13.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/31


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1261

tat-12 ta' Lulju 2017

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward ta' metodi alternattivi għall-ipproċessar ta' ċerti xaħmijiet immaċinati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(11)(a), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (2), jistabbilixxi r-regoli li jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 inklużi l-proċeduri għall-adozzjoni ta' metodu ta' pproċessar alternattiv.

(2)

Wara talba tal-awtorità kompetenti tal-Finlandja għal awtorizzazzjoni ta' metodu alternattiv għall-użu jew ir-rimi ta' prodotti sekondarji tal-annimali jew ta' prodotti derivati, kif imsemmi fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ippubblikat Opinjoni Xjentifika dwar l-użu kontinwu ta' idrotrattament katalitiku fi stadji multipli għall-ipproċessar ta' xaħam immaċinat tal-annimali (Kategorija 1) (3). Dan il-metodu għandu jintuża għall-produzzjoni tad-diżil rinovabbli, karburanti rinnovabbli tal-avjazzjoni, propan rinovabbli u petrol rinovabbli. Dan il-metodu ġie evalwat mill-EFSA bħala metodu alternattiv għall-ipproċessar sikur ta' xaħmijiet immaċinati tal-Kategorija 1 u l-prodotti jistgħu jiġu ddikjarati bħala l-punt aħħari fil-katina tal-manifattura.

(3)

L-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(4)

Prodotti derivati mill-proċessar tal-Kategoriji 1 u 2 għandhom ikunu mmarkati dejjem biex tiġi żgurata t-traċċabilità u jiġi evitat li jidħlu fil-katina tal-ikel u tal-għalf. L-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 jistabbilixxi rekwiżiti dwar l-immarkar tal-prodotti derivati. Madankollu, f'konformità mal-punt 3(e) tal-Kapitolu V tal-Anness VIII ta' dak ir-Regolament, l-immarkar mhuwiex meħtieġ għall-karburanti rinovabbli msemmija fil-punt J tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tiegħu.

(5)

Billi l-idrotrattament katalitiku fi stadji multipli għall-ipproċessar tax-xaħam immaċinat tal-annimali (il-Kategorija 1) inaqqas ir-riskji għas-saħħa tal-annimali u tal-pubbliku b'livell ta' effiċjenza daqs tal-metodu stabbilit fil-Punt J tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, għandu jiġi eskluż ukoll mir-rekwiżiti tal-immarkar billi tiżdied referenza għal dan il-metodu fil-punt 3(e) tal-Kapitolu V tal-Anness VIII ta' dak ir-Regolament.

(6)

L-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, jiżdied il-punt (k) li ġej:

“(k)

diżil rinovabbli, karburanti rinnovabbli tal-avjazzjoni, propan rinovabbli u petrol rinovabbli li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi għal prodotti ġejjin mill-idrotrattament katalitiku fi stadji multipli għall-produzzjoni tal-karburanti rinnovabbli stabbiliti fil-punt 2(f) tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu IV tal-Anness IV.”

Artikolu 2

L-Annessi IV u VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huma emendati skont it-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2015;13(11):4307.


ANNESS

L-Annessi IV u VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness IV, il-Kapitolu IV huwa emendat kif ġej:

(a)

Fit-Taqsima 1, il-punt 1(d) jiġi mibdul b'dan li ġej:

“(d)

il-fjuwils li jistgħu jiġġeddu prodotti minn xaħmijiet immaċinati, li huma dderivati minn materjali tal-Kategorija 1 u tal-Kategorija 2, skont il-punti J u L.”

(b)

Fit-Taqsima 2, jiżdied il-punt L li ġej:

“L.   idrotrattament katalitiku fi stadji multipli għall-produzzjoni ta' fjuwils li jistgħu jiġġeddu

1.   Il-materjali tal-bidu

Għal dan il-proċess, jistgħu jintużaw il-materjali li ġejjin:

(a)

xaħmijiet maħlula derivati minn materjal tal-Kategorija 1, li ġew ipproċessati permezz tal-metodu tal-ipproċessar 1 (sterilizzazzjoni bill-pressjoni);

(b)

xaħmijiet immaċinati u żejt tal-ħut li jikkonformaw mal-punt J(1)(a) ta' din it-Taqsima.

2.   Metodu ta' pproċessar

(a)

Ix-xaħam immaċinat għandu jiġi trattat minn qabel u dan it-trattament għandu jikkonsisti minn tal-inqas fl-ibbliċjar tal-materjali tal-bidu, inklużi xaħmijiet immaċinati, bl-aċidu fil-preżenza ta' tafal għall-ibbliċjar u t-tneħħija sussegwenti ta' tafal tal-ibbliċjar użat u l-impuritajiet li ma jinħallux permezz tal-filtrazzjoni;

Qabel dan it-trattament ix-xaħam immaċinat tista' titneħħilu l-gomma b'aċidu u/jew sustanza kawstika sabiex jitneħħew l-impuritajiet mix-xaħam immaċinat billi jiffurmaw gomom u sussegwentement jiġu sseparati l-imsemmija gomom permezz ta' ċentrifugazzjoni.

(b)

Il-materjali trattati minn qabel għandhom jiġu sottomessi għal proċess ta' idrotrattament li jikkonsisti minn stadju ta' idrotrattament katalitiku, stadju ta' tqaxxir u warajh stadju ta' isomerizzazzjoni.

Il-materjali għandhom jiġu sottomessi għal pressjoni ta' mill-inqas 30 bar f'temperatura ta' mill-inqas 265 °C għal mill-inqas 20 minuta.”

(c)

Fit-Taqsima 3(2), jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f)

l-idrotrattament katalitiku fi stadji multipli għall-produzzjoni ta' fjuwils rinnovabbli jista':

(i)

fil-każ ta' diżil rinnovabbli, fjuwil tal-avjazzjoni rinnovabbli, propan rinnovabbli u gażolina rinnovabbli li jirriżultaw mill-proċess, użat bħala fjuwil mingħajr restrizzjonijiet skont dan ir-Regolament (punt ta' tmiem);

(ii)

fil-każ ta' ħama tal-gomma u tafal tal-ibbliċjar użat mill-proċess ta' trattament minn qabel imsemmi fil-punt L(2)(a) tat-Taqsima 2:

jintremew skont l-Artikolu 12(a) jew (b) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009,

jintremew permezz ta' rdim f'miżbla awtorizzata,

jinbidlu f'bijogass, bil-kundizzjoni li r-residwi tad-diġestjoni minn trasformazzjoni ta' bijogass jiġu eliminati permezz ta' inċinerazzjoni, ko-inċinerazzjoni jew rdim f'miżbla awtorizzata.

użati għall-iskopijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 36(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.”

(2)

Fl-Anness VIII, il-Kapitolu V, punt 3(e) qiegħed jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

fjuwils rinnovabbli prodotti minn xaħmijiet immaċinati, li huma derivati minn materjali tal-Kategorija 1 u tal-Kategorija 2, skont il-punti J u L tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu IV tal-Anness IV.”