28.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 197/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1393
tal-24 ta' Mejju 2017
li jemenda r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1395/2014 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-ħut għal ċertu sajd ta' ħut pelaġiku żgħir u ċertu sajd għal skopijiet industrijali fil-Baħar tat-Tramuntana
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina progressivament l-iskartar tal-ħut fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid. |
(2) |
Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1395/2014 (2) stabbilixxa pjan għall-iskartar tal-ħut biex jimplimenta l-obbligu tal-ħatt l-art f'ċertu sajd pelaġiku żgħir u sajd għal skopijiet industrijali fil-Baħar tat-Tramuntana. |
(3) |
Skont l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, flimkien mal-Artikolu 15(5)(a) tiegħu, il-pjanijiet tal-iskartar jistgħu jinkludu miżuri tekniċi li l-għan tagħhom ikun li jnaqqsu, jew kemm jista' jkun jeliminaw il-qabdiet mhux mixtieqa. |
(4) |
Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit għandhom interess dirett fil-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana. Fis-7 ta' Frar 2017, wara li kkonsultaw mal-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar tat-Tramuntana u mal-Kunsill Konsultattiv għall-ispeċijiet Pelaġiċi, dawk l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta favur miżura teknika. |
(5) |
Ir-rakkomandazzjoni konġunta b'mod partikolari tipproponi li r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1395/2014 jiġi emendat biex jinkludi deroga mill-paragrafu 3 tal-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 (3), li jipprojbixxi l-użu ta' ċertu rkaptu tas-sajd f'żona mal-kosta Daniża tal-Baħar tat-Tramuntana. |
(6) |
Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 850/98 kienet iddaħħlet biex tipproteġi l-aringi li jinqabdu bħala qabda aċċessorja fis-sajd tal-laċċ ikħal. |
(7) |
Skont il-konsultazzjonijiet li twettqu mill-Istati Membri kkonċernati, il-proporzjon tal-aringi fil-kampjuni tal-qabdiet li ttieħdu fiż-żona rilevanti fil-preżent huwa inqas mill-proporzjon tal-aringi fil-kampjuni tal-qabdiet li ttieħdu barra dik iż-żona. Dawk il-konsultazzjonijiet indikaw li l-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 850/98 fil-preżent tipprevjeni l-flessibbiltà meħtieġa biex il-bastimenti jkunu jistgħu jistadu f'żoni fejn jistgħu jnaqsu kemm jista' jkun il-qbid aċċessorju mhux mixtieq. |
(8) |
Inkisbu kontribuzzjonijiet xjentifiċi mingħand korpi xjentifiċi rilevanti li ġew studjati mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). Fit-28 ta' Frar 2017 ltaqa' Grupp Espert dwar is-Sajd u l-Akkwakultura li ddiskuta l-miżuri kkonċernati. |
(9) |
L-ICES huwa tal-parir (4) li l-proporzjon bil-piż ta' aringi li nqabdu f'sajd sperimentali għal-laċċ ikħal kien ogħla barra l-kaxxa tal-laċċ ikħal milli ġo fiha, iżda meta dawn tkejlu skont l-għadd, ma kienx hemm differenza. Abbażi ta' dan, wieħed jistenna li s-sajd fil-kaxxa tal-laċċ ikħal inaqqas il-qabdiet mhux mixtieqa tal-aringi (skont il-piż) meta mqabbel mas-sajd barra mill-kaxxa; l-ICES huwa tal-parir li x'aktarx ma jkun hemm ebda effett fuq l-istokkijiet tal-aringi u tal-laċċ ikħal jekk il-projbizzjoni fuq il-kaxxa tal-laċċ ikħal titneħħa. L-ICES huwa tal-fehma li ma hemmx iżjed bżonn li tiġi evalwata l-kaxxa tal-laċċ ikħal, peress li miżuri ta' ġestjoni oħrajn huma biżżejjed biex jikkontrollaw il-qbid aċċessorju tal-aringi. |
(10) |
Il-miżuri proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u jistgħu jiddaħħlu fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1395/2014. |
(11) |
Għaldaqstant ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1395/2014 għandu jiġi emendat skont dan, |
(12) |
Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-ippjanar ta' dan l-istaġun tas-sajd, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1395/2014, jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej:
“Artikolu 4a
Miżuri tekniċi għas-sajd tal-laċċ ikħal f'żona tul il-kosta Daniża tal-Baħar tat-Tramuntana
B'deroga mill-paragrafu 3 tal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 850/98, is-sajd tal-laċċ ikħal bl-irkaptu tas-sajd li ġej għandu jkun awtorizzat fiż-żona tul il-kosta Daniża tal-Baħar tat-Tramuntana ddefinita fil-paragrafu (1)(c) ta' dak l-Artikolu:
(a) |
irkaptu rmunkat b'daqs tal-malji ta' inqas minn 32 mm; |
(b) |
purse seines; jew |
(c) |
għeżula, xbieki tat-tħabbil, pariti u xbieki tal-mitlaq b'daqs tal-malji ta' inqas minn 30 mm.” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Mejju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1395/2014 tal-20 ta' Ottubru 2014 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-ħut għal ċertu sajd ta' ħut pelaġiku żgħir u ċertu sajd għal skopijiet industrijali fil-Baħar tat-Tramuntana (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 35).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).
(4) http://www.ices.dk/sites/pub/Publication%20Reports/Forms/DispForm.aspx?ID=32869