|
10.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 148/16 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/981
tas-7 ta' Ġunju 2017
li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' formoli, mudelli u proċeduri standard għall-konsultazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħrajn qabel ma tingħata awtorizzazzjoni konformi mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 84(4) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 84 tad-Direttiva 2014/65/UE jipprovdi għall-konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti qabel ma tingħata awtorizzazzjoni konformi mal-Artikolu 7 ta' dik id-Direttiva. Id-Direttiva 2014/65/UE tipprovdi wkoll għall-istabbiliment ta' formoli, mudelli u proċeduri standard għal tali konsultazzjoni. |
|
(2) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, jinħtieġ li dawn jaħtru punt ta' kuntatt speċifikament għall-iskop tal-komunikazzjoni qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni. |
|
(3) |
Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jikkonsultaw lil xulxin qabel ma tingħata awtorizzazzjoni b'mod effiċjenti u fil-ħin, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għat-talbiet għal konsultazzjoni, il-konferma tar-riċevuta u risposti għal talbiet għall-konsultazzjoni. |
|
(4) |
Il-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għandhom jippermettu li l-informazzjoni li tiġi skambjata jew trażmessa tinżamm kunfidenzjali skont id-Direttiva 2014/65/UE, u biex ikun hemm konformità mar-regoli stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta personali. |
|
(5) |
Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mill-istess data. |
|
(6) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni abbozzati sottomessi mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-ESMA) lill-Kummissjoni. |
|
(7) |
L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-introduzzjoni ta' formoli u proċeduri standard għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti, peress li dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-iskop u l-impatt tagħhom, filwaqt li jitqies li d-destinatarji ta' dawk l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni se jkunu biss l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u mhux il-parteċipanti fis-suq. |
|
(8) |
L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Punti ta' kuntatt
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeżinjaw punti ta' kuntatt għall-komunikazzjoni skont dan ir-Regolament u jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-punti ta' kuntatt tagħhom fuq is-siti web tagħhom.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu l-informazzjoni dwar il-punti ta' kuntatt tagħhom lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA). L-ESMA għandha żżomm lista aġġornata tal-punti ta' kuntatt għall-użu tal-awtoritajiet kompetenti u għandha tippubblikaha fuq is-sit web tagħha.
Artikolu 2
Talba għall-konsultazzjoni
1. L-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba għandha tressaq it-talba għal konsultazzjoni f'forma kartaċja inkella permezz ta' mezzi elettroniċi, lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità kompetenti li għandha tiġi kkonsultata.
2. L-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba għandha tressaq it-talba tagħha għall-konsultazzjoni billi timla l-formola li tinsab fl-Anness I. Flimkien mat-talba għall-informazzjoni, l-awtorità kompetenti li tkun qed tagħmilha tista' tehmeż kull dokument jew materjal ta' sostenn li jitqies neċessarju biex isostni t-talba.
Artikolu 3
Konferma tar-riċevuta
L-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tibgħat konferma tar-riċevuta billi timla l-formola li tinsab fl-Anness II, fi żmien ħamest ijiem mindu tasal it-talba għall-konsultazzjoni, indirizzata lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba.
Artikolu 4
Risposta għal talba għall-konsultazzjoni
1. L-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tirrispondi għal talba għall-konsultazzjoni f'forma kartaċja jew b'mezzi elettroniċi. Ir-risposta għandha tkun indirizzata lill-punt ta' kuntatt tal-awtorità kompetenti li tagħhmel it-talba, sakemm l-awtorità ma tkunx speċifikat li għandu jsir mod ieħor.
2. L-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba dwar kwalunkwe kjarifika li tkun teħtieġ b'rabta mal-informazzjoni mitluba.
3. Billi timla mill-iktar fis possibbli l-formola li tinsab fl-Anness III, u fi żmien 60 ġurnata xogħol mid-data li fiha tkun waslet it-talba għall-konsultazzjoni, l-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tagħti l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti li tkun talbet l-informazzjoni:
|
(a) |
l-informazzjoni mitluba fit-talba għal konsultazzjoni u kull fehma jew riżerva b'rabta mal-għoti tal-awtorizzazzjoni; |
|
(b) |
kull informazzjoni essenzjali oħra li tista' tinfluwenza l-għoti tal-awtorizzazzjoni. |
4. Meta l-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba tqis li aktarx mhix se tlaħħaq mal-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 3, din għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti li tkun għamlet it-talba b'dan minnufih, u tindika r-raġunijiet għad-dewmien u d-data mistennija tar-risposta. Din għandha tagħti wkoll informazzjoni regolari dwar il-progress tat-tħejjija tar-risposta tagħha.
5. Meta l-awtorità kompetenti li tkun irċeviet it-talba ma tkunx tista' tlaħħaq mal-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, din għandha tipprovdi l-informazzjoni b'tali mod li jiżgura li kull azzjoni meħtieġa tkun tista' ssir bil-ħeffa, filwaqt li tkun konformi mal-limitu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2014/65/UE.
Artikolu 5
Proċedura għall-konsultazzjoni
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw b'rabta mat-talba għall-konsultazzjoni u r-risposta għaliha billi jużaw l-iktar mezz effiċjenti minn dawk li jinsabu fl-Artikoli 2(1) u 4(1), filwaqt li jqisu l-kunfidenzjalità, il-ħinijiet għall-korrispondenza, il-volum ta' materjal li għandu jiġi komunikat u l-faċilità tal-aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità kompetenti rikjedenti. B'mod partikolari, l-awtorità kompetenti rikjedenti għandha tirrispondi minnufih għal kull kjarifika mitluba mill-awtorità kompetenti rikjesta.
2. Jekk l-informazzjoni mitluba tinsab għand, jew tista' tinsab għand, awtorità kompetenti ta' Stat Membru għajr l-awtorità kompetenti tal-istess Stat Membru li tirċievi t-talba, l-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tiġbor l-informazzjoni minnufih mill-awtorità kompetenti l-oħra u tittrażmettiha lill-awtorità kompetenti rikjedenti f'konformità mal-Artikolu 4.
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw biex isolvu kwalunkwe diffikultà li tista' tinqala fit-twettiq ta' rikjesta.
4. Meta jkun hemm informazzjoni ġdida jew tinqala' l-ħtieġa għal aktar informazzjoni waqt il-proċedura tal-għoti jew taċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li l-informazzjoni relevanti kollha tiġi skambjata. Il-formoli li jinsabu fl-Annessi I u II għandhom jintużaw għal dan l-għan.
5. Permezz ta' deroga mill-Artikoli 2(1) u 4(1), meta l-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba tagħmel talba għal konsultazzjoni tul il-perjodu tal-aħħar 30 jum ta' ħidma qabel tmiem il-valutazzjoni tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, din tista' tagħmel tali talba verbalment, dment li l-konferma sussegwenti tat-talba għal konsultazzjoni ssir bil-miktub, sakemm l-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba ma taqbilx li jsir mod ieħor.
Artikolu 6
Użu tal-informazzjoni
1. Jekk l-informazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti li tkun irċeviet it-talba tiġi riprodotta fir-risposta tal-awtorità kompetenti li tkun bagħtet it-talba għall-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti li tkun bagħtet it-talba għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba qabel ma tinforma lill-applikant.
2. Fil-każ li jkun hemm talba biex tiġi divulgata informazzjoni li awtorità kompetenti tkun irċeviet mingħand awtorità kompetenti oħra, l-awtorità kompetenti li tkun irċeviet it-talba għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti l-oħra qabel ma tiddivulga l-informazzjoni u għandha teżerċita l-eżenzjonijiet jew privileġġi legali xierqa fir-rigward tal-informazzjoni li jistgħu jkunu disponibbli.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa japplika mit-3 ta' Jannar 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).