27.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 195/9 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1389
tas-26 ta' Lulju 2017
li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra tal-laboratorju ta' referenza tal-UE għal viruses ta' oriġini alimentari
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-kompiti, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali għal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni Ewropea (l-UE) għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa tal-annimali. Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għall-ikel u l-għalf huma elenkati fil-Parti I tal-Anness VII ta' dak ir-Regolament. Din il-lista ma tinkludix laboratorju ta' referenza tal-UE għall-viruses ta' oriġini alimentari. Madankollu, l-Artikolu 32(5) ta' dak ir-Regolament jipprevedi li laboratorji ta' referenza tal-UE addizzjonali jistgħu jiġu inklużi fl-Anness VII mill-Kummissjoni. |
(2) |
Il-laboratorji ta' referenza tal-UE għandhom ikopru l-oqsma tal-liġi dwar l-għalf u l-ikel u tas-saħħa tal-annimali fejn huma meħtieġa riżultati analitiċi u dijanjostiċi preċiżi. Għalkemm jeżistu metodi stabbiliti sew biex jidentifikaw il-viruses ta' oriġini alimentari, l-effettività tal-kontrolli hija mxekkla min-nuqqas ta' uniformità fl-użu tat-testijiet. Il-fatt li mhux qed jitwettqu testijiet ta' profiċjenza biex jiġu evalwati l-metodi użati mil-laboratorji ta' referenza nazzjonali u l-kapaċità tagħhom li jużaw it-testijiet, qed jagħmilha diffiċli għal ċerti laboratorji nazzjonali ta' referenza u laboratorji uffiċjali biex jiksbu l-akkreditazzjoni meħtieġa biex jaħdmu skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Għaldaqstant, in-nuqqas ta' laboratorju ta' referenza tal-UE għall-viruses ta' oriġini alimentari jaffettwa l-abbiltà tal-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu kontrolli uffiċjali f'dan il-qasam. |
(3) |
Fis-16 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni nediet sejħa għall-applikazzjonijiet biex tagħżel u taħtar laboratorju ta' referenza tal-UE fil-qasam tal-viruses ta' oriġini alimentari. Il-laboratorju magħżul, Livsmedelsverket, jenħtieġ li jinħatar bħala l-laboratorju ta' referenza tal-UE fil-qasam tal-viruses ta' oriġini alimentari. |
(4) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Parti I tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tiġi emendata skont dan. |
(5) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fil-Parti I tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, jiżdied il-punt 22 li ġej:
“22. Laboratorju ta' referenza tal-UE għall-viruses ta' oriġini alimentari
Livsmedelsverket
Uppsala
L-Iżvezja”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Lulju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.