|
1.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 170/56 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1169
tas-26 ta' Ġunju 2017
dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jenħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha b'mod parzjali jew bis-sħiħ, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti. |
|
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella. |
|
(4) |
Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament, u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur. |
|
(5) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Stephen QUEST
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-prodotti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Oġġett f'forma ta' ballun (hekk imsejjaħ “paintball”) magħmul minn qoxra iebsa tal-ġelatina mimlija b'żebgħa tal-ilma. L-oġġett huwa ddisinjat biex jintuża bħala projettili għal pistoli tal-paintball (xkubetta tal-arja kkumpressata (air gun) b'veloċità ta' sparar ta' 91 metru fis-sekonda) waqt il-logħba tal-paintball, li tintlagħab bejn diversi persuni. Ara l-istampi (*1). |
9306 90 90 |
Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali 1 sa 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 1(s) tal-Kapitolu 95, kif ukoll mill-kliem tal-kodiċijiet NM 9306 , 9306 90 u 9306 90 90 . Il-prodott huwa maħsub bħala projettili għal pistoli tal-paintball, li huma pistoli bl-arja tal-intestatura 9304 minħabba l-veloċità konsiderevoli ta' sparar tagħhom (ara r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 242/96 (ĠU L 31, 9.2.1996, p. 16)). Il-paintball huwa projettili li jintuża għall-isparar bi xkubetta tal-arja kkumpressata, u huwa simili għal gerbub jew darts. Għalhekk, il-paintball huwa tip ieħor ta' munizzjon (ara wkoll in-Noti ta' Spjega tas-Sistema Armonizzata dwar l-intestatura 9306 , (A) (3)). Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni bħala prodott tal-Kapitolu 95 hija eskluża bis-saħħa tan-nota 1(s) ta' dak il-Kapitolu. B'hekk, il-prodott għandu jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 9306 90 90 bħala projettili. |
(*1) L-istampi huma biss għal finijiet ta' informazzjoni.