14.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/997

tat-8 ta' Ġunju 2017

li jemenda l-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku”

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 38(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE jelenka l-karatteristiċi tal-iskart li jirrenduh perikoluż.

(2)

Id-Direttiva 2008/98/KE tiddikjara li l-klassifikazzjoni tal-iskart bħala skart perikoluż għandha tkun ibbażata, fost l-oħrajn, fuq il-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi, b'mod partikolari dik dwar il-klassifikazzjoni ta' taħlitiet bħala perikolużi, inklużi l-valuri limitu ta' konċentrazzjoni li jintużaw għal dak l-iskop. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE (2) stabbiliet lista tat-tipi ta' skart biex tinkoraġġixxi klassifikazzjoni armonizzata tal-iskart u biex tiżgura d-determinazzjoni armonizzata tal-karatteristiċi perikolużi tal-iskart fl-Unjoni.

(3)

L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE jipprevedi li l-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” jenħtieġ li tiġi attribwita abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI għad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (3).

(4)

Id-Direttiva 67/548/KEE tħassret b'effett mill-1 ta' Ġunju 2015 u ġiet sostitwita bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Madankollu, dik id-Direttiva tista' tibqa' tapplika għal xi taħlitiet sal-1 ta' Ġunju 2017, fil-każ li ġew ikklassifikati, ittikkettati u imballati f'konformità mad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u jkunu diġà tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta' Ġunju 2015.

(5)

L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2014 (6) biex fejn ikun hemm bżonn, id-definizzjonijiet tal-karatteristiċi perikolużi jiġu allinjati mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u biex ir-referenzi għad-Direttiva 67/548/KEE jiġu sostitwiti b'referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(6)

Id-definizzjoni tal-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” ma ġietx emendata mir-Regolament (UE) Nru 1357/2014, billi kien meħtieġ studju ieħor biex jiġu aċċertati l-kompletezza u r-rappreżentattività rigward l-informazzjoni dwar l-impatti possibbli ta' allinjament tal-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Peress li dak l-istudju tlesta, jixraq li jiġu riflessi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-valutazzjoni tal-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” għall-iskart stabbiliti fl-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE, u li dik il-valutazzjoni tiġi allinjata kemm jista' jkun mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għall-valutazzjoni tal-ekotossiċità tas-sustanzi kimiċi. Meta tkun qed tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tal-perikli tal-iskart għall-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” billi jiġu applikati l-formuli tal-kalkolu, jenħtieġ li japplikaw il-valuri ta' limitu ġeneriċi, kif inhuma ddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(7)

L-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fih fatturi ta' multiplikazzjoni armonizzati assenjati lil numru limitat ta' sustanzi klassifikati bħala “perikolużi għall-ambjent akkwatiku, kategorija akuta 1” jew “perikolużi għall-ambjent akkwatiku, kategorija kronika 1”, li huma użati biex titwassal il-klassifikazzjoni ta' taħlita li fiha dawn is-sustanzi huma preżenti. Fid-dawl tal-progress li sar fl-istabbiliment ta' tali fatturi ta' multiplikazzjoni, il-Kummissjoni tista', skont l-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2008/98/KE, tirrieżamina l-metodu ta' kalkolu għall-valutazzjoni tas-sustanzi rigward il-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” fid-dawl tal-inklużjoni possibbli ta' fatturi ta' multiplikazzjoni f'dak il-metodu.

(8)

Meta jitwettaq test għall-valutazzjoni talkaratteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku”, hu adatt li jiġu applikati l-metodi rilevanti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 (7) jew metodi ta' ttestjar u linji gwida oħrajn li huma rikonoxxuti internazzjonalment. Id-Deċiżjoni 2000/532/KE tipprevedi li, meta karatteristika perikoluża tal-iskart tkun ġiet ivvalutata b'test u bl-użu tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi perikolużi indikati fl-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE, jirbħu r-riżultati tat-test. Barra minn hekk, jenħtieġ li jitqiesu l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u b'mod partikolari l-Artikolu 12(b) u l-metodoloġiji għall-applikazzjoni tiegħu. Huwa adatt li l-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward ta' metodi ta' ttestjar għall-valutazzjoni ta' sustanzi rigward il-karatteristika perikoluża HP 14 “Ekotossiku” bil-ħsieb tal-armonizzazzjoni possibbli tagħhom.

(9)

Jixraq li l-kumpaniji u l-awtoritajiet kompetenti jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda.

(10)

Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE ma tax opinjoni dwar il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament. Għaldaqstant jenħtieġ li il-miżuri jiġu adottati mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 5a(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (8),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE huwa emendat f'konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-5 ta' Lulju 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. SIMSON


(1)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta' Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta' skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta' skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar tal-preparazzjonijiet perikolużi (ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2014 tat-18 ta' Diċembru 2014 li jieħu post l-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li jħassar ċertu Direttivi (ĠU L 365, 19.12.2014, p. 89).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 tat-30 ta' Mejju 2008 li jistabbilixxi metodi ta' ttestjar skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU L 142, 31.5.2008, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).


ANNESS

L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata dwar HP 14 “Ekotossiku” tinbidel b'dan li ġej:

“HP 14 ‘Ekotossiku’ skart li jippreżenta jew jista' jippreżenta riskji immedjati jew li jimmanifestaw ruħhom maż-żmien għal settur wieħed tal-ambjent jew aktar setturi tal-ambjent.

L-iskart li jissodisfa kwalunkwe waħda minn dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin għandu jiġi kklassifikat bħala perikoluż minn HP 14:

L-iskart li jkun fih sustanza li tkun ikklassifikata bħala sustanza qerrieda tal-ożonu bil-kodiċi tad-dikjarazzjoni tal-periklu H420 f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u l-konċentrazzjoni ta' din is-sustanza tkun ugwali għal-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 0,1 % jew taqbżu.

[c(H420) ≥ 0,1 %]

L-iskart li jkun fih mill-inqas sustanza waħda li tkun ikklassifikata bħala akkwatika akuta bil-kodiċi tad-dikjarazzjoni tal-periklu H400 f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u t-total tal-konċentrazzjonijiet ta' dawk is-sustanzi jkun ugwali għal-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 25 % jew jaqbżu. Għandu japplika valur ta' limitu ta' 0,1 % għal dawn is-sustanzi.

[Σ c (H400) ≥ 25 %]

L-iskart li jkun fih mill-inqas sustanza waħda kklassifikata bħala akkwatika kronika 1, 2 jew 3 assenjati għall-kodiċi(jiet) tad-dikjarazzjoni tal-periklu H410, H411 jew H412 f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u t-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha klassifikati bħala akkwatiċi kroniċi 1 (H410) immultiplikat b'100 u miżjud mat-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha kklassifikati bħala akkwatiċi kroniċi 2 (H411) immultiplikat b'10 u miżjud mat-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha klassifikati bħala akkwatiċi kroniċi 3 (H412) ikun ugwali għal-limitu tal-konċentrazzjoni ta' 25 % jew jaqbżu. Għas-sustanzi klassifikati bħala H410 japplika valur ta' limitu ta' 0,1 %, u japplika valur ta' limitu ta' 1 % għas-sustanzi kklassifikati bħala H411 jew H412.

[100 × Σc (H410) + 10 × Σc (H411) + Σc (H412) ≥ 25 %]

L-iskart li jkun fih mill-inqas sustanza waħda li tkun ikklassifikata bħala akkwatika kronika 1, 2, 3, jew 4 bil-kodiċi(jiet) tad-dikjarazzjoni tal-periklu H410, H411, H412, jew H413 f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u t-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha li jkunu klassifikati bħala akkwatiċi kroniċi jkun ugwali għal-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 25 % jew jaqbżu. Għas-sustanzi klassifikati bħala H410 japplika valur ta' limitu ta' 0,1 %, u japplika valur ta' limitu ta' 1 % għas-sustanzi kklassifikati bħala H411 H412, jew H413.

[Σ c H410 + Σ c H411 + Σ c H412 + Σ c H413 ≥ 25 %]

Fejn: Σ = it-total u c = il-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi.

(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).”."

(2)

tħassret in-nota taħt l-entrata tal-HP 15.