatat jew ġiet milqugħa

Artikolu 8

Il-parteċipazzjoni b'mod konxju u bi ħsieb, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artiklu 2 għandha tkun ipprojbita.

Artikolu 9

1.   L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq in bona fede abbażi li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandux joħloq responsabbiltà tal-ebda tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.

2.   Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu l-ebda tip ta' responsabbiltà min-naħa tagħhom, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 10

1.   Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b'mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kull pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħall-pretensjoni għal kumpens jew il-pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kull għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Anness I;

(b)

kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li taġixxi permezz ta' waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi jew li taġixxi f'isimhom, imsemmija fil-punt (a).

2.   F'kull proċediment għall-eżekuzzjoni ta' pretensjoni, l-obbligu ta' prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1, għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta' dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal reviżjoni ġudizzjarja tal-legalità tan-nonadempiment ta' obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.

Artikolu 11

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin dwar il-miżuri meħuda b'dan ir-Regolament u jikkondividu kull informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b'rabta ma' dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni:

(a)

dwar il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 2 u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 3, 4 u 5;

(b)

fir-rigward ta' ksur u ta' problemi li jirrigwardaw l-infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kull informazzjoni relevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li jista' jkollha impatt fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jinkludi fil-lista persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, il-Kunsill għandu jinkludi tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness I.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna fiżika jew ġuridika, lill-entità jew lill-korp imsemmija fil-paragrafu 1, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, fejn jagħti lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp opportunità biex jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, lill-entità jew lill-korp imsemmija fil-paragrafu 1 kif meħtieġ.

4.   Fejn in-Nazzjonjiet Uniti tiddeċiedi li tneħħi mil-lista xi persuna fiżika jew ġuridika, entità, jew korp jew li temenda d-data ta' identifikazzjoni ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness I kif meħtieġ.

5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa litemenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Artikolu 13

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn ir-regoli lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u għandhom jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti.

Artikolu 14

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq is-siti web elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha fl-indirizzi tas-siti web tagħhom elenkati fl-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti.

3.   Meta dan ir-Regolament jistipula obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew li ssir xi komunikazzjoni magħha b'xi mod ieħor, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 15

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)

abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;

(c)

għal kull persuna fit-territorju tal-Unjoni jew 'il barra minnu li tkun ċittadina ta' Stat Membru;

(d)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkun inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta' Stat Membru;

(e)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

Artikolu 16

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Ara paġna 23 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).


ANNESS I

Lista ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 2


ANNESS II

Siti web b'informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni

IL-BELĠJU

https://diplomatie.belgium.be/nl/Beleid/beleidsthemas/vrede_en_veiligheid/sancties

https://diplomatie.belgium.be/fr/politique/themes_politiques/paix_et_securite/sanctions

https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/en/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Paginas/SancionesInternacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

L-ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

L-UNGERIJA

http://www.kormany.hu/download/9/2a/f0000/EU%20szankci%C3%B3s%20t%C3%A1j%C3%A9koztat%C3%B3_20170214_final.pdf

MALTA

https://www.gov.mt/en/Government/Government%20of%20Malta/Ministries%20and%20Entities/Officially%20Appointed%20Bodies/Pages/Boards/Sanctions-Monitoring-Board-.aspx

IN-NETHERLANDS

https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/ministerios/mne/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-IŻVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Comission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 07/99

B-1049 Brussels, Belgium

Email: relex-sanctions@ec.europa.eu