30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/1


REGOLAMENT (UE) 2017/1130 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Ġunju 2017

li jiddefinixxi l-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd

(riformulazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 (3) ġie emendat (4) b'mod sostanzjali. Peress li ser ikun hemm aktar emendi, jenħtieġ li dak ir-Regolament ikun riformulat għal iktar ċarezza.

(2)

Fil-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd, issir referenza għall-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd, bħal tul, wisa', tunnellaġġ, data tad-dħul fis-servizz u qawwa tal-magna.

(3)

Huwa essenzjali li jintużaw regoli identiċi biex ikunu ddeterminati l-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd sabiex ikunu unifikati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività fl-Unjoni. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jkunu konformi mal-istandards tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(4)

Id-definizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu bbażati fuq inizjattivi diġà meħuda minn organizzazzjonijiet internazzjonali speċjalizzati.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li jittieħed kont tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sajd u l-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Ibħra Miftuħa, iffirmata f'Ġinevra fid-29 ta' April 1958, tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Bastimenti, iffirmata f'Londra fit-23 ta' Ġunju 1969 (il-“Konvenzjoni tal-1969”) u l-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd, iffirmata f'Torremolinos fit-2 ta' April 1977.

(6)

Għal bastimenti tas-sajd b'tul globali ta' inqas minn 15-il metru, il-metodoloġija stabbilita fl-Anness I tal-Konvenzjoni tal-1969 mhijiex adatta f'ċerti każijiet. Għaldaqstant, għal dawk il-bastimenti hija mixtieqa definizzjoni iktar sempliċi tat-tunnellaġġ gross.

(7)

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) ħejjiet normi dwar il-magni b'kumbustjoni interna li huma użati estensivament fl-Istati Membri.

(8)

Sabiex tiġi adattata r-referenza għall-Istandard Internazzjonali rilevanti tal-ISO li jistabbilixxi r-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-qawwa kontinwa tal-magnagħall-progress tekniku, jenħtieġ li s-setgħa ta' adozzjoni ta' atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewopea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-emendi meħtieġa għar-referenza għall-Istandard Internazzjonali rilevanti tal-ISO. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anke fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dispożizzjoni ġenerali

Id-definizzjonijiet tal-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw għar-regoli kollha tal-Unjoni f'dak li jirrigwarda s-sajd.

Artikolu 2

Tul

1.   It-tul ta' bastiment għandu jkun it-tul globali, definit bħala d-distanza f'linja dritta bejn il-parti l-aktar 'il quddiem tal-pruwa u l-parti l-aktar warranija tal-poppa.

Għall-iskopijiet ta' din id-definizzjoni:

(a)

il-pruwa għandha tinftiehem li tinkludi l-istruttura tal-qafas li ma jgħaddix ilma minnha, il-kastru tal-pruwa, il-pruwa u l-murata ta' quddiem, jekk imwaħħla, imma għandha teskludi l-pupress u l-ilqugħ tas-sikurezza;

(b)

il-poppa għandha tinftiehem li tinkludi l-istruttura tal-qafas li ma jgħaddix ilma minnha, it-traversa orizzontali, il-pont tal-poppa, ir-rampa tat-tartarun u l-murata, imma għandha teskludi l-ilqugħ tas-sikurezza, il-buttafora, il-makkinarju ta' propulsjoni, it-tmun u l-maniġġ, u s-slielem u l-pjattaformi tal-għaddasa.

It-tul globali għandu jkun imkejjel bil-metri u b'eżattezza ta' żewġ deċimali.

2.   Meta ssir referenza għat-tul bejn il-perpendikulari fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, dan bħala d-distanza mkejla bejn il-perpendikulari ta' quddiem u ta' wara kif definiti bil-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sikurezza tal-Bastimenti tas-Sajd.

It-tul bejn il-perpendikulari għandu jkun imkejjel bil-metri u b'eżattezza ta' żewġ deċimali.

Artikolu 3

Wisa'

Il-wisa' ta' bastiment għandu jkun il-wisa' massimu kif definit fl-Anness I tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Bastimenti (il-“Konvenzjoni tal-1969”).

Il-wisa' globali għandu jkun imkejjel bil-metri u b'eżattezza ta' żewġ deċimali.

Artikolu 4

Tunnellaġġ

1.   It-tunnellaġġ gross tal-bastimenti tas-sajd b'tul globali ugwali għal 15-il metru jew iktar għandu jitkejjel kif speċifikat fl-Anness I tal-Konvenzjoni tal-1969.

2.   It-tunnellaġġ gross tal-bastimenti tas-sajd b'tul globali ta' inqas minn 15-il metru għandu jitkejjel skont il-formola pprovduta fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

3.   Meta ssir referenza għat-tunnellaġġ nett fir-regoli tal-Unjoni, dan għandu jkun definit kif speċifikat fl-Anness I tal-Konvenzjoni tal-1969.

Artikolu 5

Qawwa tal-magna

1.   Il-qawwa tal-magna għandha tkun it-total tal-qawwa kontinwa massima li tista' tkun akkwistata fir-rota tal-volant ta' kull magna u li tista', b'mezzi mekkaniċi, elettriċi, idroliċi jew mezzi oħra, tkun applikata għall-propulsjoni tal-bastiment. B'danakollu, fejn il-kaxxa tal-ingranar tkun inkorporata fil-magna, il-qawwa għandha tkun imkejla fil-ħanek tal-kaxxa tal-ingranar.

L-ebda tnaqqis m'għandu jsir għal xi magni awżiljarji li jkunu mmexxija mill-magna.

L-unità li biha tkun espressa l-qawwa tal-magna għandha tkun il-kilowatt (kW).

2.   Il-qawwa kontinwa tal-magna għandha tkun determinata skont ir-rekwiżiti adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni fl-Istandard Internazzjonali rakkomandat tagħha ISO 3046/1, it-tieni edizzjoni, Ottubru 1981.

3.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 7 dwar l-emenda tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu sabiex tadatta r-referenza għall-Istandard Internazzjonali rilevanti tal-ISO għall-progress tekniku.

Artikolu 6

Data tad-dħul fis-servizz

Id-data tad-dħul fis-servizz għandha tkun id-data tal-ewwel ħruġ ta' ċertifikat uffiċjali ta' sikurezza.

Minkejja l-ewwel paragrafu, id-data tad-dħul fis-servizz għandha tkun id-data tal-ewwel dħul f'reġistru uffiċjali tal-bastimenti tas-sajd:

(a)

jekk ċertifikat uffiċjali ta' sikurezza ma jkunx inħareġ; jew

(b)

fil-każ ta' bastimenti tas-sajd li jkunu daħlu fis-servizz qabel l-1 ta' Diċembru 1986.

Artikolu 7

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-20 ta' Lulju 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta' żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 5(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 8

Tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 2930/86 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni stabbilita fl-Anness III.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Ġunju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

H. DALLI


(1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 140.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' April 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Mejju 2017.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 tat-22 ta' Settembru 1986 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tad-dgħajjes tas-sajd (ĠU L 274, 25.9.1986, p. 1).

(4)  Ara l-Anness II.

(5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


ANNESS I

BASTIMENTI ĠODDA B'TUL GLOBALI TA' INQAS MINN 15 -IL METRU

It-tunnellaġġ gross tal-bastimenti tas-sajd ġodda b'tul globali ta' inqas minn 15-il metru huwa definit bħala:

GT = K1 · V

fejn: K1 = 0,2 + 0,02 log10 V

u V huwa l-volum, mogħti bi:

V = a1(Loa · B1 · T1)

fejn:

Loa

=

it-tul globali (Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament)

B1

=

il-wisa' f'metri skont il-Konvenzjoni tal-1969

T1

=

il-fond f'metri skont il-Konvenzjoni tal-1969

al

=

funzjoni ta' Loa

BASTIMENTI B'TUL GLOBALI TA' INQAS MINN 15-IL METRU EŻISTENTI FL-1 TA' JANNAR 1995

It-tunnellaġġ gross tal-bastimenti tas-sajd eżistenti fl-1 ta' Jannar 1995 b'tul globali ta' inqas minn 15-il metru huwa definit bħala:

GT = K1 · V

fejn V huwa l-volum, mogħti bi:

V = a2(Loa · B1 · T1)

fejn:

Loa

=

it-tul globali (Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament)

B1

=

il-wisa' f'metri skont il-Konvenzjoni tal-1969

T1

=

il-fond f'metri skont il-Konvenzjoni tal-1969

a2

=

funzjoni ta' Loa

Il-funzjonijiet a1 u a2 għandhom ikunu ffissati fuq il-bażi tal-analiżijiet statistiċi tal-kampjuni rappreżentattivi magħquda flimkien tal-flotot tal-Istati Membri. Dawn għandhom jiġu speċifikati flimkien mad-definizzjonijiet tad-dimensjonijiet B1 u T1 u mar-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-formoli f'deċiżjoni tal-Kummissjoni.


ANNESS II

IR-REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MAL-EMENDA TIEGĦU

Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86

(ĠU L 274, 25.9.1986, p. 1)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3259/94

(ĠU L 339, 29.12.1994, p. 11)


ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regolament (KEE) Nru 2930/86

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4(1)(a)

Artikolu 4(1)(b)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1)(c)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(1)(d)

Artikolu 4(1)(e)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 7(1)

Artikolu 9

Artikolu 7(2)

Anness

Anness I

Anness II

Anness III