27.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/1


REGOLAMENT (UE) 2017/1601 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Settembru 2017

li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 209(1) u 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew (PIE) jipprevedi l-ħolqien tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) bħala l-ewwel pilastru tiegħu, flimkien ma’ għajnuna teknika bħala t-tieni pilastru u t-titjib tal-klima ta’ investiment u tal-ambjent ġenerali tal-politiki fil-pajjiżi sħab bħala t-tielet pilastru.

(2)

L-EFSD għandu l-għan li jappoġġja l-investimenti primarjament fl-Afrika u fil-Viċinat tal-Unjoni bħala mezz biex jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) 2030 għal Żvilupp Sostenibbli (l-“Aġenda 2030”), b’mod partikolari l-qerda tal-faqar, kif ukoll l-impenji skont il-Politika Ewropea tal-Viċinat. Meta jappoġġja tali investimenti, l-EFSD għandu l-għan li jindirizza kawżi soċjoekonomiċi speċifiċi tal-migrazzjoni, inkluża l-migrazzjoni irregolari, u li jikkontribwixxi għar-riintegrazzjoni sostenibbli tal-migranti li jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u li jissaħħu l-komunitajiet ta’ tranżitu u dawk ospitanti. Jenħtieġ li l-EFSD, bħala parti mill-PIE, jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima (Ftehim ta’ Pariġi).

(3)

Jenħtieġ li l-investimenti fil-qafas tal-EFSD jikkomplementaw u jsaħħu l-isforzi mwettqa fil-kuntest tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi terzi, inkluża, meta xieraq, l-implimentazzjoni tal-Qafas Ġdid ta’ Sħubija mal-pajjiżi terzi fl-ambitu tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

(4)

Jenħtieġ li l-EFSD ikun iggwidat mill-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u dawk tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif sitpulata fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Jenħtieġ li l-EFSD jippermetti wkoll lill-investituri u lill-kumpaniji privati, b’mod partikolari lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, jikkontribwixxu b’mod aktar effettiv għall-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab f’konformità mal-politika ta’ żvilupp tal-Unjoni u mal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Jenħtieġ li l-EFSD jimmassimizza l-addizjonalità, jindirizza l-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali, irendi prodotti innovattivi u jiġuattirati l-fondi mis-settur privat. Jenħtieġ li l-operazzjonijiet tal-EFSD jkunu distinti b’mod ċar minn appoġġ ieħor, u komplementari għalih, inklużi l-operazzjonijiet tal-mandat ta’ self estern tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Inizjattiva ta’ Reżiljenza Ekonomika, kif ukoll il-Faċilità ta’ Investiment stabbilita’ taħt il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropew u l-Istati membri tagħha, minn naħa l-oħra, li ġie ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (2) (Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE) (AKP Faċilità ta’ Investiment). Jenħtieġ li l-operazzjonijiet tal-EFSD ikunu wkoll komplementari għall-attivitajiet eżistenti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji eliġibbli oħra.

(5)

Jenħtieġ li l-EFSD jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, li tirrikonoxxi l-migrazzjoni internazzjonali bħala realtà multidimensjonali ta’ rilevanza kbira għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, li tirrikjedi tweġibiet koerenti u komprensivi, filwaqt li jiġi enfasizzat il-potenzjal tal-migranti li jikkontribwixxu għat-tkabbir inklużiv u l-iżvilupp sostenibbli. Jenħtieġ li l-investimenti appoġġjati mill-EFSD jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet migratorji li joriġinaw mill-faqar, il-kunflitt, l-instabilità, is-sottożvilupp, l-inugwaljanza, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, it-tkabbir demografiku, u n-nuqqas ta’ impjiegi u ta’ opportunitajiet ekonomiċi, kif ukoll mit-tibdil fil-klima.

(6)

Jenħtieġ li l-EFSD ikun konformi mal-impenn tal-Unjoni fil-qafas tal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp u l-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp maqbula internazzjonalment, kif stabbilit mir-Raba’ Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effettività tal-Għajnuna fil-Busan fl-2011 (“Is-Sħubija ta’ Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp”), u affermati mill-ġdid fit-Tieni Laqgħa ta’ Livell Għoli tas-Sħubija Globali ta’ Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp f’Nairobi fl-2016.

(7)

L-iskop tal-EFSD huwa konformi mal-Istrateġija Globali tal-Unjoni għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà, li tinkorpora sfidi bħall-migrazzjoni u r-reżiljenza fil-politika estera globali tal-Unjoni, filwaqt li tiżgura li l-politika esterna tal-Unjoni tkun koerenti għalkollox mal-objettivi tal-politika ta’ żvilupp u tiżgura sinerġiji mal-politika ta’ żvilupp tal-Unjoni u mal-politika Ewropea tal-Viċinat. L-iskop tiegħu huwa wkoll konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jiżgura approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem filwaqt li jiġu indirizzati l-ispostament sfurzat u l-migrazzjoni irregolari.

(8)

Jenħtieġ li l-EFSD iħeġġeġ il-ħolqien ta’ impjiegi diċenti, l-opportunitajiet ekonomiċi u l-intraprenditorija, u tkabbir ekoloġiku u inklużiv b’enfasi partikolari fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ f’konformità mal-Qafas tal-Unjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: It-Trasformazzjoni tal-Ħajja tal-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020, waqt li jsaħħaħ l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-aċċess ekwu għar-riżorsi naturali u l-użu tagħhom.

(9)

Jenħtieġ li l-involviment tas-settur privat fil-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi sħab permezz tal-EFSD iħalli impatt addizzjonali u li jkun jista’ jitkejjel fuq l-iżvilupp mingħajr distorsjoni fis-suq u jenħtieġ li dan ikun kosteffikaċi bbażat fuq ir-responsabilità reċiproka u l-kondiviżjoni tar-riskju u tal-ispejjeż. Jenħtieġ li tali involviment jibni fuq impenn favur linji gwida u prinċipji miftiehma internazzjonalment, inklużi l-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwidi għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD).

(10)

Sabiex jiġu sodisfatti l-impenji politiċi tal-Unjoni dwar l-azzjoni fir-rigward tal-klima, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tar-riżorsi, jenħtieġ li sehem minimu ta’ 28 % mill-finanzjament allokat taħt il-Garnzija tal-EFSD jiġi allokat għall-investimenti rilevanti għal dawk is-setturi.

(11)

Jenħtieġ li l-azzjonijiet fil-qafas ta’ dan ir-Regolament jitfasslu b’tali mod li jissodisfaw il-kriterji tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) stabbiliti mill-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD (OECD-DAC), filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-iżvilupp tas-settur privat, li jirriflettu l-bżonnijiet ta’ pajjiżi identifikati bħala pajjiżi li qed jesperjenzaw fraġilità jew kunflitt, pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) u pajjiżi fqar b’dejn għoli, u li jipprovdu appoġġ xieraq għall-investimenti fil-viċinati tan-nofsinhar u tal-lvant.

(12)

Fil-kuntest tat-Tieni pilastru tal-PIE, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżid l-għajnuna sabiex tgħin lill-pajjiżi sħab jattiraw l-investiment billi jippreparaw u jippromwovu l-proġetti aħjar, jiżviluppaw numru ogħla ta’ proġetti bankabbli u jgħarrfuhom lill-komunità internazzjonali tal-investituri. Jenħtieġ li jiġi stabbilit portal web pilota, fil-forma ta’ bażi ta’ data aċċessibbli pubblikament u faċli biex tintuża, li jipprovdi informazzjoni rilevanti għal kull proġett.

(13)

Fil-kuntest tat-tielet pilastru tal-PIE u r-relazzjonijiet politiċi eżistenti tal-Unjoni mal-pajjiżi sħab, jenħtieġ li l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (Rappreżentant Għoli) jżommu djalogi politiċi bil-għan li jiżviluppaw oqfsa ġuridiċi, politiki u istituzzjonijiet li jippromwovu l-istabilità ekonomika, l-investiment sostenibbli u t-tkabbir inklużiv. Jenħtieġ li dawk id-djalogi politiċi jkopru, inter alia, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-flussi finanzjarji illeċiti, il-governanza tajba, l-inklużjoni tas-swieq lokali, l-ispinta lill-intraprenditorija u lill-ambjenti lokali tan-negozju, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif ukoll politiki żviluppati mill-perspettiva tal-ġeneru.

(14)

Jenħtieġ li l-EFSD ikun magħmul minn pjattaformi ta’ investiment reġjonali, li jenħtieġ li jkunu stabbiliti fuq il-bażi tal-metodi ta’ ħidma, il-proċeduri u l-istrutturi tal-faċilitajiet ta’ taħlit esterni eżistenti tal-Unjoni u li jenħtieġ li jikkombinaw l-operazzjonijiet ta’ taħliet tagħhom mal-Garanzija tal-EFSD. Jenħtieġ li l-Garanzija tal-EFSD tappoġġja l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment fil-pajjiżi sħab fl-Afrika u fil-Viċinat Ewropew.

(15)

Fid-dawl tas-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-użu tat-taħlit fl-azzjoni esterna tal-Unjoni, huwa essenzjali li t-taħlit jintuża meta l-valur miżjud tiegħu jkun jista’ jintwera b’mod ċar.

(16)

Jenħtieġ li jinħoloq bord strateġiku tal-EFSD sabiex jappoġġja lill-Kummissjoni fl-istabbiliment ta’ gwida strateġika u ta’ miri ta’ investiment ġenerali, kif ukoll fl-iżgurar ta’ kopertura ġeografika u tematika xierqa u diversifikata għat-twieqi ta’ investiment. Jenħtieġ li l-bord strateġiku jappoġġja wkoll il-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn il-pjattaformi reġjonali, bejn it-tliet pilastri tal-PIE, bejn il-PIE u l-isforzi l-oħra tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, kif ukoll mal-istrumenti ta’ finanzjament estern u l-fondi fiduċjarji rilevanti tal-Unjoni, u mal-operazzjonijiet tal-mandat ta’ self estern ġestiti mill-BEI, inklużi l-Inizjattiva ta’ Reżiljenza Ekonomika tal-BEI u l-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP, mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ governanza interna tal-BEI.

(17)

Jenħtieġ li l-bord strateġiku jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli, tal-Istati Membri kollha u tal-BEI. Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew ikollu status ta’ osservatur. Il-kontributuri, il-kontropartijiet eliġibbli, il-pajjiżi sħab, l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti u partijiet ikkonċernati oħra, jistgħu jingħataw status ta’ osservaturi, meta jkun xieraq. Jenħtieġ li l-bord strateġiku jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura jistabbilixxu l-qafas għall-involviment tal-osservaturi, b’kunsiderazzjoni tal-istatusis u r-rwoli rispettivi tagħhom.

(18)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-BEI jikkonkludu ftehim li jispeċifika l-kundizzjonijiet tal-kooperazzjoni tagħhom fil-ġestjoni tal-Garanzija tal-EFSD u jenħtieġ li jippreżentaw dak il-ftehim lill-bord strateġiku.

(19)

Jenħtieġ li kull pjattaforma ta’ investiment reġjonali jkollha bord operattiv, li għandu jislet mill-esperjenzi tal-bordijiet operattivi tal-faċilitajiet ta’ taħlit eżistenti. Jenħtieġ li l-bordijiet operattivi reġjonali jipprovdu appoġġ lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawn jappoġġjaw lill-Kummissjoni fl-istabbiliment u l-monitoraġġ tal-miri ta’ investiment reġjonali u settorjali ut-twieqi ta’ investiment reġjonali, settorjali u tematiċi, fil-formulazzjoni ta’ opinjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ taħlit u fid-diskussjoni tal-użu tal-Garanzija tal-EFSD skont it-twieqi ta’ investiment li jridu jiġu stabbiliti.

(20)

Jenħtieġ li jkun żgurat li jiġi pprovdut livell xieraq ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-orjentazzjoni strateġika tal-użu tal-Garanzija tal-EFSD permezz tal-istabbiliment ta’ twieqi ta’ investiment.

(21)

Jenħtieġ li l-EFSD jopera bħala ‘one-stop-shop’, billi jirċievi proposti ta’ finanzjament mingħand istituzzjonijiet finanzjarji u investituri pubbliċi jew privati u jagħti firxa wiesgħa ta’ appoġġ finanzjarju għall-investimenti eliġibbli. Jenħtieġ li l-Garanzija tal-EFSD tkun appoġġjata mill-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD.

(22)

Jenħtieġ li l-EFSD juża strumenti innovattivi biex jappoġġja l-investimenti u jinvolvi lis-settur privat, b’mod partikolari lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Jenħtieġ li huwa jippermetti wkoll lill-investituri Ewropej u lill-kumpaniji privati, inklużi l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, jipparteċipaw b’mod aktar effettiv fl-isforzi biex jinkiseb żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab. Hemm bżonn li jiġu indirizzati x-xkiel u l-ostakli għall-investimenti f’dan ir-rigward.

(23)

Jenħtieġ li l-Garanzija tal-EFSD tagħti prijorità lill-proġetti ta’ finanzjament li jkollhom impatt għoli fuq il-ħolqien tal-impjiegi u li l-proporzjon tal-kostijiet u l-benefiċċji tagħhom itejjeb is-sostenibilità tal-investiment. Meta l-operazzjonijiet ikunu qed jiġu appoġġjati bil-Garanzija tal-EFSD, jenħtieġ li ssir valutazzjoni ex ante fil-fond dwar l-aspetti ambjentali, finanzjarji u soċjali. Jenħtieġ li l-Garanzija tal-EFSD ma tintużax biex tissostitwixxi r-responsabilità tal-gvern li jipprovdi s-servizzi pubbliċi essenzjali.

(24)

Jenħtieġ li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi sħab jinkludu informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament mill-EFSD fil-komunikazzjonijiettagħhom immirati lejn is-soċjetà ċivili u l-pubbliku ġenerali u jikkontribwixxu għall-koerenza bejn it-tliet pilastri tal-PIE.

(25)

Jenħtieġ li l-Garanzija tal-EFSD tingħata lill-kontropartijiet eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment jew għall-istrumenti ta’ garanzija għal perjodu ta’ investiment inizjali sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(26)

Sabiex tiġi prevista flessibilità, tiżdied l-attraenza għas-settur privat u jiġi massimizzat l-impatt tal-investimenti, huwa xieraq li tiġi prevista deroga mir-regoli relatati mal-metodi ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li permezz tagħha l-kontropartijiet eliġibbli, li huma korpi rregolati bil-liġi privata, jistgħu jkunu wkoll korpi li ma jiġux fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u jistgħu jkunu wkoll korpi rregolati bil-liġi privata ta’ pajjiż sieħeb.

(27)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonkludi ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD mal-kontropartijiet eliġibbli li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet speċifiċi li taħthom tingħatalhom il-Garanzija tal-EFSD. Jenħtieġ li dawk il-ftehimiet ta’ garanzija jipprovdu l-bażi ġuridika għall-kondiviżjoni adegwata tar-riskji, sabiex b’hekk jiġu pprovduti inċentivi għall-kontropartijiet eliġibbli bil-għan li jipprovdu finanzjament, kif ukoll il-mekkaniżmi u l-proċeduri għas-sejħiet potenzjali fuq il-Garanzija tal-EFSD.

(28)

Jenħtieġ li l-Unjoni tagħmel disponibbli garanzija ta’ EUR 1 500 000 000 sabiex tistabbilixxi l-Garanzija tal-EFSD. Jenħtieġ li l-Istati Membri u kontributuri oħrajn jiġu mistiedna jikkontribwixxu aktar sabiex jappoġġjaw il-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD fil-forma ta’ flus kontanti fil-każ ta’ Stati Membri u kontributuri oħrajn, jew garanziji fil-każ ta’ Stati Membri, bil-għan li jżidu l-marġini ta’ likwidità u b’hekk jippermettu li jiżdied il-volum totali tal-Garanzija tal-EFSD. Jenħtieġ li l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u kontributuri oħrajn jiġu mistiedna jipprovdu finanzjament addizzjonali lill-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD b’kundizzjonijiet li jenħtieġ li jiġu stabbiliti fi ftehim li jrid jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-kontributur inkwistjoni.

(29)

Jenħtieġ li l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD jiġi stabbilit bħala marġini ta’ likwidità fil-każ ta’ sejħa għall-Garanzija tal-EFSD. Sabiex jintlaħaq livell li jkun jirrifletti b’mod adegwat l-obbligi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta mal-Garanzija tal-EFSD, jenħtieġ li l-Unjoni tagħmel disponibbli EUR 750 000 000.

(30)

Sabiex iżidu l-impatt tal-Garanzija tal-EFSD fid-dawl tal-ħtiġijiet fir-reġjuni kkonċernati, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) jkollhom il-possibilità li jipprovdu kontribuzzjonijiet fil-forma ta’ garanzija jew flus kontanti.

(31)

Billi l-fondi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għandhom jintużaw għall-finijiet tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD, jenħtieġ li jiġu allokati mill-inqas EUR 400 000 000 tal-kopertura tal-Garanzija tal-EFSD għal investimenti fil-pajjiżi sħab eliġibbli skont il-11-il FEŻ (4) matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Garanzija tal-EFSD. Jenħtieġ li l-Garanzija tal-EFSD issir disponibbli biss meta tkun ġiet ikkonfermata kontribuzzjoni ta’ EUR 400 000 000 mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD.

(32)

Peress li l-fondi tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għandhom jintużaw għall-finijiet tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD, jenħtieġ li minimu ta’ EUR 100 000 000 ta’ kopertura tal-Garanzija tal-EFSD jiġi allokat għall-investimenti fil-pajjiżi sħab fil-viċinati tal-lvant u tan-nofisnhar matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Garanzija tal-EFSD.

(33)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti mill-Garanzija tal-EFSD bil-għan li tiżgura responsabilizzazzjoni sħiħa liċ-ċittadini tal-Unjoni u skrutinju u kontroll mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Jenħtieġ li r-rapport jiġi ppubblikat sabiex il-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluża s-soċjetà ċivili, ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta wkoll kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD sabiex jiġu żgurati r-responsabilizzazzjoni u t-trasparenza. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma wkoll lill-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE tal-użu tal-fondi tal-FEŻ.

(34)

Sabiex jiżguraw l-monitoraġġ u r-responsabilizzazzjoni tal-EFSD u tal-PIE, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Parlament Ewropew jew għall-Kunsill li jorganizzaw seduti ta’ smigħ bħala parti minn djalogu mal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli, il-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji eliġibbli oħra, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili.

(35)

Sabiex ikun jista’ jitqies it-tagħlim miksub u jkun permess l-evoluzzjoni ulterjuri tal-EFSD, jenħtieġ li l-funzjonament tal-EFSD u l-użu tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD jiġu evalwati mill-Kummissjoni u minn evalwaturi esterni u jiġu soġġetti għal proċess ta’ konsultazzjoni annwali mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi evalwata indipendentement sabiex jiġi vvalutat il-livell ta’ konformità tal-implimentazzjoni mal-bażi ġuridika, u sabiex jiġu stabbiliti l-applikabilità u l-prattikabilità ta’ dan ir-Regolament fil-kisba tal-objettivi tiegħu.

(36)

Sabiex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’konnessjoni ma’ kwalunkwe operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) huwa intitolat li jwettaq investigazzjonijiet f’konformità mar- Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (6) u(Euratom, KE) Nru 2185/96 (7) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(37)

Jenħtieġ li l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment appoġġjati mill-EFSD jaderixxu mal-politika tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għall-finijiet tat-taxxa, u aġġornamenti tagħha, kif stabbilit f’atti legali rilevanti tal-Unjoni u konklużjonijiet tal-Kunsill, b’mod partikolari l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2016 u l-Anness tagħhom,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dan ir-Regolament jipprevedi li l-Kummissjoni tikkonkludi, f’isem l-Unjoni, ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD mal-kontropartijiet eliġibbli kif definiti fl-Artikolu 11.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“pjattaformi ta’ investiment reġjonali” tfisser faċilitajiet ta’ taħlit f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u mal-Artikolu 40 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 (10) għall-kontribuzzjoni mill-11-il FEŻ flimkien mal-għoti tal-Garanzija tal-EFSD, kif stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament;

(2)

“tieqa ta’ investiment” tfisser żona fil-mira għal appoġġ mill-Garanzija tal-EFSD għal portafolli ta’ investimenti f’reġjuni, pajjiżi jew setturi speċifiċi u implimentati permezz tal-pjattaformi ta’ investiment reġjonali;

(3)

“kontributur” tfisser Stat Membru, istituzzjoni finanzjarja internazzjonali jew istituzzjoni pubblika ta’ Stat Membru, aġenzija pubblika jew entitajiet oħrajn li jikkontribwixxu f’għotjiet ta’ flus kontanti jew f’garanziji għall-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD;

(4)

“pajjiż sħab” tfisser pajjiż li huwa firmatarju għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE,pajjiż li huwa elenkat fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 232/2014, jew pajjiż li huwa eliġibbli għall-kooperazzjoni ġeografika skont ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(5)

“addizzjonalità” tfisser il-prinċipju li jiġi żgurat li l-appoġġ għall-Garanzija tal-EFSD jikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli permezz ta’ operazzjonijiet li ma setgħux jitwettqu mingħajr il-Garanzija tal-EFSD, jew li jiksbu riżultati pożittivi li jmorru lil hinn minn dak li seta’ jinkiseb mingħajr l-appoġġ. Addizzjonalità tfisser ukoll li jiġi attirat il-finanzjament mis-settur privat u jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment kif ukoll it-titjib tal-kwalità, is-sostenibilità, l-impatt jew l-iskala ta’ investiment. Il-prinċipju jiżgura wkoll li l-operazzjonijiet tal-Garanzija tal-EFSD ma jissostitwixxux l-appoġġ ta’ Stat Membru, il-finanzjament privat jew intervent finanzjarju ieħor mill-Unjoni jew internazzjonali, u jevitaw li jeskludu investimenti pubbliċi jew privati oħrajn. Il-proġetti appoġġjati mill-Garanzija tal-EFSD tipikament għandhom profil ta’ riskju ogħla mill-portafoll tal-investimenti appoġġjat mill-kontropartijiet eliġibbli fil-qafas tal-politiki ta’ investiment normali tagħhom mingħajr il-Garanzija tal-EFSD.

KAPITOLU II

FOND EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI

Artikolu 3

Għan

1.   L-għan tal-EFSD bħala pakkett finanzjarju integrat, li jforni kapaċità tal-finanzjament fil-forma ta’ għotjiet, garanziji u strumenti finanzjarji oħrajn lill-kontropartijiet eliġibbli, għandu jkun li jappoġġja l-investimenti u aċċess akbar għall-finanzjament, primarjament fl-Afrika u l-pajjiżi tal-viċinat Ewropew, sabiex iħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli u inklużiv u jippromovi r-reżiljenza soċjoekonomika tal-pajjiżi sħab, inklużi, meta jkun xieraq, fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Qafas Ġdid ta’ Sħubija mal-pajjiżi terzi fil-qafas tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, b’enfasi partikolari fuq it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, fuq il-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħu ż-żgħażagħ, u fuq is-setturi soċjoekonomiċi u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li jimmassimizza l-addizjonalità, irendi prodotti innovattivi u jattira l-fondi mis-settur privat.

2.   L-EFSD għandu jkun iggwidat mill-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE u tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif stabbiliti fl-Artikolu 208 tat-TFUE u mill-prinċipji maqbulin internazzjonalment dwar l-effettività tal-iżvilupp. L-EFSD għandu jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030, b’mod partikolari l-qerda tal-faqar, u, meta jkun xieraq, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea għall-Viċinat, sabiex b’hekk jindirizza l-kawżi soċjoekonomiċi speċifiċi tal-migrazzjoni u jrawwem riintegrazzjoni sostenibbli tal-migranti li jirritornaw fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, filwaqt li jsaħħaħ il-komunitajiet ta’ tranżitu u dawk ospitanti.

3.   L-EFSD għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi billi jidderieġi wkoll l-investimenti għas-setturi li jippromwovu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

4.   L-EFSD għandu jkun konsistenti mal-objettivi stabbiliti fl-istrumenti ta’ finanzjament estern stabbiliti permezz tar-Regolamenti (UE) Nru 232/2014, (UE) Nru 233/2014, u (UE) 2015/323 u mal-prijoritajiet li jinsabu fil-programmi nazzjonali jew reġjonali u fid-dokumenti ta’ strateġija, meta jkunu disponibbli.

Artikolu 4

Struttura tal-EFSD

1.   L-EFSD għandu jkun magħmul minn pjattaformi ta’ investiment reġjonali stabbiliti fuq il-bażi tal-metodi ta’ ħidma, il-proċeduri u l-istrutturi tal-faċilitajiet esterni ta’ taħlit eżistenti tal-Unjoni, li għandhom jikkombinaw l-operazzjonijiet ta’ taħlit tagħhom u l-operazzjonijiet ta’ Garanzija tal-EFSD.

2.   Il-ġestjoni tal-EFSD għandha tiġi żgurata mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BEI, appoġġjata mill-kontropartijiet eliġibbli l-oħra fir-rigward tal-ġestjoni operattiva tal-Garanzija tal-EFSD. Għal dak il-għan, għandu jiġi stabbilit grupp ta’ assistenza teknika dwar il-Garanzija tal-EFSD.

Artikolu 5

Il-bord strateġiku tal-EFSD

1.   Fil-ġestjoni tal-EFSD, il-Kummissjoni għandha tingħata pariri minn bord strateġiku.

2.   Il-bord strateġiku għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-orjentament strateġiku u l-prijoritajiet ta’ investimenti tal-Garanzija tal-EFSD u jikkontribwixxi għall-allinjament tagħhom mal-prinċipji gwida u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, il-politika tal-iżvilupp u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif ukoll mal-iskop tal-EFSD kif stabbilit fl-Artikolu 3. Hu għandu wkoll jappoġġja lill-Kummissjoni fl-iffissar tal-miri ta’ investiment globali fir-rigward tal-użu tal-Garanzija tal-EFSD u jimmonitorja kopertura ġeografika u tematika adegwata u diversifikata għat-twieqi ta’ investiment, filwaqt li jagħti attenzjoni speċjali lill-pajjiżi li jiġu identifikati li qed jesperjenzaw fraġilità jew kunflitt, l-LDCs u l-pajjiżi fqar b’dejn għoli.

3.   Il-bord strateġiku għandu jappoġġja wkoll il-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza ġenerali bejn il-pjattaformi ta’ investiment reġjonali, bejn it-tliet pilastri tal-PIE, bejn il-PIE u l-isforzi l-oħra tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, kif ukoll mal-istrumenti ta’ finanzjament estern u l-fondi fiduċjarji rilevanti tal-Unjoni, u mal-operazzjonijiet b’mandat ta’ self estern ġestiti mill-BEI, inklużi l-Inizjattiva ta’ Reżiljenza Ekonomika tal-BEI, u l-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP, mingħajr preġudizzju għar-regoli interni ta’ governanza tal-BEI.

4.   Il-bord strateġiku għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Istati Membri kollha u tal-BEI. Il-Parlament Ewropew għandu jkolli status ta’ osservatur. Il-kontributuri, il-kontropartijiet eliġibbli, il-pajjiżi sħab, l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti u partijiet ikkonċernati oħra, jistgħu jingħataw status ta’ osservaturi, meta jkun xieraq. Il-bord strateġiku għandu jiġi kkonsultat qabel l-inklużjoni ta’ kwalunkwe osservatur ġdid. Il-bord strateġiku għandu jkun kopresedut mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli.

5.   Il-bord strateġiku għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena u, meta jkun possibbli, jadotta opinjonijiet b’kunsens. Laqgħat addizzjonali jistgħu jiġu organizzati fi kwalunkwe ħin mill-president jew fuq it-talba ta’ terz tal-membri tiegħu. F’każ li ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens, għandhom japplikaw id-drittijiet tal-vot kif maqbula matul l-ewwel laqgħa tal-bord strateġiku u stipulati fir-regoli ta’ proċedura tiegħu. Dawk id-drittijiet tal-vot għandhom jieħdu kont dovut tas-sors tal-finanzjament. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jistabbilixxu qafas rigward ir-rwol tal-osservaturi. Il-minuti u l-aġendi tal-laqgħat tal-bord strateġiku għandhom, wara li jiġu adottati, ikunu pubbliċi.

6.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-bord strateġiku dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-EFSD. Il-bord strateġiku għandu jorganizza regolarment konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar l-orjentazzjoni strateġika u l-implimentazzjoni tal-EFSD.

7.   Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-EFSD, il-bord strateġiku għandu, mill-aktar fis possibbli, jadotta u jippubblika linji gwida li jistabbilixxu kif għandha tiġi żgurata l-konformità tal-operazzjonijiet tal-EFSD mal-objettivi u l-kriterji ta’ eliġibilità stabbiliti fl-Artikolu 9.

8.   Fil-gwida strateġika tiegħu, il-bord strateġiku għandu jqis ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-deċiżjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill li huma rilevanti.

Artikolu 6

Bordijiet operattivi reġjonali

Kull pjattaforma ta’ investiment reġjonali għandu jkollha bord operattiv. Il-bordijiet operattivi reġjonali għandhom jappoġġjaw lill-Kummissjoni, fil-livell ta’ implimentazzjoni, fl-istabbiliment tal-miri ta’ investiment reġjonali u settorjali, u tat-twieqi ta’ investiment reġjonali, settorjali u tematiċi u għandhom jifformulaw opinjonijiet dwar l-operazzjonijiet ta’ taħlit u dwar l-użu tal-Garanzija tal-EFSD.

KAPITOLU III

IL-GARANZIJA TAL-EFSD U L-FOND TA’ GARANZIJA TAL-EFSD

Artikolu 7

Il-Garanzija tal-EFSD

1.   L-Unjoni, wara kunsiderazzjoni bir-reqqa tal-vijabilità ta’ proġett, għandha tipprovdi garanzija irrevokabbli u mingħajr kundizzjonijiet fuq l-ewwel talba lill-kontroparti eliġibbli għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament.

2.   Il-Garanzija tal-EFSD għandha tappoġġja l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment fil-pajjiżi sħab fl-Afrika u fil-Viċinat Ewropew.

3.   Il-Garanzija tal-EFSD għandha tingħata bħala garanzija fuq l-ewwel talba fir-rigward tal-istrumenti msemmija fl-Artikolu 10 u f’konformità mal-kriterji tal-eliġibilità stabbiliti fl-Artikolu 9.

Artikolu 8

Rekwiżiti għall-użu tal-Garanzija tal-EFSD

1.   L-għoti tal-garanzija tal-EFSD għandu jkun soġġett għall-konklużjoni tal-ftehim rispettiv ta’ garanzija tal-EFSD bejn il-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-kontroparti eliġibbli.

2.   Il-perjodu ta’ investiment li matulu l-ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD li jappoġġjaw l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment jistgħu jiġu konklużi mal-kontropartijiet eliġibbli għandu jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2020.

3.   Il-perjodu massimu permess għall-kontropartijiet eliġibbli sabiex jikkonkludu ftehimiet mas-sħab ta’ kofinanzjament mis-settur privat, mal-intermedjarji finanzjarji jew mal-benefiċjarji finali għandu jkun ta’ erba’ snin wara l-konklużjoni tal-ftehim ta’ garanzija tal-EFSD rilevanti.

Artikolu 9

Kriterji ta’ eliġibilità għall-użu tal-Garanzija tal-EFSD

1.   L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment eliġibbli għal appoġġ permezz tal-Garanzija tal-EFSD f’konformità mal-għan tal-EFSD stipulat fl-Artikolu 3 għandhom ikunu konsistenti u allinjati mal-linji politiċi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-politika ta’ żvilupp tal-Unjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif ukoll mal-istrateġiji u l-linji politiċi tal-pajjiżi sħab. Tali operazzjonijiet għandhom iqisu appoġġ ieħor internazzjonali u tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-komplementarjetà ma’ inizjattivi oħra u għandhom jappoġġjaw l-objettivi li ġejjin:

(a)

li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjoni ekonomika, soċjali u ambjentali tiegħu, u għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u, meta jkun xieraq, għall-Politika Ewropea tal-Viċinat, b’enfasi partikolari fuq il-qerda tal-faqar, il-ħolqien ta’ impjiegi diċenti, opportunitajiet ekonomiċi, ħiliet u l-intraprenditorija, billi jippromwovu b’mod partikolari l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u taż-żgħażagħ, filwaqt li jsegwu u jsaħħu l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem;

(b)

li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni, inkluż, meta jkun xieraq, il-Qafas Ġdid ta’ Sħubija mal-pajjiżi terzi taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni;

(c)

li jikkontribwixxu, permezz tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, biex jindirizzaw il-kawżi speċifiċi fl-għeruq tal-migrazzjoni, inkluża l-migrazzjoni irregolari, kif ukoll irawmu r-reżiljenza tal-komunitajiet ta’ tranżitu u dawk ospitanti, u li jikkontribwixxu għar-riintegrazzjoni sostenibbli tal-migranti li jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, b’konsiderazzjoni dovuta lit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem;

(d)

li jsaħħu s-setturi u l-oqsma soċjoekonomiċi, u l-infrastruttura pubblika u privata relatata, inklużi l-enerġija rinovabbli u sostenibbli, l-ilma u l-ġestjoni tal-iskart, it-trasport, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, kif ukoll l-ambjent, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-agrikolatura sostenibbli u t-tkabbir blu, l-infrastruttura soċjali, is-saħħa, u l-kapital uman, sabiex itejbu l-ambjent soċjoekonomiku;

(e)

li jipprovdu finanzjament u appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat u tal-kooperattivi, b’enfasi partikolari fuq il-kumpaniji lokali u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju filwaqt li jindirizzaw il-fallimenti tas-suq, li jillimitaw id-distorsjonijiet tas-suq u jħeġġu l-kontribuzzjoni ta’ kumpaniji Ewropej għall-objettivi tal-EFSD;;

(f)

li jindirizzaw l-ostakoli għall-investimenti privati billi jipprovdu strumenti finanzjarji, li jistgħu jkunu denominati fil-valuta lokali tal-pajjiż sieħeb ikkonċernat, inklużi garanziji kontra l-ewwel telf għall-portafolli, garanziji għal proġetti fis-settur privat, bħal garanziji għal self għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u garanziji għal riskji speċifiċi għal proġetti ta’ infrastruttura u kapital ta’ riskju ieħor;

(g)

li jistimulaw il-finanzjament fis-settur privat, b’enfasi partikolari fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, billi jindirizzaw l-ostakoli għall-investiment;

(h)

li jikkontribwixxu għall-azzjoni fir-rigward tal-klima u l-protezzjoni u l-ġestjoni tal-ambjent, biex b’hekk jinħolqu kobenefiċċji klimatiċi, billi jallokaw mill-anqas 28 % tal-finanzjament għall-investimenti li jikkontribwixxu għall-azzjoni fir-rigward tal-klima, għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza fir-riżorsi.

2.   Il-Garanzija tal-EFSD għandha tappoġġja l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment li jindirizzaw il-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali u li:

(a)

jipprovdu addizzjonalità;

(b)

jiżguraw il-komplementarjetà ma’ inizjattivi oħra, filwaqt li jiżguraw li l-operazzjonijiet sostnuti mill-Garanzija tal-EFSD ikunu distinti b’mod ċar, b’mod partikolari mill-mandat għall-operazzjonijiet ta’ self estern ġestiti mill-BEI;

(c)

jiżguraw l-allinjament tal-interess billi jipprovdu kondiviżjoni adegwata tar-riskji mill-kontroparti eliġibbli rispettiva u minn sħab prospettivi oħrajn;

(d)

ikunu ekonomikament u finanzjarjament vijabbli, b’kont dovut tal-appoġġ possibbli u l-kofinanzjament mis-sħab pubbliċi u privati fil-proġett, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi operattivi u l-kapaċitajiet tal-pajjiżi identifikati bħala li għaddejjin minn fraġilità jew kunflitt, l-LDCs u l-pajjiżi fqar b’ħafna dejn, li jistgħu jingħataw termini aktar aġevoli;

(e)

ikunu teknikament vijabbli u sostenibbli minn perspettiva soċjali u ambjentali;

(f)

jimmassimizzaw, meta jkun possibbli, il-mobilizzazzjoni tal-kapital tas-settur privat;

(g)

jirrispettaw il-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp kif stabbilit fis-Sħubija ta’ Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp u affermata mill-ġdid f’Nairobi fl-2016, inklużi s-sjieda, l-allinjament, l-enfasi fuq ir-riżultati, it-trasparenza u r-responsabilità reċiproka, kif ukoll l-objettiv tan-nonkundizzjonalità tal-għajnuna;

(h)

ikunu maħsuba sabiex jissodisfaw il-kriterji tal-ODA stabbiliti mill-OECD-DAC, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-iżvilupp tas-settur privat; u

(i)

ikunu implimentati b’rispett sħiħ ta’ linji gwida, prinċipji u konvenzjonijiet, li hemm qbil dwarhom fuq livell internazzjonali, inklużi l-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli tan-NU, il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-Linji Gwida għall-Intrapriżi Multinazzjonali tal-OECD, il-Prinċipji għal Investiment Responsabbli fis-Sistemi Agrikoli u Alimentari tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU, u l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, kif ukoll id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

3.   L-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment jistgħu jinkludu, fuq bażi ta’ każ b’każ, finanzjament minn strumenti differenti tal-Unjoni sakemm ikun meħtieġ għas-suċċess tal-proġett ta’ investiment appoġġjat mill-EFSD u sakemm dan ma jwassalx għal finanzjament imnaqqas għal objettivi ta’ żvilupp oħra.

4.   Filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-parir ipprovdut mill-bord strateġiku, il-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-bordijiet operattivi u wara li tinforma lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tistabbilixxi twieqi ta’ investiment għal reġjuni speċifiċi, pajjiżi sħab speċifiċi, jew it-tnejn, għal setturi speċifiċi, jew għal proġetti speċifiċi, kategoriji speċifiċi ta’ benefiċjarji finali, jew it-tnejn, li jridu jiġu ffinanzjati mill-istrumenti msemmija fl-Artikolu 10, li għandhom ikunu koperti mill-Garanzija tal-EFSD sa ammont fiss. L-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandhom jispeċifikaw kif it-twieqi ta’ investiment huma allinjati mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3 u dan l-Artikolu u l-prijoritajiet dettaljati ta’ finanzjament tagħhom. Il-BEI għandu jipprovdi opinjoni bil-miktub dwar kwistjonijiet bankarji relatati ma’ kull proposta għal twieqi ta’ investiment. It-talbiet kollha għal appoġġ finanzjarju fi ħdan it-twieqi ta’ investiment għandhom isiru lill-Kummissjoni.

L-għażla ta’ twieqi ta’ investiment għandha tkun debitament ġustifikata b’analiżi tal-falliment tas-suq jew ta’ sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali. Tali analiżi għandha titwettaq mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-kontropartijiet u l-partijiet ikkonċernati potenzjalment eliġibbli.

Fi ħdan il-Pjattaforma ta’ Investiment għall-Afrika, sehem sinifikanti tal-Garanzija tal-EFSD għandu jiġi allokat lil pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti, pajjiżi mdawrin bl-art u l-LDCs.

5.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-operazzjonijiet appoġġjati mill-Garanzija tal-EFSD fid-dawl tal-kriterji ta’ eliġibilità stipulati fil-paragrafi 1 u 2, u meta jkun possibbli tibbaża ruħha fuq is-sistemi eżistenti għall-kejl tar-riżultati tal-kontropartijiet eliġibbli. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultat tal-valutazzjoni tagħha għal kull tieqa ta’ investiment fuq bażi annwali.

Artikolu 10

Strumenti eliġibbli għall-Garanzija tal-EFSD

1.   Il-Garanzija tal-EFSD għandha tintuża sabiex tkopri r-riskji għall-istrumenti li ġejjin:

(a)

self, inkluż self fil-valuta lokali;

(b)

garanziji;

(c)

kontrogaranziji;

(d)

strumenti tas-suq tal-kapital;

(e)

kwalunkwe forma oħra ta’ finanzjament jew titjib tal-kreditu, assigurazzjoni, u parteċipazzjonijiet f’ekwità jew kważi ekwità.

2.   Il-kontropartijiet eliġibbli jistgħu jipprovdu l-istrumenti elenkati fil-paragrafu l taħt tieqa ta’ investiment jew proġett individwali amministrat minn kontroparti eliġibbli. Huma jistgħu jiġu pprovduti għall-benefiċċju ta’ pajjiżi sħab, inkluż pajjiżi fraġli jew affettwati minn konflitt jew pajjiżi li qed jiffaċċjaw sfidi fir-rikostruzzjoni u l-irkupru wara konflitt, għall-benefiċċju ta’ dawk l-istituzzjonijiet tal-pajjiżi sħab, inklużi l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji lokali privati u nazzjonali pubbliċi tagħhom, kif ukoll għall-benefiċċju tal-entitajiet fis-settur privat ta’ dawk il-pajjiżi sħab. F’pajjiżi fraġli u affettwati minn konflitt, u f’pajjiżi oħra, fejn ikun ġustifikat, jista’ jingħata appoġġ lill-investimenti tas-settur pubbliku li jkollhom effetti rilevanti fuq l-iżvilupp tas-settur privat.

Artikolu 11

L-eliġibilità u l-għażla tal-kontropartijiet

1.   Għall-finijiet tal-Garanzija tal-EFSD, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom ikunu:

(a)

l-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment;

(b)

korpi irregolati bil-liġi pubblika;

(c)

organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom;

(d)

korpi irregolati bil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku, sakemm ikunu jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

(e)

korpi irregolati bil-liġi privata ta’ Stat Membru, li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati, permezz ta’ deroga mill-punt (vii) tal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012;

(f)

korpi irregolati bil-liġi privata ta’ pajjiż sieħeb, li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati, permezz ta’ deroga mill-punt (vii) tal-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

2.   Il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jikkonformaw mar-regoli u l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Fil-każ ta’ korpi irregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru jew pajjiż sieħeb, għandha tingħata preferenza lil dawk il-korpi li jiżvelaw informazzjoni relatata mal-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza korporattiva.

Il-Garanzija tal-EFSD għandha tiġi implimentata kull meta possibbli, taħt it-tmexxija ta’ kontroparti eliġibbli Ewropea, fuq il-linja tal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm użu effikaċi, effiċjenti u ekwu tar-riżorsi disponibbli fost il-kontropartijiet eliġibbli, filwaqt li tippromwovi l-kooperazzjoni bejniethom.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trattament ekwu għall-kontropartijiet eliġibbli kollha u għandha tiżgura li l-kunflitti ta’ interess jiġu evitati matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-EFSD. Sabiex tiżgura l-komplementarjetà, il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni rilevanti mill-kontropartijiet eliġibbli dwar l-operazzjonijiet tagħhom li mhumiex tal-EFSD.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħżel il-kontropartijiet eliġibbli skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

4.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jistiednu lill-kontropartijiet eliġibbli għal skambju ta’ fehmiet dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Il-kopertura u t-termini tal-ftehimiet tal-garanzija tal-EFSD

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-Garanzija tal-EFSD ma għandhiex, f’ebda ħin, taqbeż l-ammont ta’ EUR 1 500 000 000.

2.   L-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EFTA jistgħu jikkontribwixxu għall-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD fil-forma ta’ garanziji jew flus kontanti. Soġġetti għall-opinjoni tal-bord strateġiku u l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, kontributuri oħrajn jistgħu jikkontribwixxu fil-forma ta’ flus kontanti.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien dwar il-kontribuzzjonijiet ikkonfermati.

L-ammont tal-Garanzija tal-EFSD li jaqbeż l-ammont indikat fil-paragrafu 1 għandu jingħata f’isem l-Unjoni.

Il-pagamenti netti aggregati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni taħt il-Garanzija tal-EFSD ma għandhomx jaqbżu l-EUR 1 500 000 000. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, pagamenti għal sejħiet ta’ garanzija għandhom isiru, meta jkun meħtieġ, mill-Istati Membri kontributuri jew minn kontributuri oħrajn fuq bażi pari passu mal-Unjoni.

Għandu jiġi konkluż ftehim ta’ kontribuzzjoni bejn il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u l-kontributur, u għandu jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tal-pagamenti.

3.   Il-Garanzija tal-EFSD għandha ssir disponibbli biss meta tkun ġiet ikkonfermata kontribuzzjoni fi flus kontanti ta’ EUR 400 000 000 mill-11-il FEŻ għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

4.   Il-kontribuzzjonijiet magħmula mill-Istati Membri fil-forma ta’ garanzija jistgħu jintalbu biss għat-talbiet għal ħlasijiet ta’ garanzija wara li l-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, miżjud bi kwalunkwe kontribuzzjonijiet oħrajn fi flus kontanti, ikun intuża fuq it-talbiet għal ħlasijiet ta’ sejħiet ta’ garanzija.

Fuq talba tal-Istati Membri fil-bord strateġiku, il-kontribuzzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu assenjati għall-bidu ta’ proġetti f’reġjuni, pajjiżi, setturi speċifiċi jew twieqi ta’ investiment eżistenti.

Kwalunkwe kontribuzzjoni tista’ tintuża biex tkopri t-talbiet għall-ħlas ta’ garanzija, irrispettivament mill-assenjazzjoni.

5.   Għandhom jiġu allokati mill-inqas EUR 400 000 000 tal-kopertura tal-Garanzija tal-EFSD għal investimenti fil-pajjiżi sħab eliġibbli taħt il-11-il FEŻ matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Garanzija tal-EFSD, f’konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

6.   Mill-inqas EUR 100 000 000 tal-kopertura tal-Garanzija tal-EFSD għandhom jiġu allokati għal investimenti fil-pajjiżi sħab fil-viċinati tal-lvant u tan-nofsinhar, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 232/2014.

Artikolu 13

Implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD

1.   Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, għandha tikkonkludi ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD mal-kontropartijiet eliġibbli magħżula skont l-Artikolu 11 u l-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu fuq l-għoti tal-Garanzija tal-EFSD, li għandha tkun mingħajr kundizzjonijiet, irrevokabbli, fuq l-ewwel talba, u favur il-kontroparti eliġibbli magħżula.

2.   Għandhom jiġu konklużi ftehim ta’ garanzija tal-EFSD wieħed jew aktar għal kull tieqa ta’ investiment bejn il-Kummissjoni u l-kontroparti jew kontropartijiet eliġibbli magħżula. Sabiex jiġu indirizzati ħtiġijiet speċifiċi, il-Garanzija tal-EFSD tista’ tingħata għal operazzjonijiet ta’ finanzjament jew investiment individwali. Il-ftehimiet jistgħu jiġu konklużi ma’ konsorzju ta’ żewġ kontropartijiet eliġibbli jew aktar.

Il-ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD kollha għandhom, fuq talba, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li jittieħed kont tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.

3.   Il-ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar dawn li ġejjin:

(a)

regoli dettaljati dwar l-għoti tal-Garanzija tal-EFSD, inklużi l-arranġamenti tagħha dwar il-kopertura u l-kopertura definita tagħha ta’ portafolji u ta’ proġetti ta’ tipi speċifiċi ta’ strumenti, kif ukoll analiżi ta’ riskju tal-proġetti u l-portafolli tal-proġetti, inkluż fil-livelli settorjali, reġjonali u nazzjonali;

(b)

l-objettivi u l-għan ta’ dan ir-Regolament, valutazzjoni tal-ħtiġijiet u indikazzjoni tar-riżultati mistennija, b’kont meħud tal-promozzjoni tar-responsabilità soċjali korporattiva u tal-kondotta responsabbli tal-impriżi anke, b’mod partikolari permezz tar-rispett tal-linji gwida, il-prinċipji u l-istrumenti ġuridiċi kollha miftiehma fuq livell internazzjonali msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 9(2).

(c)

ir-rimunerazzjoni tal-garanzija, li għandha tirrifletti l-livell tar-riskju, u l-possibbiltà li r-rimunerazzjoni tkun parzjalment issussidjata sabiex jingħataw termini aktar aġevoli f’każijiet debitament ġustifikati, b’mod partikolari fil-pajjiżi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 9(2);

(d)

ir-rekwiżiti għall-użu tal-Garanzija tal-EFSD, inklużi l-kundizzjonijiet tal-pagamenti, bħat-termini ta’ żmien speċifiċi, l-imgħax li jrid jitħallas fuq l-ammonti dovuti, l-infiq u l-ispejjeż tal-irkupru u, possibbilment, l-arranġamenti meħtieġa b’rabta mal-likwidità;

(e)

il-proċeduri tat-talbiet, inklużi, iżda mhux limitat għal, avvenimenti skattaturi u perjodi ta’ stennija, u l-proċeduri li jirrigwardaw l-irkupru tal-pretensjonijiet;

(f)

l-obbligi ta’ monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni skont l-Artikoli 16 u 17.

(g)

proċeduri ta’ lmenti ċari aċċessibbli għal partijiet terzi li jistgħu jiġu affettwati mill-implimentazzjoni ta’ proġetti appoġġjati mill-Garanzija tal-EFSD.

4.   Il-Kummissjoni, meta tikkonkludi ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD mal-kontropartijiet eliġibbli, għandha tieħu kont dovut ta’:

(a)

il-parir u l-gwida tal-bordijiet strateġiċi u reġjonali, f’konformità mal-Artikoli 5 u 6;

(b)

l-objettivi tat-tieqa tal-investiment;

(c)

l-esperjenza u l-kapaċità operattiva, finanzjarja u ta’ ġestjoni tar-riskji tal-kontroparti eliġibbli;

(d)

l-ammont ta’ riżorsi proprji, kif ukoll ta’ kofinanzjament mis-settur privat, li l-kontroparti eliġibbli lesta timmobilizza għat-tieqa tal-investiment.

5.   Il-kontroparti eliġibbli għandha tapprova l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment skont ir-regoli u l-proċeduri tagħha stess u f’konformità mat-termini tal-ftehim ta’ garanzija tal-EFSD.

6.   Il-Garanzija tal-EFSD tista’ tkopri:

(a)

għall-istrumenti tad-dejn, il-kapital u l-imgħax kollu u l-ammonti dovuti lill-kontroparti eliġibbli magħżula, iżda li din ma tkunx irċeviet f’konformità mat-termini tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament wara li jkun seħħ avveniment ta’ inadempjenza;

(b)

għall-investimenti ta’ ekwità, l-ammonti investiti u l-ispejjeż ta’ finanzjament assoċjati magħhom;

(c)

għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment oħrajn imsemmija fl-Artikolu 9(2), l-ammonti użati u l-ispejjeż ta’ finanzjament assoċjati magħhom;

(d)

l-infiq u l-ispejjeż ta’ rkupru rilevanti kollha relatati ma’ avveniment ta’ inadempjenza, sakemm ma jkunux tnaqqsu mir-rikavati tal-irkupru.

7.   Il-ftehimiet tal-garanzija tal-EFSD għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-kopertura, ir-rekwiżiti, l-eliġibilità, il-kontropartijiet eliġibbli u l-proċeduri.

Artikolu 14

Il-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD

1.   Il-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD għandu jikkostitwixxi marġini ta’ likwidità li minnu għandhom jitħallsu l-kontropartijiet eliġibbli fil-każ ta’ talba għall-ħlas ta’ Garanzija tal-EFSD skont il-ftehim ta’ garanzija tal-EFSD rilevanti.

2.   Il-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD għandu jkun mogħni bi:

(a)

kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u sorsi oħrajn;

(b)

kontribuzzjonijiet volontarji mill-Istati Membri u minn kontributuri oħrajn;

(c)

redditi fuq ir-riżorsi investiti tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD;

(d)

ammonti rkuprati minn debituri inadempjenti f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ rkupru stabbiliti fil-ftehimiet tal-garanzija tal-EFSD;

(e)

dħul u kwalunkwe pagament ieħor li l-Unjoni tirċievi f’konformità mal-ftehimiet tal-garanzija tal-EFSD.

3.   Id-dħul tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD, kif previst fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandu jikkostitwixxi dħul assenjat intern f’konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

4.   Ir-riżorsi tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu ġestiti direttament mill-Kummissjoni u investiti f’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja soda li jsegwu regoli prudenzjali xierqa. Sat-30 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill evalwazzjoni esterna indipendenti tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għoti tal-ġestjoni finanzjarja tal-assi tal-fond ta’ garanzija għal azzjonijiet esterni kif stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (12) u tal-EFSD lill-Kummissjoni, lill-BEI, jew taħlita tat-tnejn, b’kont meħud tal-kriterji tekniċi u istituzzjonali rilevanti użati fit-tqabbil ta’ servizzi ta’ ġestjoni ta’ assi, inklużi l-infrastruttura teknika, it-tqabbil ta’ spejjeż għas-servizzi mogħtija, il-qafas istituzzjonali, ir-rappurtar, il-prestazzjoni, il-kontabilità u l-kompetenzi ta’ kull istituzzjoni u l-mandati tal-ġestjoni ta’ assi oħra għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-evalwazzjoni għandha tiġi akkumpanjata, meta jkun xieraq, minn proposta leġislattiva.

5.   Il-kontribuzzjonijiet għall-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD għandhom jintużaw biex jintlaħaq livell xieraq ta’ proviżjonament bil-għan li jkopri l-obbligi totali tal-Garanzija tal-EFSD. Ir-rata ta’ proviżjonament għandha tkun ta’ 50 % tal-obbligi totali tal-Garanzija tal-EFSD koperti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

6.   B’segwitu għal valutazzjoni tal-adegwatezza tal-livell tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD f’konformità mar-rapport previst skont l-Artikolu 16(3), għandhom isiru l-pagamenti li ġejjin:

(a)

mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe bilanċ pożittiv għandu jitħallas lill-baġit ġenerali tal-Unjoni;

(b)

kwalunkwe rikostituzzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD għandha titħallas f’somom annwali fuq perjodu massimu ta’ 3 snin li jibda mis-sena n+1.

7.   Mill-1 ta’ Jannar 2021, jekk, bħala riżultat tat-talbiet għall-ħlas tal-Garanzija tal-EFSD, il-livell ta’ riżorsi fil-Fond ta’ Garanzija jaqa’ taħt il-50 % tar-rata ta’ proviżjonament imsemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar:

(a)

il-kawża tan-nuqqas, bi spjegazzjonijiet dettaljati; u

(b)

meta jitqies li jkun neċessarju, kwalunkwe miżura eċċezzjonali li tista’ tkun meħtieġa sabiex talimenta l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD.

8.   Wara talba għall-ħlas tal-Garanzija tal-EFSD, il-kontribuzzjonijiet għall-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD previsti fil-punti (c), (d) u (e) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jeċċedu r-riżorsi meħtieġa sabiex tintlaħaq ir-rata ta’ proviżjonament fil-livell imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu jew kwalunkwe bilanċ pożittiv previst fil-punt (a) tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu għandhom l-ewwel jintużaw fil-limiti tal-perjodu massimu previst fl-Artikolu 8(3) sabiex il-Garanzija tal-EFSD terġa’ lura għall-ammont inizjali tagħha.

Artikolu 15

Finanzjament tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD mill-baġit ġenerali tal-Unjoni

Għandha tiġi pprovduta kontribuzzjoni ta’ EUR 350 000 000 mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

KAPITOLU IV

RAPPORTAR, KONTABILITÀ U EVALWAZZJONI

Artikolu 16

Rapportar u kontabilità

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperta mill-Garanzija tal-EFSD. Dak ir-rapport għandu jsir pubbliku. Huwa għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

valutazzjoni tar-riżultati li jikkontribwixxu għall-għanijiet u l-miri tal-EFSD kif stipulati fl-Artikolu 3 u l-Artikolu 9(1) u (2), rispettivament;

(b)

valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment fil-livell operattiv u koperti mill-Garanzija tal-EFSD fil-livelli settorjali, nazzjonali u reġjonali u l-konformità tagħhom ma’ dan ir-Regolament, inklużi l-miżuri ta’ riskju u l-impatt tagħhom fuq l-istabilità finanzjarja u ekonomika tas-sħab;

(c)

valutazzjoni, fuq il-bażi ta’ indikaturi f’konformità mal-Artikolu 9(5), tal-addizzjonalità u tal-valur miżjud, il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tas-settur privat, il-prestazzjonijiet stmati u reali u r-riżultati u l-impatt tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti mill-Garanzija tal-EFSD fuq bażi aggregata, inkluż l-impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi diċenti, il-qerda tal-faqar u fuq il-mod li bih jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni, inkluża l-migrazzjoni irregolari; dik il-valutazzjoni għandha tinkludi analiżi tal-ġeneru tal-operazzjonijiet koperti bbażata fuq evidenza u data mqassma skont is-sess, fejn ikun possibbli;

(d)

valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-użu tal-Garanzija tal-EFSD u tal-kisba tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti għal kull proposta sottomessa;

(e)

valutazzjoni tal-effett ta’ lieva miksub mill-operazzjonijiet koperti mill-Garanzija tal-EFSD;

(f)

l-ammont finanzjarju ttrasferit lill-benefiċjarji u valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment minn kull kontroparti eliġibbli fuq bażi aggregata;

(g)

valutazzjoni tal-addizzjonalità u tal-valur miżjud tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tal-kontropartijiet eliġibbli, u tar-riskju aggregat assoċjat ma’ dawk l-operazzjonijiet;

(h)

informazzjoni dettaljata dwar is-sejħiet għall-ħlas tal-Garanzija tal-EFSD, it-telf, il-qligħ, l-ammonti rkuprati u kwalunkwe pagamenti oħrajn riċevuti, kif ukoll l-espożizzjoni ġenerali għar-riskji;

(i)

ir-rapporti finanzjarji dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tal-kontropartijiet eliġibbli koperti minn dan ir-Regolament u vverifikati minn awditur estern indipendenti;

(j)

valutazzjoni tas-sinerġiji u l-komplementarjetà bejn l-operazzjonijiet koperti mill-Garanzija tal-EFSD u t-tieni u t-tielet pilastri tal-PIE ibbażati fuq rapporti eżistenti relevanti, b’kont meħud, b’mod partikolari, tal-progress li jkun sar fil-qasam tal-governanza tajba, inklużi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-flussi finanzjarji illeċiti, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tal-politiki bl-aspett tal-ġeneru, kif ukoll tat-tisħiħ tal-intraprenditorija, tal-ambjent tan-negozju lokali u tas-swieq finanzjarji lokali;

(k)

valutazzjoni tal-konformità tal-operazzjonijiet ta’ Garanzija tal-EFSD mal-prinċipji ta’ effettività tal-iżvilupp miftiehma fuq livell internazzjonali.

(l)

valutazzjoni tar-remunerazzjoni tal-garanziji u tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 22.

2.   Għall-finijiet tal-kontabilità tal-Kummissjoni, tar-rapportar tagħha dwar ir-riskji koperti mill-Garanzija tal-EFSD u tal-ġestjoni minnha tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD, il-kontropartijiet eliġibbli li magħhom ġie konkluż ftehim ta’ garanzija tal-EFSD għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri kull sena bir-rapporti finanzjarji dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament u vverifikati minn awditur estern indipendenti, li jkun fihom, inter alia, informazzjoni dwar:

(a)

il-valutazzjoni tar-riskji tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tal-kontropartijiet eliġibbli, inkluża informazzjoni dwar obbligazzjonijiet tal-Unjoni mkejla f’konformità mar-regoli tal-kontabilità tal-Unjoni stabbiliti mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni abbażi tal-istandards ta’ kontabilità aċċettati fuq livell internazzjonali għas-settur pubbliku;

(b)

l-obbligu finanzjarju pendenti għall-Unjoni, li jirriżulta mill-Garanzija tal-EFSD ipprovduta lill-kontropartijiet eliġibbli u l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tagħhom, diżaggregati skont operazzjonijiet individwali;

Jekk jintalbu, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom, jipprovdu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa sabiex jissodisfaw l-obbligi tal-Kummissjoni b’rabta ma’ dan ir-Regolament.

3.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri, fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Kummissjoni, l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sitwazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD. Barra minn hekk, sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, hija għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri rapport dwar il-ġestjoni tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD matul is-sena kalendarja preċedenti, inkluża valutazzjoni tal-adegwatezza tal-proviżjonament u l-livell tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD u tal-ħtieġa għar-rikostituzzjoni tiegħu.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun fih preżentazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti, il-flussi finanzjarji matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ukoll it-tranżazzjonijiet sinifikanti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-kontijiet finanzjarji. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja, il-prestazzjoni u r-riskju tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 17

Evalwazzjoni u reviżjoni

1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2019, l-Kummissjoni għandha tevalwa l-funzjonament tal-EFSD, il-ġestjoni tiegħu u l-kontribut effettiv tiegħu għall-iskop u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha, li jkun fih evalwazzjoni indipendenti esterna tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, flimkien ma’ proposta motivata biex dan ir-Regolament jiġi emendat, kif xieraq, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi estiż il-perjodu ta’ investiment inizjali msemmi fl-Artikolu 8(2). Dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jkun akkumpanjat minn opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2019 u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-użu u l-funzjonament tal-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD. Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jkun akkumpanjat minn opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 18

Trasparenza, komunikazzjoni, u divulgazzjoni ta’ informazzjoni lill-pubbliku

1.   F’konformità mal-linji politiċi tagħhom dwar it-trasparenza u r-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom, proattivament u sistematikament, jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom informazzjoni relatata mal-operazzjonijiet kollha ta’ finanzjament u investiment koperti mill-Garanzija tal-EFSD skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-mod li bih dawk l-operazzjonijiet jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi u r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Meta jkun possibbli, tali informazzjoni għandha titqassam fil-livell tal-proġett. Tali informazzjoni għandha dejjem tqis il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-portal web tagħha informazzjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment u l-elementi essenzjali tal-ftehimiet ta’ garanzija tal-EFSD kollha, inkluża informazzjoni dwar l-identità ġuridika tal-kontropartijiet eliġibbli, il-benefiċċji tal-iżvilupp mistennija u l-proċeduri ta’ lmenti f’konformità mal-punt (g) tal-Artikolu 13(3), filwaqt li titqies il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.

3.   Il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jippubbliċizzaw appoġġ tal-Unjoni fl-informazzjoni kollha li jippubblikaw dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti mill-Garanzija tal-EFSD f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

4.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament ipprovduti mill-EFSD fil-komunikazzjoni tagħhom immirata lejn is-soċjetà ċivili u l-pubbliku inġenerali.

Artikolu 19

Mekkaniżmu ta’ proċċessar ta’ lmenti u rimedju

Fid-dawl tal-possibilità ta’ ilmenti ta’ terzi persuni f’pajjiżi sħab, inkluż ta’ komunitajiet u individwi effettwati minn proġetti appoġġjati mill-Garanzija EFSD, il-Kummissjoni u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom referenzi diretti għall-mekkaniżmi ta’ lment tal-kontropartijiet rilevanti li kkonkludew ftehimiet mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha wkoll tipprovdi l-possibilità li tirċievi direttament l-ilmenti relatati mal-ipproċċessar ta’ ilmenti mill-kontropartijiet eliġibbli. Il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni dik l-informazzjoni fid-dawl ta’ kooperazzjoni futura ma’ dawk il-kontropartijiet.

Artikolu 20

Awditjar mill-Qorti tal-Awdituri

1.   L-awditjar estern tal-attivitajiet imwettqa f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jitwettaq mill-Qorti tal-Awdituri f’konformità mal-Artikolu 287 TFUE u għalhekk dawk l-attivitajiet huma soġġetti għall-proċedura ta’ kwittanza f’konformità mal-Artikolu 319 tat-TFUE.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Qorti tal-Awdituri għandha, fuq talba tagħha u f’konformità mal-Artikolu 287(3) tat-TFUE, tingħata aċċess għal kwalunkwe dokument jew informazzjoni li tkun teħtieġ biex twettaq il-kompiti ta’ awditjar tagħha.

Artikolu 21

Miżuri kontra l-frodi

1.   Il-Kummissjoni jew il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-OLAF meta, fi kwalunkwe stadju tat-tħejjija, tal-implimentazzjoni jew tal-għeluq tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament, ikollhom raġunijiet għala jissuspettaw li hemm frodi, korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew kwalunkwe attività illegali oħra li tista’ taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-Kummissjoni jew il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jipprovdu lill-OLAF bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jwettaq investigazzjoni sħiħa u bir-reqqa.

2.   L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 883/2013, (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (KE, Euratom) Nru 2988/95 sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ kwalunkwe operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment koperti minn dan ir-Regolament. L-OLAF jista’ jibgħat kwalunkwe informazzjoni miksuba matul il-kors tal-investigazzjonijiet tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

Fejn tali attivitajiet illegali jiġu pprovati, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jagħmlu sforzi ta’ rkupru fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tagħhom koperti minn dan ir-Regolament li huma kkonċernati minn tali attivitajiet, u għandhom jipprovdu ukoll l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni possibbli lill-awtoritajiet rilevanti.

Artikolu 22

Attivitajiet esklużi u ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx

1.   Fl-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tagħhom, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jikkonformaw mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u l-istandards li hemm qbil fuqhom fuq livell internazzjonali u tal-Unjoni u, għalhekk, m’għandhomx jappoġġjaw proġetti taħt dan ir-Regolament li jikkontribwixxu għall-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa.

Barra minn hekk, il-kontropartijiet eliġibbli m’għandhomx jidħlu f’operazzjonijiet ġodda jew imġedda ma’ entitajiet inkorporati jew stabbiliti f’ġurisdizzjonijiet elenkati fil-politika rilevanti tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, jew li huma identifikati bħala pajjiżi terzi b’riskju kbir fis-sens tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), jew li mhumiex effettivament konformi mal-istandards tat-taxxa li hemm qbil dwarhom fuq livell tal-Unjoni jew internazzjonali dwar it-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni. Il-kontropartijiet eliġibbli jistgħu jidderogaw minn dan il-prinċipju biss jekk il-proġett jiġi fiżikament implimentat f’wieħed minn dawn il-ġurisdizzjonijiet, u ma jkunx hemm indikazzjonijiet li l-operazzjoni taqa’ taħt kwalunkwe waħda mill-kategoriji elenkati fl-ewwel subparagrafu ta’ ‘dan il-paragrafu.

Meta jikkonkludu ftehimiet ma’ intermedjarji finanzjarji, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jittrasponu r-rekwiżiti msemmija f’dan l-Artikolu fil-ftehimiet rilevanti u għandhom jitolbu l-intermedjarji finanzjarji jirrapportaw fuq l-osservanza tagħhom.

2.   Fl-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment tagħha, il-kontroparti eliġibbli għandha tapplika l-prinċipji u l-istandards stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u, b’mod partikolari, fir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u fid-Direttiva (UE) 2015/849. Il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jagħmlu kemm il-finanzjament dirett kif ukoll il-finanzjament permezz ta’ intermedjarji skont dan ir-Regolament kontinġenti fuq id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja f’konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849 u jippubblikaw data ta’ rapportar pajjiż pajjiż f’konformità mal-Artikolu 89(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

KAPITOLU VI

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2017 … (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2017.

(2)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(4)  Il-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-ftehim ta’ sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli ghall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp għall-perjodu 2014–2020 (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).