8.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 232/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1529

tas-7 ta' Settembru 2017

li japprova s-sustanza bażika klorur tas-sodju skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Bi qbil mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fis-7 ta' Ġunju 2016 il-Kummissjoni waslitilha applikazzjoni mill-Agriculture and Horticulture Development Board (UK) u mill-Institut Technique de l'Agriculture Biologique (ITAB) għall-approvazzjoni tal-melħ bħala sustanza bażika biex tintuża bħala fungiċida fuq il-faqqiegħ. Barra minn hekk, fil-21 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni mingħand l-ITAB għall-approvazzjoni tal-melħ tal-baħar bħala sustanza bażika għall-użu bħala fungiċida u bħala insettiċida fuq l-għeneb. Billi ż-żewġ applikazzjonijiet jikkonċernaw is-sustanza klorur tas-sodju ta' kwalità tajba għall-ikel, l-applikazzjonijiet ingħaqdu flimkien. L-applikazzjonijiet kellhom mehmuż magħhom l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) għall-għajnuna xjentifika. Fl-20 ta' Jannar 2017, l-Awtorità ppreżentat Rapport Tekniku dwar il-klorur tas-sodju lill-Kummissjoni (2). Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' rieżami (3) kif ukoll abbozz ta' dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fit-23 ta' Marzu 2017 u ffinalizzathom għal-laqgħa ta' dak il-Kumitat fl-20 ta' Lulju 2017.

(3)

Id-dokumentazzjoni mogħtija mill-applikant turi li l-klorur tas-sodju jissodisfa l-kriterji ta' oġġett tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, is-sustanza ma tintużax b'mod ewlieni għal skopijiet ta' protezzjoni tal-pjanti, iżda madankollu hija utli għall-protezzjoni tal-pjanti f'prodott li jikkonsisti mis-sustanza u mill-ilma. Konsegwentement, għandha titqies bħala sustanza bażika.

(4)

Minn bosta eżaminazzjonijiet li saru jidher li l-klorur tas-sodju jista', b'mod ġenerali, jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, b'mod partikolari fir-rigward tal-użi li ġew eżaminati u ddettaljati fir-rapport ta' rieżami tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jixraq li l-klorur tas-sodju jiġi approvat bħala sustanza bażika.

(5)

Madankollu, bi qbil mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jenħtieġ li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet.

(6)

Bi qbil mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5) jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni ta' sustanza bażika

Is-sustanza klorur tas-sodju hija approvata bħala sustanza bażika kif stabbilit fl-Anness I.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat bi qbil mal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, 2016; Outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for hydrogen peroxide for use in plant protection as fungicide and bactericide in seed treatment and for disinfecting cutting tools. (L-eżitu tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-EFSA dwar l-applikazzjoni tas-sustanza bażika għall-klorur tas-sodju għall-użu għall-protezzjoni tal-pjanti bħala fungiċida u batteriċida fit-trattament taż-żrieragħ u għad-diżinfettar tal-għodda tat-tqattigħ.) Pubblikazzjoni ġustifikattiva tal-EFSA 2016:EN-1091. 39 pp.

(3)  http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=EN.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Klorur tas-sodju

Nru CAS: 7647-14-5

Klorur tas-sodju

970 g/kg

Tajjeb għall-ikel

It-28 ta' Settembru 2017

L-użi approvati bħala sustanza bażika huma biss dawk ta' fungiċida u ta' insettiċida.

Il-klorur tas-sodju għandu jintuża skont il-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar il-klorur tas-sodju (SANTE/10383/2017) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.


(1)  Fir-rapport ta' rieżami jinsabu aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika.


ANNESS II

Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tinżied l-entrata li ġejja:

Numru

Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“16

Klorur tas-sodju

Nru tal-CAS: 7647-14-5

Klorur tas-sodju

970 g/kg

Tajjeb għall-ikel

It-28 ta' Settembru 2017

L-użi approvati bħala sustanza bażika huma biss dawk ta' fungiċida u ta' insettiċida.

Il-klorur tas-sodju għandu jintuża skont il-kundizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar il-klorur tas-sodju (SANTE/10383/2017) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


(1)  Fir-rapport ta' rieżami jinsabu aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modalitajiet tal-użu tas-sustanza bażika.