18.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/29


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1329

tas-17 ta' Lulju 2017

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 32/2000 rigward il-kundizzjonijiet għall-użu ta' kwota tariffarja tal-Unjoni marbuta fil-GATT għal preparazzjonijiet tal-ikel mhux speċifikati jew mhux inklużi xi mkien ieħor, allokati lill-Istati Uniti tal-Amerka

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 32/2000 tas-17 ta' Diċembru 1999 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni tal-kwoti ta' tariffi Komunitarji marbutin fil-GATT u ċerti kwoti ta' tariffi Komunitarji oħra u li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-aġġustament tal-kwoti, u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1808/95 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerka konkluż bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/125/UE (2), ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 624/2013 (3) li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 32/2000 b'effett mill-1 ta' Lulju 2013 biex tinfetaħ kwota tariffarja ta' 1 550 tunnellata marbuta fil-GATT għall-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-preparazzjonijiet tal-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi xi mkien ieħor tal-kodiċi NM 2106 90 98 li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka.

(2)

Peress li l-kwoti tariffarji speċifiċi għall-pajjiżi jiġu allokati abbażi tal-oriġini tal-merkanzija, hu kkunsidrat xieraq li jiġi introdott obbligu fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 32/2000 biex jiġi ppreżentat ċertifikat tal-oriġini, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar l-oriġini mhux preferenzjali, kull meta dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera ssir b'rabta mal-preparazzjonijiet tal-ikel maħsuba biex jibbenefikaw mill-kwota tariffarja l-ġdida.

(3)

Iżda bl-ittra tas-26 ta' April 2016, l-Istati Uniti tal-Amerka talbu li dan l-obbligu jitneħħa. L-ittra tagħhom tispjega li l-prodotti li jibbenefikaw mill-kwota tariffarja jiġu esportati minn madwar l-Istati Uniti u anki jekk il-kompitu tal-ħruġ taċ-ċertifikati tal-oriġini jkun deċentralizzat, ir-riżorsi meħtieġa għal konformità ma' din it-tip ta' sistema taċ-ċertifikazzjoni bbażata fuq il-karti jagħmlu dan il-kompitu piż projbittiv.

(4)

Fir-rigward tar-riskju li l-prodotti li ma joriġinawx fl-Istati Uniti jistgħu jiġu importati bil-kwota tariffarja jekk l-obbligu jitneħħa, l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (4) diġà joffri l-possibbiltà li l-awtoritajiet doganali jeżiġu li d-dikjaranti juru prova tal-oriġini tal-merkanzija permezz ta' mezzi tal-prova oħra għajr il-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tal-oriġini b'konformità mal-Artikoli 57, 58 u 59 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5). Għalhekk l-applikazzjoni korretta tar-regoli tista' tkun żgurata wkoll jekk jitneħħa l-obbligu li jiġi ppreżentat ċertifikat tal-oriġini ħalli jonqos il-piż amministrattiv minn fuq l-esportaturi.

(5)

Minħabba f'hekk, f'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, jixraq li l-importaturi ta' dawn il-prodotti jitħallew jużaw il-kwota tariffarja mingħajr ma jkollhom għalfejn jipprovdu ċertifikat tal-oriġini.

(6)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 32/2000 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 32/2000, fir-ringiela għan-numru tas-serje 09.0096, fil-kolonna intitolata “Rata tad-dazju (%)”, titħassar in-nota f'qiegħ il-paġna bit-test “L-użu tal-kwota tariffarja għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni, skont l-Artikoli minn 55 sa 65 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, ta' ċertifikat tal-oriġini maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerka.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 5, 8.1.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/125/UE tal-25 ta' Frar 2013 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 fir-rigward tal-modifika tal-konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 13.3.2013, p. 4).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 624/2013 tas-27 ta' Ġunju 2013 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 32/2000 rigward kwota ta' tariffi ġdida tal-Unjoni marbuta fil-GATT għal preparazzjonijiet tal-ikel mhux speċifikati jew mhux inklużi mkien ieħor, allokati lill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 177, 28.6.2013, p. 21).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).