|
17.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 155/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1018
tad-29 ta' Ġunju 2016
li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li trid tiġi nnotifikata mid-ditti tal-investiment, l-operaturi tas-suq u l-istituzzjonijiet ta' kreditu
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1) u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(8) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 35(11) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Huwa importanti li tiġi speċifikata l-informazzjoni li d-ditti tal-investiment, l-operaturi tas-suq, u fejn meħtieġ mid-Direttiva 2014/65/UE, l-istituzzjonijiet ta' kreditu, jinħtieġ li jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom meta jkunu jixtiequ jipprovdu servizzi ta' investiment jew iwettqu attivitajiet ta' investiment kif ukoll servizzi anċillari fi Stat Membru ieħor, sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-informazzjoni uniformi u biex jibbenefikaw mill-possibbiltà li jipprovdu servizzi fl-Unjoni kollha. |
|
(2) |
L-iskop u l-kontenut tal-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata lill-awtorità kompetenti tad-domiċilju mid-ditti tal-investiment, l-istituzzjonijiet tal-kreditu jew l-operaturi tas-suq li jixtiequ jipprovdu servizzi jew attivitajiet ta' investiment kif ukoll attivitajiet anċillari jew arranġamenti li jiffaċilitaw l-aċċess u l-kummerċ ivarjaw skont l-iskop u l-forma tad-drittijiet tal-passaport. Għal raġunijiet ta' ċarezza huwa għalhekk xieraq li jiġu ddefiniti t-tipi differenti ta' notifika tal-passaport għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. |
|
(3) |
Għall-istess raġunijiet, huwa importanti wkoll li tiġi ċċarata l-informazzjoni li d-ditti tal-investiment jew l-operaturi tas-suq li joperaw faċilità multilaterali tan-negozjar (multilateral trading facility — MTF) jew faċilità organizzata tan-negozjar (organised trading facility — OTF), jinħtieġ li jippreżentaw meta jkunu jixtiequ jiffaċilitaw, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, l-aċċess għal u l-kummerċ f'dawk is-sistemi minn utenti, membri jew parteċipanti remoti stabbiliti f'dak l-Istat Membru ieħor. |
|
(4) |
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju u ospitanti jinħtieġ li jirċievu informazzjoni aġġornata f'każ ta' kwalunkwe bidla fid-dettalji ta' passaport ta' notifika, inkluż kwalunkwe irtirar jew kanċellazzjoni ta' awtorizzazzjoni biex jiġu pprovduti servizzi u attivitajiet ta' investiment. Din l-informazzjoni jinħtieġ li tiżgura li dawk l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata li tkun konsistenti mal-poteri u r-responsabbiltajiet tagħhom. |
|
(5) |
Bidliet fl-isem, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt ta' ditti tal-investiment fl-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jiġu kkunsidrati rilevanti u għalhekk jinħtieġ li jiġu nnotifikati bħala notifika ta' bidla fid-dettalji ta' fergħa jew bħala notifika ta' bidla fid-dettalji ta' aġent marbut. |
|
(6) |
Huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u ospitanti jikkooperaw biex jiġi indirizzat il-periklu ta' ħasil ta' flus. Dan ir-Regolament, u b'mod partikolari l-komunikazzjoni tal-programm tal-operazzjonijiet tad-ditti tal-investiment, jinħtieġ li jiffaċilita l-valutazzjoni u s-superviżjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar l-adegwatezza tas-sistemi u l-kontrolli biex jimpedixxu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ta' fergħa stabbilita fit-territorju tagħha, inklużi l-ħiliet, l-għarfien u l-karattru dehen tal-uffiċjal rapportatur dwar il-ħasil tal-flus. |
|
(7) |
Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib, billi jittrattaw in-notifiki relatati mal-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u attivitajiet ta' investiment u l-eżerċizzju tad-dritt ta' stabbiliment li japplikaw għad-ditti tal-investiment, l-operaturi tas-suq, u fejn previst, l-istituzzjonijiet ta' kreditu. Biex jiżguraw koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li jinħtieġ li jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u biex jiffaċilitaw perspettiva komprensiva u aċċess kumpatt għalihom minn persuni suġġetti għal dawk l-obbligi, huwa tajjeb li l-istandards tekniċi regolatorji kollha għan-notifika tal-informazzjoni meħtieġa mit-Titolu II, il-Kapitolu III tad-Direttiva 2014/65/UE jkunu inklużi f'Regolament wieħed. |
|
(8) |
Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data. |
|
(9) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-ESMA lill-Kummissjoni. |
|
(10) |
Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar dan l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 ta' dak ir-Regolament. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta' Applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għamdu japplika għad-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq li joperaw faċilità multilaterali tan-negozjar (MTF) jew faċilità organizzata tan-negozjar (“OTF”).
2. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-istituzzjonijiet ta' kreditu, awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jipprovdu xi servizz ta' investiment wieħed jew aktar jew iwettqu attivitajiet ta' investiment, u li jixtiequ jużaw aġenti marbuta skont id-drittijiet li ġejjin:
|
(a) |
id-dritt tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u attivitajiet ta' investiment skont l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2014/65/UE; |
|
(b) |
id-dritt tal-istabbiliment skont l-Artikolu 35(7) tad-Direttiva 2014/65/UE. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment” tfisser notifika li ssir skont l-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 2014/65/UE, jew skont l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2014/65/UE; |
|
(b) |
“notifika ta' passaport ta' fergħa” jew “notifika ta' passaport ta' aġent marbut” tfisser notifika li ssir skont l-Artikolu 35(2) tad-Direttiva 2014/65/UE, jew skont l-Artikolu 35(7) tad-Direttiva 2014/65/UE; |
|
(c) |
“notifika għall-provvediment ta' arranġamenti li jiffaċilitaw l-aċċess għal MTF jew OTF” tfisser notifika li saret skont l-Artikolu 34(7) tad-Direttiva 2014/65/UE. |
|
(d) |
“notifika ta' passaport” tfisser notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment, notifika ta' passaport ta' fergħa, notifika ta' passaport ta' aġent marbut, jew notifika għall-provvediment ta' arranġamenti li jiffaċilitaw l-aċċess għal MTF jew OTF. |
Artikolu 3
Informazzjoni li trid tiġi nnotifikata għall-finijiet ta' notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment
1. Id-ditti tal-investiment għandhom jiżguraw li n-notifika tal-passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment li tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 2014/65/UE tkun tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt tad-ditta tal-investiment flimkien mal-isem ta' persuna ta' kuntatt speċifikata fid-ditta tal-investiment; |
|
(b) |
programm tal-operazzjonijiet li jinkludi dan li ġej:
|
2. L-istituzzjonijiet ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) li jippreżentaw notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment skont l-Artikolu 34(5) tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jiżguraw li din in-notifika tkun tinkludi l-informazzjoni stabbilita fil-punti (a) u (b)(ii) tal-paragrafu 1.
Artikolu 4
L-informazzjoni li trid tiġi nnotifikata dwar il-bidla fil-partikularitajiet ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment
Ditti ta' investiment u dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu kif inhuma msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) għandhom jiżguraw li jikkomunikaw notifika ta' bidla fid-dettalji, skont l-Artikolu 34(4) tad-Direttiva 2014/65/UE, inklużi d-dettalji ta' kwalunkwe bidla fi kwalunkwe informazzjoni li tkun tinsab fl-ewwel notifika ta' passaport ta' servizzi u attivitajiet ta' investiment.
Artikolu 5
Informazzjoni li trid tiġi notifikata dwar l-arranġamenti li jiffaċilitaw l-aċċess għal MTF jew OTF
Id-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq li jippreżentaw notifiki dwar arranġamenti li jiffaċilitaw l-aċċess għal MTF jew OTF skont l-Artikolu 34(7) tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom jiżguraw li dawn in-notifiki jkunu jinkludu l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt tad-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq, flimkien mal-isem tal-persuna ta' kuntatt speċifikata fid-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq; |
|
(b) |
deskrizzjoni qasira tal-arranġamenti xierqa li se jkunu fis-seħħ u d-data minn meta dawn l-arranġamenti se jiġu pprovduti fl-Istat Membru ospitanti; |
|
(c) |
deskrizzjoni qasira tal-mudell tan-negozju tal-MTF jew tal-OTF, inklużi t-tipi ta' strumenti finanzjarji negozjati, it-tip ta' parteċipanti, u l-approċċ tal-kummerċjalizzazzjoni tal-MTF jew tal-OTF biex iħajjar utenti, membri jew parteċipanti remoti. |
Artikolu 6
L-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata fin-notifika tal-passaport tal-fergħa jew fin-notifika tal-aġent marbut
1. Id-ditti tal-investiment u dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu kif inhuma msemmijin fl-Artikolu 1(2)(b) għandhom jiżguraw li notifika ta' passaport ta' fergħa jew notifika ta' passaport ta' aġent marbut ippreżentata skont l-Artikolu 35(2) jew l-Artikolu 35(7) tad-Direttiva 2014/65/UE kif applikabbli, tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt tad-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu fl-Istat Membru tad-domiċilju, u l-isem tal-persuna ta' kuntatt speċifikata fid-ditta tal-investiment jew fl-istituzzjoni ta' kreditu; |
|
(b) |
l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt fl-Istat Membru ospitanti tal-fergħa jew tal-aġent marbut minn fejn jistgħu jinkisbu d-dokumenti; |
|
(c) |
l-isem ta' dawk il-persuni responsabbli għall-ġestjoni tal-fergħa jew tal-aġent marbut; |
|
(d) |
referenza għall-post, elettronika jew mod ieħor, tar-reġistru pubbliku fejn ikun irreġistrat l-aġent marbut; kif ukoll |
|
(e) |
il-programm ta' operazzjonijiet. |
2. Il-programm ta' operazzjonijiet imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1 għandhom jinkludi dan li ġej:
|
(a) |
lista tas-servizzi, l-attivitajiet u s-servizzi anċillari ta' investiment u l-istrumenti finanzjarji li se jiġu pprovduti; |
|
(b) |
ħarsa ġenerali li tispjega kif il-fergħa jew l-aġent marbut se jikkontribwixxi għall-istrateġija tad-ditta tal-investiment, l-istituzzjoni ta' kreditu jew il-grupp, u li tistabbilixxi jekk id-ditta tal-investiment tkunx membru ta' grupp, u x'se jkunu l-funzjonijiet ewlenin tal-fergħa jew tal-aġent marbut; |
|
(c) |
deskrizzjoni tat-tip ta' klijenti jew tal-kontroparti li magħha se tkun qed tittratta l-fergħa jew l-aġent marbut u ta' kif id-ditta tal-investiment jew l-istituzzjoni ta' kreditu se tikseb lil dawk il-klijenti u l-kontropartijiet u tittratta magħhom; |
|
(d) |
l-informazzjoni li ġejja dwar l-istruttura organizzazzjonali tal-fergħa jew l-aġent marbut:
|
|
(e) |
id-dettalji tal-individwi li jwettqu funzjonijiet ewlenin fil-fergħa jew fl-aġent marbut, inklużi l-individwi responsabbli għall-operazzjonijiet ta' kuljum tal-fergħa jew tal-aġent marbut, ta' dawk responsabbli għall-konformità u ta' dawk li jittrattaw l-ilmenti; |
|
(f) |
id-dettalji ta' kwalunkwe arranġament ta' esternalizzazzjoni ta' importanza kritika għall-operazzjonijiet tal-fergħa jew l-aġent marbut; |
|
(g) |
dettalji fil-qosor tas-sistemi u l-kontrolli li se jkunu fis-seħħ, fosthom:
|
|
(h) |
dikjarazzjonijiet tal-previżjoni kemm tal-profitt u t-telf kif ukoll tal-fluss tal-flus, matul il-perjodu tal-ewwel sitta u tletin xahar. |
3. Meta fergħa tkun stabbilita fi Stat Membru ospitanti u jkollha l-ħsieb tuża aġenti marbuta f'dak l-Istat Membru, skont l-Artikolu 35(2)(c) tad-Direttiva 2014/65/UE, il-programm tal-operazzjonijiet imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1 għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-identità, l-indirizz u d-dettalji tal-kuntatt ta' dawn l-aġenti marbuta kollha.
Artikolu 7
L-informazzjoni li trid tiġi nnotifikata dwar il-bidla fid-dettalji ta' fergħa jew aġent marbut
1. Id-ditti tal-investiment u dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu kif inhuma msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) għandhom jiżguraw li jikkomunikaw notifika ta' bidla fid-dettalji, skont l-Artikolu 35(10) tad-Direttiva 2014/65/UE, inklużi d-dettalji ta' kwalunkwe bidla fi kwalunkwe informazzjoni li tkun tinsab fl-ewwel notifika tal-passaport tal-fergħa jew ta' aġent marbut.
2. Id-ditti tal-investiment u dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu kif inhuma msemmijin fl-Artikolu 1(2)(b) għandhom jiżguraw li kull bidla fin-notifika ta' passaport ta' fergħa jew notifika ta' passaport ta' aġent marbut li għandha x'taqsam mat-terminazzjoni tal-operazzjoni tal-fergħa jew il-waqfien tal-użu ta' aġent marbut, għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-isem tal-persuna jew il-persuni li ser ikunu responsabbli għall-proċess tat-terminazzjoni tal-operat tal-fergħa jew tal-aġent marbut; |
|
(b) |
l-iskeda ta' żmien tat-terminazzjoni pjanata; |
|
(c) |
id-dettalji u l-proċeduri proposti għal-għeluq tal-operazzjonijiet kummerċjali, inklużi d-dettalji dwar kif se jiġu protetti l-interessi tal-klijent, se jiġu riżolti l-ilmenti u kif se jinħelsu minn kwalunkwe obbligazzjoni pendenti. |
Artikolu 8
Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mid-data li tidher l-ewwel fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(3) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).