14.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 183/9 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1269
tat-13 ta' Lulju 2017
li jemenda r-Regolament (UE) 2015/949 f'dak li għandu x'jaqsam mal-irtirar ta' karawett mill-Istati Uniti tal-Amerka mil-lista ta' kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni approvati fir-rigward tal-aflatossini
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/949 (2) japprova l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa fuq ċertu ikel minn ċerti pajjiżi terzi għall-preżenza ta' ċerti mikotossini |
(2) |
L-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li jistgħu jiġu approvati kontrolli speċifiċi ta' qabel l-esportazzjoni, imwettqa minn pajjiż terz fuq l-ikel u l-għalf immedjatament qabel l-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi vverifikat li l-prodotti esportati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Unjoni. Din l-approvazzjoni tista' tingħata biss lil pajjiż terz jekk verifika tal-Unjoni Ewropea tkun uriet li l-ikel jew l-għalf esportat lejn l-Unjoni Ewropea jkun jissodisfa r-rekwiżiti tal-Unjoni jew rekwiżiti ekwivalenti u li l-kontrolli mwettqa fil-pajjiż terz qabel il-bgħit jitqiesu effettivi u effiċjenti biżżejjed biex jissostitwixxu jew inaqqsu l-kontrolli tad-dokumenti, tal-identità u dawk fiżiċi stipulati fil-liġi tal-UE. Tali approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti) fuq l-aflatossini fil-karawett ingħatat mill-UE fl-2008. |
(3) |
Sa minn nofs l-2016 ġiet osservata żieda fin-nuqqas ta' konformità fir-rigward tal-preżenza tal-aflatossini fil-karawett mill-Istati Uniti. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti ġew infurmati b'dan u saru impenji biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni. Madankollu wieħed jista' josserva li s-sitwazzjoni ma tjibitx. |
(4) |
Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet li jwasslu għall-approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni ma għadhomx qed jiġu sodisfatti u għalhekk jixraq li l-karawett li jiġi mill-Istati Uniti jitneħħa mil-lista tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni approvati. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/949 jeħtieġ li jiġi emendat skont dan. |
(5) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/949 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/949 tad-19 ta' Ġunju 2015 li japprova l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa fuq ċertu ikel minn ċerti pajjiżi terzi għall-preżenza ta' ċerti mikotossini (ĠU L 156, 20.6.2015, p. 2).
ANNESS
Fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/949 titħassar l-entrata li ġejja:
Oġġett tal-ikel |
Kodiċi NM |
TARIC Subdiviżjoni |
Pajjiż ta' oriġini |
Mikotossina |
Il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi (%) waqt l-importazzjoni |
||||
|
|
|
L-Istati Uniti tal-Amerka |
Aflatossini |
< 1” |
||||
|
|
||||||||
|
|