14.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 236/14


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1542

tat-8 ta' Ġunju 2017

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/35 dwar il-kalkolu ta' rekwiżiti kapitali regolatorji għal diversi kategoriji ta' assi miżmuma mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (korporattivi tal-infrastruttura)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 50(1)(a) u 111(1)(b), (c) u (m) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa jiffoka fuq it-tneħħija tal-ostakli għall-investiment, l-għoti ta' aktar viżibbiltà u assistenza teknika għal proġetti ta' investiment u użu iktar intelliġenti ta' riżorsi finanzjarji ġodda u eżistenti. B'mod partikolari, it-tielet pilastru tal-Pjan ta' Investiment huwa bbażat fuq it-tneħħija ta' ostakli għall-investiment u fuq il-forniment ta' iktar prevedibbiltà regolatorja sabiex l-Ewropa tibqa' attraenti għall-investimenti.

(2)

Wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali huwa li timmobilizza l-kapital fl-Ewropa u twasslu għal, fost oħrajn, proġetti ta' infrastruttura li jeħtiġuha li tespandi u toħloq l-impjiegi. Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, b'mod partikolari l-assiguraturi tal-ħajja, huma fost l-ikbar investituri istituzzjonali fl-Ewropa, bl-abilità li jipprovdu ekwità kif ukoll finanzjament tad-dejn għal infrastuttura fuq terminu twil.

(3)

Fit-2 ta' April 2016, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/467 (2), li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (3), daħal fis-seħħ filwaqt li ħoloq klassi tal-assi distinta għal proġetti tal-infrastruttura għall-għan ta' kalibrar tar-riskju.

(4)

Il-Kummissjoni talbet u rċeviet iktar pariri tekniċi mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) fir-rigward tal-kriterji u l-kalibrar ta' klassi ġdida ta' assi għall-korporattivi tal-infrastruttura. Dawn il-pariri tekniċi rrakkomandaw ukoll xi bidliet għall-kriterji għal investimenti ta' proġetti tal-infrastruttura kwalifikanti kif introdotti mir-Regolament Delegat (UE) 2016/467.

(5)

Sabiex tkopri sitwazzjonijiet ta' finanzjament ta' proġetti strutturati li jinvolvu entitajiet legali ta' grupp korporattiv, id-definizzjoni ta' entità ta' proġett tal-infrastruttura jeħtieġ li tiġi sostitwita u estiża biex tkopri kemm entitajiet individwali kif ukoll gruppi korporattivi. Biex jiġu koperti entitajiet li jaqilgħu porzjon sostanzjali tad-dħul tagħhom permezz tal-attivitajiet infrastrutturali, il-kliem tal-kriterji tad-dħul jeħtieġu jiġu emendati. Biex jiġu vvalutati s-sorsi tad-dħul ta' entità infrastrutturali jeħtieġ li tintuża l-iktar sena finanzjarja riċenti meta din tkun disponibbli jew permezz ta' proposta għal finanzjament bħal prospett ta' bonds jew projezzjonijiet finanzjarji f'applikazzjoni għal self. Id-definizzjoni tal-assi infrastrutturali tinkludi assi fiżiċi biex entitajiet infrastrutturali rilevanti jkunu jistgħu jikkwalifikaw.

(6)

Biex tiġi evitata esklużjoni totali ta' entitajiet infrastrutturali li ma jistgħux jipprovdu sigurtà lill-mutwanti fuq l-assi kollha minħabba raġunijiet legali jew ta' sjieda, jeħtieġ li jinqabdu mekkaniżmi li jippermettu arranġamenti oħra ta' sigurtà favur il-fornituri tad-dejn.

(7)

Filwaqt li jitqiesu sitwazzjonijiet fejn l-għotja qabel l-inadempjenza tista' ma tkunx permessa taħt il-liġi nazzjonali, ir-rekwiżit li l-ekwità tiġi mogħtija lill-fornituri tad-dejn jeħtieġ li jiġi inkluż f'arranġamenti oħra ta' sigurtà.

(8)

Meta l-kunsens mill-fornituri tad-dejn eżistenti huwa impliċitu f'termini tad-dokument rilevanti bħal-limitu massimu tad-dejn, jeħtieġ li jiġi permess iktar ħruġ ta' dejn minn entità infrastrutturali eżistenti jew grupp korporattiv għal investimenti infrastrutturali kwalifikanti.

(9)

Kalibrar fir-Regolament Delegat (UE) 2015/35 jeħtieġ li jkun proporzjonali mar-riskju involut.

(10)

Abbażi tal-pariri tekniċi tal-EIOPA biex jiġi emendat it-trattament eżistenti ta' investimenti fi proġetti infrastrutturali kwalifikanti d-dispożizzjonijiet eżistenti għal proġetti infrastrutturali jeħtieġ li jiġu emendati.

(11)

Il-pariri tekniċi tal-EIOPA kif ukoll l-evidenza komplementari jikkonfermaw li l-investimenti korporattivi infrastrutturali kwalifikanti jistgħu jkunu iktar siguri minn investimenti mhux infrastrutturali. Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/35 jeħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi l-kalibrar tar-riskju l-ġdid għal investiment ta' dejn f'korporattivi infrastrutturali kwalifikanti biex jiddistingwi dawn l-investimenti minn investimenti mhux infrastrutturali.

(12)

Jeħtieġ li definizzjonijiet xierqa u kriterji kwalifikanti jiżguraw imġiba tal-investiment prudenti minn impriżi tal-assigurazzjoni. Dawn id-definizzjonijiet u l-kriterji jeħtieġu jiżguraw li l-investimenti l-iktar siguri biss jibbenefikaw minn kalibrar iktar baxx.

(13)

Id-diversifikazzjoni tad-dħul mhux dejjem tkun possibbli għal entitajiet infrastrutturali li jipprovdu assi jew servizzi infrastrutturali prinċipali lil negozji infrastrutturali oħrajn. Jeħtieġ li f'sitwazzjonijiet bħal dawn kuntratti take-or-pay jiġu permessi fil-valutazzjoni tal-prevedibbiltà tad-dħul.

(14)

L-istress testing bħala parti mill-ġestjoni tar-riskju tal-investiment jeħtieġ li jqis riskji li jirriżultaw minn attivitajiet mhux infrastrutturali. Madankollu, sabiex issir valutazzjoni prudenti tar-riskju tal-investiment id-dħul ġenerat minn attivitajiet bħal dawn jeħtieġ li ma jitqiesx meta jiġi determinat jekk l-obbligi finanzjarji ntlaħqux.

(15)

Wara l-introduzzjoni ta' sejħiet tal-assi korporattivi infrastrutturali kwalifikanti, dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35 jeħtieġ li jiġu allinjati skont dan, bħall-formula għar-rekwiżit kapitali tas-solvibbiltà u r-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta li huma essenzjali għal deċiżjonijiet ta' investiment prudenti minn kumpaniji tal-assigurazzjoni.

(16)

Għalhekk ir-Regolament Delegat (UE) 2015/35 jeħtieġ li jiġi emendat kif skont dan.

(17)

Biex jiġu permessi investimenti immedjati f'din il-klassi ta' assi infrastrutturali fuq terminu twil, huwa importanti li jiġi żgurat li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun, fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/35 qed jiġi emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-punti 55a u 55b jinbidlu b'dan li ġej:

“55a.

“assi ta' infrastruttura” tfisser assi, strutturi jew faċilitajiet fiżiċi, sistemi u netwerks li jipprovdu jew li jappoġġaw servizzi pubbliċi essenzjali;

55b.

“entità infrastrutturali” tfisser entità jew grupp li, matul l-iktar sena finanzjarja riċenti ta' din l-entità jew grupp li għalihom jinsabu disponibbli ċifri jew fi proposta finanzjarja, jieħdu l-maġġoranza sostanzjali tad-dħul tagħhom mis-sjieda, finanzjament, żvilupp jew operat ta' assi infrastrutturali;”;

(2)

fl-Artikolu 164a, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, investiment infrastrutturali kwalifikanti għandu jinkludi investiment f'entità infrastrutturali li tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

il-flussi tal-flus ġenerati mill-assi infrastrutturali jippermettu li l-obbligi finanzjarji kollha jintlaħqu taħt stress sostnut li huwa rilevanti għar-riskji tal-proġett;

(b)

il-flussi tal-flus li entità infrastrutturali tiġġenera għall-fornituri tad-dejn u għall-investituri azzjonarji huma prevedibbli;

(c)

l-assi ta' infrastruttura u l-entità infrastrutturali huma rregolati minn qafas regolatorju jew kuntrattwali li jagħti lill-fornituri tad-dejn u lill-investituri azzjonarji grad għoli ta' protezzjoni li jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

Il-qafas kuntrattwali għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jipproteġu b'mod effettiv il-fornituri tad-dejn u l-investituri tal-ekwità kontra telf li jirriżulta minn terminazzjoni tal-proġett minn parti li taqbel li tixtri l-oġġetti jew is-servizzi provduti mill-proġett infrastrutturali, sakemm ma tintlaħaqx waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

id-dħul tal-entità infrastrutturali huwa finanzjat minn pagamenti minn għadd kbir ta' utenti; jew

(ii)

id-dħul ikun suġġett għal regolament tar-rata tar-redditu;

(b)

l-entità infrastrutturali jkollha biżżejjed fondi ta' riżerva jew arranġamenti finanzjarji oħra sabiex tkopri l-finanzjament ta' kontinġenza u r-rekwiżiti ta' kapital ta' ħidma tal-proġett;

Meta l-investimenti jkunu f'bonds jew self, dan il-qafas kuntrattwali għandu jinkludi wkoll dawn li ġejjin:

(i)

il-fornituri tad-dejn ikollhom sigurtà jew benefiċċju tas-sigurtà sa fejn tippermetti l-liġi applikabbli għall-assi u l-kuntratti kollha li huma kritiċi sabiex jitħaddem il-proġett;

(ii)

l-użu ta' flussi ta' flus operatorji netti wara l-pagamenti obbligatorji għall-proġett għal skopijiet li mhumiex l-obbligi għall-ħlas tad-dejn huwa ristrett;

(iii)

restrizzjonijiet fuq attivitajiet li jistgħu jkunu ta' detriment lil fornituri tad-dejn, inkluż dejn ġdid li ma jistax jinħareġ mingħajr il-kunsens ta' fornituri tad-dejn eżistenti fl-għamla maqbula magħhom, sakemm ma jiġix permess ħruġ ta' dejn ġdid taħt id-dokumentazzjoni għal dejn eżistenti;

Minkejja l-punt (i) tat-tieni subparagrafu, għal investimenti f'bonds jew self, meta impriżi jistgħu juru li s-sigurtà fl-assi u l-kuntratti kollha mhijiex essenzjali għall-fornituri tad-dejn biex jipproteġu jew jirkupraw b'mod effettiv l-maġġoranza vasta tal-investiment tagħhom, jistgħu jintużaw mekkaniżmi ta' sigurtà oħra. F'dan il-każ, il-mekkaniżmi ta' sigurtà l-oħra għandhom jinkludu tal-inqas wieħed milli ġejjin:

(i)

garanzija ta' ishma;

(ii)

drittijiet ta' involviment;

(iii)

rahan fuq kontijiet bankarji;

(iv)

kontroll fuq il-flussi tal-flus;

(v)

dispożizzjonijiet għall-għotja ta' kuntratt;

(d)

meta l-investimenti jkunu f'bonds jew self, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tista' turi lis-sorveljanti li hija kapaċi żżomm l-investiment sal-maturità tiegħu;

(e)

meta l-investimenti jkunu f'bonds jew self li għalihom ma jkunx hemm disponibbli valuttazzjoni tal-kreditu minn ECAI nominata, l-istrument tal-investiment u strumenti oħra pari passu jkollhom prijorità fuq kull pretensjoni oħra għajr il-pretensjonijiet statutorji u pretensjonijiet minn fornituri tal-faċilitajiet ta' likwidità, fiduċjarji u kontropartijiet tad-derivattivi;

(f)

meta l-investimenti jkunu f'ekwitajiet jew f'bonds jew f'self li għalihom valutazzjoni tal-kreditu minn ECAI nominata ma tkunx disponibbli, jintlaħqu l-kriterji li ġejjin:

(i)

l-assi ta' infrastruttura u l-entità infrastrutturali jkunu fiż-ŻEE jew fl-OECD;

(ii)

meta l-proġett infrastrutturali tkun fil-fażi tal-kostruzzjoni, il-kriterji li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati minn investitur azzjonarju, jew meta jkun hemm aktar minn investitur azzjonarju wieħed, il-kriterji li ġejjin għandhom jintlaħqu mill-grupp kollu tal-investituri azzjonarji;

l-investituri azzjonarji għandhom storja ta' suċċess marbuta mal-iskrutinju ta' proġetti infrastrutturali u mal-għarfien espert rilevanti;

l-investituri azzjonarji għandhom riskju baxx ta' inadempjenza, jew hemm riskju baxx ta' telf materjali għall-entità infrastrutturali b'riżultat tal-inadempjenza tagħha;

l-investituri azzjonarji huma inċentivati biex jipproteġu l-interessi tal-investituri;

(iii)

meta jkun riskji ta' kostruzzjoni, salvagwardji biex tkun żgurata t-tlestija tal-proġett skont l-ispeċifikazzjoni, il-baġit jew id-data tat-tlestija miftiehma;

(iv)

meta r-riskji operatorji fejn huma materjali, jkunu ġestiti kif suppost;

(v)

l-entità infrastrutturali tuża teknoloġija u disinn ittestjati;

(vi)

l-istruttura kapitali tal-entità infrastrutturali tippermettilha li tirrispetta l-obbligi tad-dejn tagħha;

(vii)

ir-riskju ta' rifinanzjament għall-entità infrastrutturali huwa baxx;

(viii)

l-entità infrastrutturali tuża d-derivattivi għal skopijiet ta' mitigazzjoni tar-riskju biss.”;

(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 164b li ġej:

“l-Artikolu 164b

Investimenti korporattivi infrastrutturali kwalifikanti

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, investiment korporattiv infrastrutturali kwalifikanti għandu jinkludi investiment f'entità infrastrutturali li tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(1)

Il-maġġoranza sostanzjali tad-dħul tal-entità infrastrutturali tiġi mis-sjieda, il-finanzjament, l-iżvilupp jew l-operat tal-assi infrastrutturali misjuba fiż-ŻEE jew fl-OECD;

(2)

Id-dħul ġenerat mill-assi tal-infrastruttura jissodisfa wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 164a(2)(a);

(3)

Meta d-dħul tal-entità infrastrutturali ma jkunx iffinanzjat mill-pagamenti ta' għadd kbir ta' utenti, il-parti li taqbel li tixtri l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti mill-entità infrastrutturali għandha tkun waħda mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 164a(2)(b);

(4)

Id-dħul għandu jiġi diversifikat f'termini ta' attivitajiet, post, jew pagaturi, sakemm id-dħul ma jkunx suġġett għal regolament rata tar-redditu skont l-Artikolu 164a(1)(c)(a)(ii) jew kuntratt take-or-pay jew id-dħul ikun ibbażat fuq id-disponibbiltà;

(5)

Meta l-investimenti jkunu f'bonds jew self, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tista' turi lis-sorveljanti li hija kapaċi żżomm l-investiment sal-maturità tiegħu;

(6)

Meta ma tkun disponibbli l-ebda valutazzjoni tal-kreditu minn ECAI nominata għall-entità infrastrutturali:

(a)

l-istruttura kapitali tal-korporattiv infrastrutturali għandha tippermettilu li jagħmel servizz tad-dejn kollu tiegħu taħt suppożizzjonijiet konservattivi bbażati fuq analiżi tal-proporzjonijiet finanzjarji rilevanti;

(b)

l-entità infrastrutturali għandha tkun ilha attiva għal tal-inqas tliet snin, jew, fil-każ ta' negozju akkwistat, għandu jkun ilu jopera għal mill-inqas tliet snin;

(7)

Meta tkun disponibbli valutazzjoni tal-kreditu minn ECAI nominata għall-entità infrastrutturali, din il-valutazzjoni tal-kreditu jkollha skala tal-kwalità kreditizja bejn 0 u 3.”

(4)

L-Artikolu 168 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Is-submodulu tar-riskju tal-ekwità msemmi fil-punt (b) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 105(5) tad-Direttiva 2009/138/KE għandu jinkludi submodulu tar-riskju għall-ekwitajiet tat-tip 1, submodulu tar-riskju għall-ekwitajiet tat-tip 2, submodulu tar-riskju għall-ekwitajiet tal-infrastruttura kwalifikanti u submodulu tar-riskju għall-ekwitajiet korporattivi tal-infrastruttura kwalifikanti.”;

(b)

għandu jiddaħħal il-paragrafu 3b li ġej:

“3b.   L-ekwitajiet korporattivi tal-infrastruttura kwalifikanti għandhom jinkludu investimenti ta' ekwità f'entitajiet infrastrutturali li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 164b.”;

(c)

il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Ir-rekwiżit kapitali għar-riskju ta' ekwità jiġi kkalkulat kif ġej:

Formula

fejn:

(a)

SCRequ1 jiddenota r-rekwiżit ta' kapital għal ekwitajiet tat-tip 1;

(b)

SCRequ2 jiddenota r-rekwiżit ta' kapital għal ekwitajiet tat-tip 2;

(c)

SCRquinf jiddenota r-rekwiżit ta' kapital għall-ekwitajiet infrastrutturali kwalifikanti;

(d)

SCRquinfc jiddenota r-rekwiżit ta' kapital għall-ekwitajiet korporattivi infrastrutturali kwalifikanti.”;

(d)

il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (a) u (b) jinbidlu b'dan li ġej:

“(a)

l-ekwitajiet, ħlief l-ekwitajiet tal-infrastruttura li jikkwalifikaw jew ekwitajiet korporattivi tal-infrastruttura kwalifikanti, miżmumin fl-impriżi ta' investiment kollettiv li huma fondi intraprenditorjali soċjali li jikkwalifikaw kif imsemmi fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) meta l-approċċ ta' trasparenza stipulat fl-Artikolu 84 ta' dan ir-Regolament, ikun possibbli għall-esponimenti kollha fl-impriża ta' investiment kollettiv, jew unitajiet jew ishma ta' dawk il-fondi meta l-approċċ ta' trasparenza ma jkunx possibbli għall-iskoperturi kollha fl-impriża ta' investiment kollettiv;

(b)

l-ekwitajiet, ħlief l-ekwitajiet tal-infrastruttura li jikkwalifikaw jew ekwitajiet korporattivi tal-infrastruttura kwalifikanti, miżmumin fl-impriżi ta' investiment kollettiv li huma fondi intraprenditorjali soċjali li jikkwalifikaw fondi kapitali ta' riskju kif imsemmi fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) meta l-approċċ ta' trasparenza stipulat fl-Artikolu 84 ta' dan ir-Regolament, ikun possibbli għall-iskoperturi kollha fl-impriża ta' investiment kollettiv, jew unitajiet jew ishma ta' dawk il-fondi meta l-approċċ ta' trasparenza ma jkunx possibbli għall-esponimenti kollha fl-impriża ta' investiment kollettiv;

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital tar-riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).”;"

(ii)

fil-punt (c), il-punt (i) jinbidel b'dan li ġej:

“(i)

l-ekwitajiet, ħlief l-ekwitajiet tal-infrastruttura li jikkwalifikaw jew ekwitajiet korporattivi tal-infrastruttura kwalifikanti, miżmumin f'tali fondi meta l-approċċ ta' trasparenza stipulat fl-Artikolu 84 ta' dan ir-Regolament ikun possibbli għall-iskoperturi kollha fil-fond ta' investiment alternattiv;”;

(iii)

il-punt (d) jinbidel b'dan li ġej:

“(d)

l-ekwitajiet, ħlief l-ekwitajiet tal-infrastruttura li jikkwalifikaw jew ekwitajiet korporattivi tal-infrastruttura kwalifikanti, miżmumin f' impriżi ta' investiment kollettiv li huma awtorizzati bħala fondi Ewropej ta' investiment ta' terminu twil skont ir-Regolament (UE) 2015/760 meta l-approċċ ta' trasparenza stipulat fl-Artikolu 84 ta' dan ir-Regolament ikun possibbli għall-iskoperturi kollha fl-impriża ta' investiment kollettiv, jew unitajiet jew ishma ta' dawk il-fondi meta l-approċċ ta' trasparenza ma jkunx possibbli għall-iskoperturi kollha fl-impriża ta' investiment kollettiv.”;

(5)

Fl-Artikolu 169, għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Ir-rekwiżit kapitali għall-ekwitajiet korporattivi tal-infrastruttura li jikkwalifikaw imsemmijin fl-Artikolu 168 ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu daqs it-telf fil-fondi proprji bażiċi li jirriżulta mit-tnaqqis f'daqqa li ġej:

(a)

tnaqqis f'daqqa ta' 22 % fil-valur tal-investimenti ta' ekwitajiet korporattivi tal-infrastruttura li jikkwalifikaw f'impriżi relatati skont it-tifsira tal-Artikolu 212(1)(b) u 212(2) tad-Direttiva 2009/138/KE meta dawn l-investimenti jkunu ta' għamla strateġika;

(b)

tnaqqis istantanju ugwali għall-ammont ta' 36 % u ta' 92 % tal-aġġustament simmetriku kif imsemmi fl-Artikolu 172 ta' dan ir-Regolament, fil-valur ta' ekwitajiet korporattivi tal-infrastruttura kwalifikanti, minbarra dawk imsemmijin fil-punt (a).”;

(6)

Fl-Artikolu 170, għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4.   Meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun irċeviet approvazzjoni superviżorja biex tapplika d-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 304 tad-Direttiva 2009/138/KE, ir-rekwiżit kapitali għal ekwitajiet korporattivi tal-infrastruttura li jikkwalifikaw ikun daqs it-telf fil-fondi proprji bażiċi li jirriżulta minn tnaqqis f'daqqa ta':

(a)

22 % fil-valur tal-ekwità korporattiva tal-infrastruttura kwalifikanti li jikkorrispondi għan-negozju msemmi fil-punt (i) tal-Artikolu 304(1)(b) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(b)

22 % fil-valur tal-investimenti ta' ekwitajiet korporattivi tal-infrastruttura li jikkwalifikaw f'impriżi relatati skont it-tifsira tal-Artikolu 212(1)(b) u (2) tad-Direttiva 2009/138/KE, meta dawn l-investimenti jkunu ta' għamla strateġika;

(c)

somma ta' 36 % u ta' 92 % tal-aġġustament simmetriku kif imsemmi fl-Artikolu 172 ta' dan ir-Regolament, fil-valur ta' ekwitajiet korporattivi tal-infrastrutura kwalifikanti, minbarra dawk imsemmijin fil-punti (a) jew (b).”

(7)

Fl-Artikolu 171, il-frażi ta' introduzzjoni hija sostitwita b'dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 169(1)(a), (2)(a), (3)(a) u (4)(a) u tal-Artikolu 170(1)(b), (2)(b), (3)(b) u (4)(b), l-investimenti ta' ekwità ta' għamla strateġika jfissru investimenti ta' ekwità li għalihom l-impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni parteċipanti turi dan li ġej:”;

(8)

Fl-Artikolu 180, il-paragrafi 14, 15, u 16 li ġejjin huma miżjuda:

“14.   Esponimenti fil-forma ta' bonds u self li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 15 għandhom jiġu assenjati fattur ta' riskju stress i skont l-iskala tal-kwalità kreditizja u d-durata tal-iskoperturi skont it-tabella li ġejja:

Skala tal-Kwalità Kreditizja

0

1

2

3

Durata

(duri )

stress i

ai

bi

ai

bi

ai

bi

ai

bi

sa 5

bi · duri

0,68 %

0,83 %

1,05 %

1,88 %

Iktar minn 5 u sa 10

ai + bi · (duri – 5)

3,38 %

0,38 %

4,13 %

0,45 %

5,25 %

0,53 %

9,38 %

1,13 %

Iktar minn 10 u sa 15

ai + bi · (duri – 10)

5,25 %

0,38 %

6,38 %

0,38 %

7,88 %

0,38 %

15,0 %

0,75 %

Iktar minn 15 u sa 20

ai + bi · (duri – 15)

7,13 %

0,38 %

8,25 %

0,38 %

9,75 %

0,38 %

18,75 %

0,75 %

Iktar minn 20

min[ai + bi · (duri – 20);1]

9,0 %

0,38 %

10,13 %

0,38 %

11,63 %

0,38 %

22,50 %

0,38 %

15.   Il-kriterji għall-iskoperturi li jiġu assenjati fattur ta' riskju skont il-paragrafu 14 għandhom ikunu:

(a)

l-iskopertura jkollha x'taqsam ma' investiment korporattiv infrastrutturali kwalifikanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 164b;

(b)

l-iskopertura mhijiex assi li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

tkun assenjata għal portafoll tal-aġġustament korrispondenti skont l-Artikolu 77b(2) tad-Direttiva 2009/138/KE;

tkun ġiet assenjata skala tal-kwalità kreditizja bejn 0 u 2;

(c)

valutazzjoni tal-kreditu minn ECAI nominata tkun disponibbli għall-entità infrastrutturali.

(d)

l-iskopertura tkun ġiet assenjata skala tal-kwalità kreditizja bejn 0 u 3.

16.   Skoperturi fil-forma ta' bonds u self li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 15(a) u (b), li iżda ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 15(c), għandhom jiġu assenjati fattur ta' riskju stressi ekwivalenti għall-iskala 3 tal-kwalità kreditizja u durata tal-esponiment konformi mat-tabella li tidher fil-paragrafu 14.”;

(9)

Fl-Artikolu 181, it-tieni paragrafu tal-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“Għall-assi fil-portofoll assenjat li għalihom ma hemmx disponibbli valutazzjoni tal-kreditu minn ECAI nominata, u għal assi ta' infrastruttura kwalifikanti u għal assi korporattivi infrastrutturali kwalifikanti li jkunu ġew assenjati skala tal-kwalità kreditizja 3, il-fattur ta' tnaqqis għandu jkun ta' 100 %.”;

(10)

L-Artikolu 261a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 261a

Ġestjoni tar-riskju għal investimenti infrastrutturali kwalifikanti jew investimenti korporattivi infrastrutturali kwalifikanti

1.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom joperaw bid-diliġenza dovuta qabel ma jagħmlu investiment infrastrutturali kwalifikanti jew investiment korporattiv infrastrutturali kwalifikanti, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(a)

valutazzjoni ddokumentata dwar kif l-entità infrastrutturali tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 164a jew l-Artikolu 164b, li kienet suġġetta għal proċess ta' validazzjoni, imwettaq minn persuni li huma ħielsa mill-influwenza ta' dawk il-persuni responsabbli mill-valutazzjoni tal-kriterji, u li ma għandhom l-ebda kunflitt ta' interess potenzjali ma' dawn il-persuni;

(b)

konferma li kwalunkwe mudell finanzjarju dwar il-flussi tal-flus tal-entità infrastrutturali kien suġġett għall-proċess ta' validazzjoni li twettqet minn persuni li huma ħielsa mill-influwenza ta' dawk il-persuni responsabbli mill-iżvilupp tal-mudell finanzjarju, u li ma għandhom l-ebda kunflitt ta' interess potenzjali ma' dawn il-persuni.

2.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni b'investiment infrastrutturali kwalifikanti jew investiment korporattiv infrastrutturali kwalifikanti għandhom regolarment jimmonitorjaw u jwettqu testijiet tal-istress fuq il-flussi tal-flus u l-valuri tal-kollateral li jappoġġjaw l-entità infrastrutturali. Kwalunkwe test tal-istress ikun proporzjonat għall-għamla, l-iskala u l-kumplessità tar-riskju inerenti fil-proġett infrastrutturali.

3.   L-istress test għandu jqis riskji li jirriżultaw minn attivitajiet mhux infrastrutturali, iżda d-dħul ġenerat minn attivitajiet bħal dawn ma għandux jitqies meta jiġi determinat jekk l-entità infrastrutturali hijiex kapaċi tilħaq l-obbligi finanzjarji tagħha.

4.   Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkollhom investimenti infrastrutturali materjali kwalifikanti jew investimenti korporattivi infrastrutturali kwalifikanti, huma għandhom, meta jiġu stabbiliti l-proċeduri bil-miktub msemmija fl-Artikolu 41(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, jinkludu d-dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ attiv ta' dawn l-investimenti matul il-fażi ta' kostruzzjoni, u sabiex jiġi mmassimizzat l-ammont kopert minn dawn l-investimenti f'xenarju ta' twettiq ta' ħidma.

5.   L-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni b'investiment infrastrutturali kwalifikanti jew investiment korporattiv infrastrutturali kwalifikanti f'bonds jew f'self għandhom jistabbilixxu l-ġestjoni tal-attiv u tal-passiv sabiex jiżguraw, li fuq bażi kontinwa għandhom il-kapaċità li jżommu l-investiment sal-maturità.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-8 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/467 tat-30 ta' Settembru 2015 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 dwar il-kalkolu ta' rekwiżiti kapitali regolatorji għal diversi kategoriji ta' assi miżmuma mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (ĠU L 85, 1.4.2016, p. 6)

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).