23.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 162/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1110

tat-22 ta' Ġunju 2017

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' formuli standard, mudelli u proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta' fornituri ta' servizzi ta' rappurtar tad-dejta u notifiki relatati skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 61(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti formoli, mudelli u proċeduri standard komuni biex jiġi żgurat fehim komuni u infurzar fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-proċess ta' awtorizzazzjoni rigward il-forniment ta' servizzi tar-rapportar tad-dejta kif ukoll sabiex jiġu żgurati flussi effiċjenti ta' informazzjoni. Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn l-applikant u l-awtorità kompetenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnominaw punt ta' kuntatt u għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar dak il-punt ta' kuntatt fuq is-sit web tagħhom.

(2)

Ir-rekwiżiti organizzattivi għal arranġamenti ta' pubblikazzjoni approvati fornituri ta' tapes ikkonsolidati u mekkaniżmi ta' rapportar approvati huma differenti minn xulxin f'xi aspetti. B'riżultat ta' dan, applikant jinħtieġ li jkun mitlub biss biex jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu l-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għas-servizz ta' rapportar ta' dejta li jkun fi ħsiebu jipprovdi.

(3)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw jekk il-bidliet fil-korp maniġerjali tal-fornitur tas-servizzi tar-rappurtar tad-dejta jistgħux ikunu ta' theddida għall-ġestjoni effettiva, soda u prudenti tal-fornitur tas-servizzi tar-rappurtar tad-dejta, u biex b'mod adegwat jitqiesu l-interessi tal-klijenti tagħha u l-integrità tas-suq, hu xieraq li jiġu stabbiliti limiti ċari ta' żmien għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar dawk il-bidliet.

(4)

Fornituri tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta jinħtieġ li jkunu f'pożizzjoni li jippreżentaw informazzjoni dwar bidla fil-korp maniġerjali wara li din il-bidla tidħol fis-seħħ fejn il-bidla tkun minħabba fatturi lil hinn mill-kontroll tal-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta.

(5)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(7)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament. L-ESMA ma analizzatx il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati għax dawn kienu jkunu sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt tagħhom.

(8)

L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ħatra ta' punt ta' kuntatt

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħtru punt ta' kuntatt għall-ġestjoni tal-informazzjoni kollha li tasal mingħand l-applikanti li jkunu qegħdin ifittxu awtorizzazzjoni bħala fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta. Id-dettalji ta' kuntatt dwar il-punt ta' kuntatt maħtur għandhom ikunu ppubblikati u aġġornati regolarment fuq is-siti web tal-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 2

Forniment ta' informazzjoni u notifika lill-awtorità kompetenti

1.   Applikant għal awtorizzazzjoni biex jipprovdi servizzi ta' rapportar tad-dejta skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tad-Direttiva 2014/65/UE għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni kollha skont l-Artikolu 61(2) tad-Direttiva 2014/65/UE billi jimla l-formola ta' applikazzjoni li tinsab fl-Anness I.

2.   L-applikant għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti b'informazzjoni dwar il-membri kollha tal-korp maniġerjali tiegħu billi jimla l-formola tan-notifika stabbilita fl-Anness II.

3.   L-applikant għandu jidentifika b'mod ċar fil-preżentazzjoni tiegħu liema rekwiżit speċifiku taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tad-Direttiva 2014/65/UE jirreferi għalih u f'liema dokument mehmuż mal-preżentazzjoni qed tiġi pprovduta dik l-informazzjoni.

4.   L-applikant għandu jindika fil-preżentazzjoni tiegħu jekk kwalunkwe rekwiżit speċifiku taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tad-Direttiva 2014/65/UE jew ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/571 (3) mhuwiex applikabbli għas-servizz ta' rapportar tad-dejta li jkun qiegħed japplika għalih.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom juru fuq is-sit web tagħhom jekk il-formoli tal-applikazzjoni mimlija kif meħtieġ, in-notifiki u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali relatata għandhomx jiġu ppreżentati f'għamla ta' dokument fiżiku, b'mod elettroniku, jew it-tnejn li huma.

Artikolu 3

Wasla tal-applikazzjoni

Fi żmien 10 t'ijiem ta' xogħol mill-wasla tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat f'forma stampata, b'mezz elettroniku jew bit-tnejn li huma konferma ta' riċevuta lill-applikant, inklużi d-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt maħtur kif imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

Talbiet għal informazzjoni addizzjonali

L-awtorità kompetenti tista' tibgħat talba għal informazzjoni lill-applikant fejn tindika liema informazzjoni addizzjonali jkollha bżonn sabiex titkompla l-valutazzjoni tal-applikazzjoni.

Artikolu 5

Notifika ta' bidla fis-sħubija tal-korp maniġerjali

1.   Fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti f'forma stampata, b'mezz elettroniku jew bit-tnejn li huma bi kwalunkwe bidla fis-sħubija tal-korp maniġerjali tagħha qabel tali bidla tidħol fis-seħħ.

Fejn, għal raġunijiet sostanzjati, in-notifika ma tistax issir qabel ma l-bidla tidħol fis-seħħ, din issir fi żmien 10 t'ijiem ta' xogħol wara l-bidla

2.   Il-fornitur tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta għandu jipprovdi l-informazzjoni dwar il-bidla skont il-paragrafu 1 billi jimla l-formola ta' notifika stabbilita fl-Anness III.

Artikolu 6

Komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tingħata jew tiġi rifjutata l-awtorizzazzjoni

L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-applikant f'forma stampata, b'mezz elettroniku jew bit-tnejn bid-deċiżjoni tagħha li tagħti jew li tiċħad l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/571 tat-2 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar l-awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-pubblikazzjoni ta' tranżazzjonijiet għal fornituri tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 126).


ANNESS I

Formola ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-forniment ta' servizzi ta' rapportar tad-dejta

Image 1
Test ta 'immaġni
Image 2
Test ta 'immaġni

ANNESS II

Formola ta' applikazzjoni għal-lista tal-membri tal-korp maniġerjali

Image 3
Test ta 'immaġni
Image 4
Test ta 'immaġni
Image 5
Test ta 'immaġni

ANNESS III

Formola ta' applikazzjoni ta' bidla fis-sħubija tal-korp maniġerjali

Image 6
Test ta 'immaġni
Image 7
Test ta 'immaġni
Image 8
Test ta 'immaġni