|
6.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 173/9 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1203
tal-5 ta' Lulju 2017
li jemenda d-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-siliċju organiku (monometilsilanetrijol) u l-oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca®) miżjuda mal-ikel u użati fil-manifattura ta' supplimenti tal-ikel
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(5) tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE jistabbilixxi l-lista ta' vitamini u sustanzi minerali li jistgħu jintużaw għall-manifattura ta' supplimenti tal-ikel. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/46/KE, dispożizzjonijiet dwar vitamini u sustanzi minerali fis-supplimenti tal-ikel li jista' jkollhom effett fuq is-saħħa pubblika għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). |
|
(3) |
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 jistabbilixxi l-lista ta' vitamini u sustanzi minerali, u għal kull waħda minnhom il-forom, li jistgħu jiżdiedu mal-ikel. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, modifiki għal-lista pprovduta fl-Anness II tal-istess Regolament għandhom jiġu adottati filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Awtorità. |
|
(5) |
Wara talba biex is-siliċju organiku bħala sors ta' siliċju jiġi miżjud fil-lista stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE, fid-9 ta' Marzu 2016 l-Awtorità adottat Opinjoni Xjentifika dwar is-sikurezza tas-siliċju organiku (monometilsilanetrijol; MMST) bħala ingredjent ġdid tal-ikel għal użu bħala sors ta' siliċju fis-supplimenti tal-ikel u bħala sors ta' bijodisponibbiltà ta' aċidu ortosiliċiku mis-sors (3). |
|
(6) |
Minn dik l-opinjoni jirriżulta li l-użu tas-siliċju organiku (monometilsilanetrijol) f'supplimenti tal-ikel ma joħloqx tħassib ta' sikurezza bħala sors ta' siliċju, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. |
|
(7) |
Filwaqt li titqies l-opinjoni favorevoli tal-Awtorità, is-siliċju organiku (monometilsilanetrijol) għandu jiġi inkluż fil-lista stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE. |
|
(8) |
Wara talba biex l-oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca®) bħala sors ta' kalċju jiġu miżjuda fil-lista stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE u fil-lista stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, fis-26 ta' April 2016 l-Awtorità adottat Opinjoni Xjentifika dwar is-sikurezza tal-oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca®) bħala sors ta' kalċju miżjud mal-ikel, mas-supplimenti tal-ikel u ma' ikel għal skopijiet mediċi speċjali għal għanijiet nutrizzjonali (4). |
|
(9) |
Minn dik l-opinjoni jirriżulta li ż-żieda ta' oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca®) mal-ikel, kif ukoll l-użu tagħhom f'supplimenti tal-ikel, ma joħolqux tħassib ta' sikurezza bħala sors ta' kalċju, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. |
|
(10) |
Filwaqt li titqies l-opinjoni favorevoli tal-Awtorità, l-oligosakkaridi tal-kalċju fosforil (POs-Ca®) għandhom jiġu inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE u fil-lista stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006. |
|
(11) |
Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati permezz tal-Grupp Konsultattiv dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u tal-Pjanti, u l-kummenti li tressqu ġew ikkunsidrati. |
|
(12) |
Għaldaqstant, id-Direttiva 2002/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 1925/2006 għandhom jiġu emendati skont dan. |
|
(13) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Lulju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.
(2) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26.
(3) EFSA Journal 2016;14(4):4436
(4) EFSA Journal 2016;14(6):4488
ANNESS
1.
Il-Punt B tal-Anness II tad-Direttiva 2002/46/KE huwa emendat kif ġej:
|
a) |
tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja wara l-annotazzjoni għal “aċidu siliċiku”: “siliċju organiku (monometilsilanetrijol)”; |
|
b) |
tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja wara l-annotazzjoni “sulfat tal-kalċju”: “oligosakkaridi tal-kalċju fosforil”. |
2.
Fil-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006, tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja wara l-annotazzjoni “sulfat tal-kalċju”:“oligosakkaridi tal-kalċju fosforil”.